Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0127

    2011/127/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta' Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1032)

    ĠU L 51, 25.2.2011, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/07/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/127(1)/oj

    25.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 51/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-24 ta' Frar 2011

    li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1032)

    (It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

    (2011/127/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

    Billi:

    (1)

    Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dawk speċifikati fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, l-istaġuni twal ta' kultivazzjoni u l-uċuħ b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

    (2)

    Fit-22 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (2), li tippermetti lill-Irlanda li tapplika 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel tal-bhejjem fl-azjendi agrikoli b'mill-inqas 80 % mergħat.

    (3)

    Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2007/697/KE kienet tikkonċerna madwar 5 000 azjenda agrikola fl-Irlanda li jfisser madwar 2,7 % tat-total tan-numru ta' azjendi tal-baqar jew tan-nagħaġ, 10 % tat-total tan-numri tal-bhejjem li jirgħu u 4,2 % tat-total nett taż-żona agrikola. Id-Deċiżjoni 2007/697/KE tiskadi fis-17 ta' Lulju 2010.

    (4)

    Fit-12 ta' Mejju 2010 l-Irlanda ppreżentat lill-Kummissjoni talba għal estensjoni tad-deroga. It-talba kienet tinkludi ġustifikazzjoni abbażi tal-għan tal-kriterji speċifikati fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

    (5)

    L-Irlanda adottat programm ta' azzjoni ġdid għal perjodu bejn Lulju 2010 u Diċembru 2013, li prinċipalment iżomm il-miżuri tal-programm ta' azzjoni għall-perjodu sat-30 ta' Ġunju 2010 u japplika fit-territorju kollu tal-Irlanda.

    (6)

    Ir-raba' rapport ta' implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE fl-Irlanda għal perjodu 2004-2007 juri li b'mod ġenerali, il-kwalità tal-ilma, hija stabbli jew tjiebet. Għall-ilma ta' taħt l-art, 2 % tas-siti wrew valuri medji tan-nitrat ta' aktar minn 50 mg/l u 74 % tal-valuri tas-siti inqas minn 25 mg/l. Għall-ilmijiet tal-wiċċ tax-xmajjar, 97 % tas-siti ta' monitoraġġ wrew valuri medji tan-nitrat inqas minn 25 mg/l, u l-ebda sit ma wera valur medju ta' aktar minn 50 mg/l. 93 % tal-lagi ġew ikklassifikati bħala jew oligotrofiċi jew mesotrofiċi u 7 % tal-lagi ġew ikklassifikati bħala jew ewtrofiċi jew ipertrofiċi.

    (7)

    L-għadd tal-bhejjem naqas iktar matul il-perjodu 2004-2007, b'madwar 4 % għall-baqar, 19 % għan-nagħaġ, 4 % għall-ħnieżer u 7 % għat-tjur. (3) L-użu annwali tan-nitroġenu organiku mid-demel tal-bhejjem u minn nitroġenu minerali naqas b'5 % u bi 17 % rispettivament. It-total taż-żona tal-azjedni agrikoli naqas bi 3 % għal 4,28 miljun ettaru u l-mergħat għadhom jirrapreżentaw iktar minn 90 % taż-żona agrikola.

    (8)

    Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku msemmi fit-talba għall-estensjoni tad-deroga u l-miżuri li għalihom l-Irlanda kkomettiet ruħha fil-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn Lulju 2010 u Diċembru 2013, jista' jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-kisba tad-deroga kif speċifikati fid-Direttiva 91/676/KEE, bħal pereżempju staġuni twal ta' kultivazzjoni u l-uċuħ b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu, għadhom qed jiġu ssodisfati, u li d-deroga ma tippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet ta' dik id-Direttiva.

    (9)

    Sabiex jiġi żgurat li l-azjendi agrikoli fil-mergħat ikkonċernati jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn deroga, huwa xieraq li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/697/KE jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2013.

    (10)

    Madankollu, l-iskadenzi għar-rappurtar lill-Kummissjoni ffissati fid-Deċiżjoni 2007/697/KE, għandhom jiġu adattati sabiex ikun issimplifikat il-piż amministrattiv billi jingħata permess lill-Irlanda sabiex tistabbillixxi skadenza waħda għall-obbligi kollha ta' rappurtar.

    (11)

    Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2007/697/KE hija emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'li ġej:

    “Artikolu 1

    Tingħata d-deroga mitluba mill-Irlanda permezz ta' ittra tat-18 ta' Ottubru 2006, u l-estensjoni mitluba permezz ta' ittra tat-12 ta' Mejjju 2010, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta' demel tal-bhejjem minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni”.

    2.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1), jitbiddel b' li ġej:

    “Dawk il-mapep għandhom jitressqu lill-Kummisjoni sa mhux iktar tard minn Ġunju ta' kull sena.”

    3.

    L-Artikolu 11 jitbiddel b'li ġej:

    “Artikolu 11

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta' Azzjoni Irlandiż hekk kif implimentat f'Ir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta' Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) 2010 (Strument statutorju nru 610 ta' 2010).

    Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 284, 30.10.2007, p. 27.

    (3)  Perjodu ta' referenza għat-tjur: 2003-2005


    Top