EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1122

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1122/2010 tat- 2 ta' Diċembru 2010 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gouda Holland (IĠP)]

ĠU L 317, 3.12.2010, p. 22–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1122/oj

3.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1122/2010

tat-2 ta' Diċembru 2010

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gouda Holland (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-istess Regolament, it-talba tal-Pajjiżi l-Baxxi biex id-denominazzjoni “Gouda Holland” tiddaħħal fir-reġistru ta' denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, il-gvernijiet tal-Awstralja, in-New Zealand u l-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll id-Dairy Australia, id-Dairy Companies Association of New Zealand u n-National Milk Producers Federation, flimkien mal-US Dairy Export Council bagħtu oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli skont l-Artikolu 7(3) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, partikolarment id-denominazzjoni u l-użu tagħha, l-ispeċifiċità u r-reputazzjoni tal-prodott, id-delimitazzjoni taż-żona ġeografika, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq l-oriġini tal-materja prima. L-oġġezzjonijiet kienu jiddikjaraw ukoll li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u tista' tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjonijiet, marki kummerċjali jew prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni pprovuduta fl-Artikolu 6(2), u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni kienet ġenerika.

(4)

Bl-ittri tal-4 ta' Novembru 2008, il-Kummissjoni stiednet lill-Pajjiżi l-Baxxi u dawk li oġġezzjonaw biex jilħqu ftehim bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(5)

Peress li ma ntlaħaq ebda ftehim bejn dawk li oġġezzjonaw fiż-żmien stipulat, bl-eċċezzjoni ta' ftehim milħuq bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u Franza, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(6)

Rigward in-nuqqas ta' konformità allegat mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar id-denominazzjoni, iż-żona ġeografika, l-ispeċifiċità tal-prodott, ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u ż-żona ġeografika, ir-reputazzjoni u r-restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-oriġini tal-materja prima, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli pprovdew konferma li dawn l-elementi kienu jeżistu u barra minn hekk ma nstab ebda żball manifest ieħor. Ta' min isemmi li “Holland” mhux l-isem tal-Istat Membru konċernat u li l-“Gouda Holland” jitqies bħala isem ġeografiku tradizzjonali kopert kompletament bl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) il-punt b) tar-Regolament imsemmi huma f'dan is-sens issodisfati billi ż-żona ġeografika relatata hija delimitata skont ir-rabta u l-elementi ewlenin tal-ispeċifiċità tal-prodott. L-ispeċifiċità tal-Gouda Holland ġejja minn taħlita ta' fatturi marbutin maż-żona ġeografika bħal pereżempju l-kwalità tal-ħalib (livell għoli ta' kontenut ta' xaħam u proteini), l-aminoaċidi li joriġinaw minn peptidi β-CN u γ-glutamil, il-prevelanza tar-rigħi fil-mergħat, l-użu tat-tames tal-għoġol, il-maturazzjoni naturali, kif ukoll il-ħiliet tal-bdiewa u tal-produtturi tal-ġobon.

(7)

Fir-rigward ta' oġġezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew informazzjoni dwar id-distinzjoni bejn il-prodott li jġib id-denominazzjoni reġistrata “Noord-Hollandse Gouda” u dak li għalih tapplika d-denominazzjoni “Gouda Holland”. Ma kien hemm ebda evidenza fid-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet li turi li l-konsumaturi jistgħu jiġu mqarrqin jew li l-produtturi kienu se jiġu trattati b'mod inġust.

(8)

Jidher li dawk li oġġezzjonaw ma rreferewx għall-isem sħiħ “Gouda Holland” meta ddikjaraw li r-reġistrazzjoni kienet se tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjonijiet, marki kummerċjali jew prodotti, u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni hija ġenerika, iżda għal element wieħed biss tagħha, jiġifieri “Gouda”. Madankollu, se tingħata protezzjoni għat-terminu “Gouda Holland” kollu kemm hu. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-terminu “Gouda” jista' jkompli jintuża sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni jitħarsu. Għal raġunijiet ta' kjarifikazzjoni, l-ispeċifikazzjoni u s-sommarju ġew modifikati skont dan.

(9)

Fid-dawl ta' dan kollu, id-denominazzjoni “Gouda Holland” għandha tiddaħħal fir-“Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”.

(10)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament hija b'dan imdaħħla fir-Reġistru.

Minkejja l-ewwel paragrafu, l-isem “Gouda” jista' jkompli jintuża fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tagħha jitħarsu.

Artikolu 2

Il-verżjoni konsolidata tas-sommarju li fih il-punti prinċipali tal-ispeċifikazzjoni hija stipulata fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 61, 6.3.2008, p. 15.


ANNESS I

Prodotti agrikoli maħsubin għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I għat-Trattat:

Klassi 1.3.   Ġobnijiet

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

Gouda Holland (IĠP)


ANNESS II

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

“GOUDA HOLLAND”

Nru KE: NL-PGI-0005-0328-27.11.2003

DPO ( ) IĠP (X)

Dan is-sommarju jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat Membru

Isem

:

Hoofdproductschap Akkerbouw

Indirizz

:

Postbus 29739 - 2502 LS 's-Gravenhage

Tel.

:

+31-70-3708708

Feks

:

+31-70-3708444

Posta elettronika

:

plw@hpa.agro.nl

2.   Grupp

Isem

:

Nederlandse Zuivel Organisatie (NZO)

Indirizz

:

Postbus 165 - 2700 AD Zoetermeer

Tel.

:

+ 31-79-3430300

Feks

:

+31-79-3430320

Posta elettronika

:

info@nzo.nl

Kompożizzjoni

:

Produtturi/proċessaturi (X) Oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott

Klassi 1.3.

Ġobnijiet

4.   Speċifikazzjoni

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem

“Gouda Holland”

4.2.   Deskrizzjoni

Il-Gouda Holland huwa ġobon kemxejn iebes immaturat b'mod naturali b'kontenut kollu ta' xaħam (48 % +).

Jiġi prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-ħalib tal-baqar tal-azjendi tal-prodotti tal-ħalib Olandiżi u jiġi mmaturat għal prodott lest għal konsumatur fi kmamar għal maturazzjoni Olandiżi.

Kompożizzjoni

Il-Gouda Holland huwa prodott minn element wieħed jew iżjed tal-materja prima li ġejja:

ħalib, krema u ħalib xkumat jew nofsu xkumat tal-baqar (eskussivament ħalib tal-baqar) minn azjendi tal-prodotti tal-ħalib Olandiżi.

Elementi karatteristiċi

Il-ġobon għandu forma bħal dik ta' ċilindru mċaftar, blokka jew kexxun tal-ħobż u jiżen bejn 2,5 kg sa 20 kg. Forma ċilindrika mċaftra hija forma bil-ġnub għat-tond li fit-trufijiet tiġi għal xejn għal xejn għaċ-ċatt. L-għoli huwa ta' kwart jew terz tad-dijametru.

Il-kontenut tax-xaħam huwa mill-inqas ta' 48,0 % u mhux iżjed minn 52,0 % f'materja niexfa. Il-kontenut ta' ndewwa (massimu) 12-il ġurnata mill-ewwel jum tal-produzzjoni huwa 42,5 % u l-kontenut ta' melħ f'materja niexfa huwa massimu ta' 4,0 %. L-elementi karatteristiċi l-oħra huma kif ġej:

It-togħma: aromatika, pjaċevoli, u minn qawwija għal ħafifa, skont iż-żmien tal-maturazzjoni. Jista' jiżdied il-kemmun.

Sezzjoni trasversali: wara li l-ġobon jitqatta' f'biċċiet irqaq, tista' tara xi toqob li ma jkunux mxerrdin b'mod ekwu. Il-lewn tal-ġobon ivarja minn kulur l-ivorju għal isfar.

Il-qoxra: il-qoxra hija soda, lixxa, niexfa, nadifa u mingħajr ebda flora tal-fungu. Din tifforma billi tinxef waqt l-istadju tal-maturazzjoni.

Konsistenza: il-ġobon huwa kemxejn artab u flessibbli wara maturazzjoni ta' erba' ġimgħat. Hekk kif il-ġobon ikompli jimmatura, isir iżjed iebes u magħqud fil-konsistenza. Il-ġobon jinqata' faċilment.

Perjodu ta' maturazzjoni: tal-anqas 28 jum. Il-Gouda Holland huwa ġobon immaturat b'mod naturali. Għall-Gouda Holland mhijiex permessa il-maturazzjoni bil-fojl.

Temperatura ta' maturazzjoni: minimu ta' 12 °C.

Żmien: it-tul tal-iskadenza jvarja minn minimu ta' 28 jum wara l-produzzjoni għal aktar minn sena.

Kriterji speċjali ta' kwalità

Meta jaslu u jinħażnu għand il-produttur tal-ġobon, jista' jkun li l-ħalib, il-krema jew il-ħalib nofsu xkumat jew ma jkunu ħadu ebda trattament tas-sħana jew ikunu ħadu trattament tas-sħana li ma jippastorizzax.

Il-krema u l-ħalib xkumat jew nofsu xkumat għandhom jiġu ppastorizzati immedjatament qabel ma jsiru Gouda Holland biex jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

ma jkun hemm ebda attività tal-fosfatażi, sakemm ma jkun hemm ebda attività tal-perossidażi;

livelli ta' aċidità, għal krema mkejla abbażi tal-prodott mingħajr xaħam, mhumiex ogħla minn 20 mmol NaOH għal kull litru, sakemm il-kontenut tal-lattat huwa 200 mg għal kull 100 g ta' materja mingħajr xaħam jew anqas;

l-ebda mikro organiżmu tal-koliform ma jkun jista' jiġi osservat f'0,1 ml.

Eżatt qabel ma tintuża għall-Gouda Holland, il-materja prima kollha trid tiġi ppastorizzata b'tali mod li l-kontenut żnaturat ta' proteina tax-xorrox ma jvarjax jew ivarja verament ftit minn dak ta' materja prima mhix pastorizzata ta' tip u kwalità simili. Jistgħu jiżdiedu biss kulturi mhux modifikati ġenetikament ta' mikro organiżmi li jipproduċu l-aċidu tal-ħalib jew li jipproduċu l-aroma fil-produzzjoni tal-Gouda Holland. Dawn il-kulturi jikkonsistu f'kulturi starter meżofiliċi adattati għall-Gouda Holland: Lactococcus u Leuconostoc L jew LD, possibbilment flimkien ma' Lactobacillus termofiliku u/jew kulturi ta' Lactococcus. Il-kulturi preżenti huma protetti. L-użu tagħhom huwa obbligatorju fil-produzzjoni tal-Gouda Holland.

Tames: jintuża biss tames tal-għoġol fil-produzzjoni tal-Gouda Holland. Huwa biss f'ċirkustanzi speċjali, pereżempju jekk meħtieġ minħabba mard epiżotiku, li jista' jkun meħtieġ li minflok jintużaw tipi oħra ta' tames. F'dak il-każ, it-tames użat irid ikun konformi mar-rekwiżiti ta' Warenwetbesluit Zuivel [id-Digriet tad-Dairy Products (Commodities Act)].

Il-kontenut tan-nitrit tal-Gouda Holland, f'termini ta' joni tan-nitrit, mhux ogħla minn 2 mg għal kull kg ta' ġobon.

4.3.   Żona ġeografika

Iż-żona ġeografika koperta mill-applikazzjoni hija l-Olanda, jiġifieri l-parti Ewropea tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

4.4.   Prova tal-oriġini

Kull ġobna ta' Gouda Holland tiġi mmarkata bil-kaseina qabel ma l-baqta tiġi ppressata (ara l-istampa). Il-marka fiha d-denominazzjoni “Gouda Holland” flimkien ma' taħlita ta' numri u ittri li huma uniċi għal kull ġobna (f'ordni alfabetika u numerika li tiżdied).

Image

Il-COKZ (l-istitut Olandiż ta' spezzjoni tal-prodotti tal-ħalib) iżomm reġistru ta' dawn iċ-ċifri uniċi, magħhom tiddaħħal ukoll id-dejta tal-eżamijiet kollha (inklużi l-ħin u l-post). Din l-indikazzjoni tingħaraf faċilment mill-konsumaturi u tista' tiġi vverifikata minn awtorità ta' approvazzjoni abbażi tal-marka bil-kaseina u r-reġistru tal-COKZ.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni

Il-ġobon Gouda Holland jiġi prodott minn ħalib tal-azjendi tal-prodotti tal-ħalib fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-ħalib jitkessaħ fl-azjenda għal massimu ta' 6 °C u jinħażen f'tank ta' tkessiħ fl-azjenda stess. Wara jinġarr għall-fabbrika tal-ġobon mhux iktar tard minn 72 siegħa wara. Meta jasal fil-fabbrika tal-ġobon, jew jiġi pproċessat immedjatament jew inkella termizzat (trattament tas-sħana ħafifa li ma jippastorizzax) u jitpoġġa f'ħażna tat-tkessiħ għal perjodu qasir qabel ma jinbidel f'ħalib tal-ġobon.

Il-kontenut tax-xaħam tal-ħalib huwa standardizzat b'tali mod li l-proporzjon ta' xaħam/proteina huwa dak li eventwalment jipproduċi ġobon b'kontenut tax-xaħam ta' bejn 48 % u 52 % xaħam f'materja niexfa. Il-ħalib tal-ġobon jiġi ppastorizzat f'temperatura tal-anqas ta' 72 °C għal 15-il sekonda. Isir f'baqta f'temperatura ta' madwar 30 °C. Is-separazzjoni u l-koagulazzjoni tal-proteini tal-ħalib li jseħħu matul dan il-proċess hija tipika tal-Gouda Holland.

Il-baqta prodotta mill-koagulazzjoni tiġi sseparata mix-xorrox u pproċessata u maħsula biex jiġi żgurat li l-kontenut tan-ndewwa u l-pH jilħqu l-livelli meħtieġa.

Il-baqta tiġi ppressata fil-forma korretta u fil-piż meħtieġ f'kontenituri. Il-“ġobon” prodott b'dan il-mod imbagħad jingħaddas ġos-salmura.

Il-Gouda Holland jiġi biss immaturat dejjem b'mod naturali, jiġifieri jitħalla mikxuf għall-arja biex jimmatura u jinqaleb u jiġi kkontrollat regolarment. Hekk kif il-ġobon jimmatura, tifforma qoxra niexfa. Iż-żmien u t-temperatura għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-proċessi enżimatiċi u dawk tal-maturazzjoni jingħataw opportunità biżżejjed sabiex il-ġobon jiżviluppa l-kwalità fiżika u organolettika li hija karatteristika tal-Gouda Holland.

Il-Gouda Holland jista' jieħu iżjed minn sena biex jimmatura, jiddependi fuq it-tip ta' togħma mixtieqa.

Il-Gouda Holland jista' jitqatta' u jiġi ppakkjat kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll f'pajjiż ieħor, sakemm dak li jippakkja għandu sistema amministrattiva ta' monitoraġġ komprensiva li tiżgura li l-Gouda Holland imqatta' jista' jiġi identifikat permezz tat-taħlita unika ta' numri u ittri fuq il-marka u li l-konsumatur ikun ċert mill-oriġini tiegħu.

4.6.   Rabta

Il-parti ġeografika tad-denominazzjoni ta' dan il-prodott hija “Holland”. Bħalma jaf kulħadd, “Holland” hija sinonima mal-isem aktar uffiċjali, “il-Pajjiżi l-Baxxi”. Matul il-perjodu tar-Repubblika tal-Pajjiżi l-Baxxi Uniti (mis-17 sad-19-il seklu), l-Olanda kienet il-provinċja l-iktar influenti mis-seba' provinċji.

Hija l-iktar minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-Pajjiżi l-Baxxi (kważi kollha taħt il-livell tal-baħar), il-klima tagħhom (klima marittima) u t-taħlita tal-ħaxix li jikber hemm (kważi kollu fuq ħamrija ramlija u taflija) li jwasslu għall-ħalib daqshekk adattat għall-produzzjoni ta' ġobon ta' kwalità għolja mimli togħma. Is-sistemi tal-assigurazzjoni ta' kwalità stabbiliti fl-azjendi tal-prodotti tal-ħalib u s-sistema intensiva ta' valutazzjoni ta' kwalità (kull konsenja ħalib tiġi eżaminata u vvalutata skont parametri varji ta' kwalità) kollha flimkien jiggarantixxu l-kwalità tal-ħalib. Barra minn hekk, sal-mument li l-ħalib jiġi pproċessat hemm katina ta' tkessiħ bla waqfien, bil-ħalib jitpoġġa f'ħażna tat-tkessiħ fl-azjenda (massimu 6 °C) u jinġarr għall-fabbrika f'tankijiet b'tagħmir tat-tkessiħ. Id-distanzi relattivament qosra involuti jgħinu wkoll biex tinżamm il-kwalità tal-ħalib.

Sfond storiku

Il-Gouda Holland huwa simbolu tat-tradizzjoni Olandiża tal-produzzjoni tal-ġobon, li tmur lura sal-Medju Evu, u li laħqet l-aqwa tagħha saħansitra diġà fis-seklu 17 (l-Epoka tad-Deheb).

Mis-seklu 18 'il quddiem, il-ġobon mibjugħ f'Gouda kien magħruf bħala ġobon Gouda. Aktar tard, l-isem Gouda kien assoċjat mal-ġobnijiet kollha b'kontenut kollu ta' xaħam prodott fl-Olanda, u b'forma ta' ċilindru mċaftar.

Mill-bidu tiegħu bil-produzzjoni bbażata fl-azjendi, il-Gouda Holland żviluppa, permezz ta' produzzjoni f'fabbriki lokali, biex sar prodott nazzjonali magħruf mad-dinja kollha u huwa fattur importanti u stabbli biex il-valur tal-ħalib tal-azjendi jintuża bl-aħjar mod. Fil-bidu tas-seklu 20, ġew introdotti liġijiet nazzjonali għall-ġobon Gouda, u l-isem Gouda Holland ġie stabbilit fil-Landbouwkwaliteitsbeschikking kaasproducten [Id-Deċiżjoni tal-Kwalità Agrikola (Prodotti tal-Ġobon)].

Il-fama tal-Gouda Holland fost il-konsumaturi Ewropej

Stħarriġ fuq skala kbira li twettaq f'sitt pajjiżi Ewropej wera li l-konsumaturi Ewropej iqisu l-Pajjiżi l-Baxxi bħala l-iktar produttur importanti tal-Gouda u l-Edam. Il-Gouda Holland (u l-Edam Holland) huma simboli tal-wirt kulturali Olandiż. Il-konsumaturi Ewropej iqisu l-ġobnijiet tal-Gouda Holland (u l-Edam Holland) bħala marka kummerċjali. Ir-riċerka tas-suq (imwettqa fuq kampjun rappreżentattiv ta' 1 250 parteċipant għal kull Stat Membru, b'affidabbiltà ta' 97,5 %) fis-sitt Stati Membri fejn hemm l-ogħla konsum tal-Gouda (u l-Edam) turi li:

hemm assoċjazzjoni qawwija bejn il-Gouda u l-Pajjiżi l-Baxxi;

il-Gouda Holland huwa aktar popolari mill-Gouda li mhux prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi;

kważi nofs il-konsumaturi fl-Istati Membri tal-istħarriġ jaħsbu li l-Gouda kollu jiġi prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi;

il-Gouda mill-Olanda jieħu punteġġi sinifikattivament ogħla fuq il-valuri varjabbli “kwalità eċċellenti”, “prodott b'mod tradizzjonali”, u “l-prodott oriġinali”.

Il-Gouda Holland (u l-Edam Holland) huma sinonimi ma' kwalità Olandiża. Matul għadd ta' sekli, miżuri u liġijiet differenti ġew introdotti, kemm mill-Gvern Olandiż u mill-industrija, biex jiżguraw li l-kwalità tal-Gouda Holland (u l-Edam Holland) tinżamm f'livell għoli ħafna. Barra minn hekk, l-industrija Olandiża tal-prodotti tal-ħalib investiet ammont sostanzjali biex jintlaħqu dawn l-istandards għoljin ta' kwalità, u biex jinfetħu swieq ġodda li ġew ikkultivati u miżmuma. Sa mill-1950, aktar minn NLG 1,4 biljun (EUR 635 miljun) kienu investiti f'riklamar, tkabbir ta' għarfien u promozzjoni fl-Ewropa (eskluż investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi).

4.7.   Korp ta' spezzjoni

Isem

:

Stichting Centraal Orgaan voor Kwaliteitsaangelegenheden in de Zuivel (COKZ)

Indirizz

:

Kastanjelaan 7, 3833 AN LEUSDEN

Tel.

:

+31-33-4965696

Feks

:

+31-33-4965666

Posta elettronika

:

productcontrole@cokz.nl

4.8.   Tikkettar

Il-“Gouda Holland” huwa Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) tal-Unjoni Ewropea.

Din l-indikazzjoni trid tintwera f'pożizzjoni prominenti fuq il-ġobniet sħaħ kollha, fuq it-tikketta mwaħħla fuq in-naħa ċatta tal-ġobna u/jew fuq il-faxxa ta' madwar il-ġobna.

Dan mhux obbligatorju jekk il-ġobna tinbiegħ f'forma mqatta' u ppakkjata minn qabel kif deskritt fit-taqsima 4.5. F'dak il-każ, il-“Gouda Holland” trid tidher fuq l-imballaġġ.

Għandha tintwera marka ċara biex tiddistingwi fuq l-imballaġġ biex il-konsumaturi jidentifikaw il-Gouda Holland fil-ħwienet. Bl-użu tad-denominazzjoni “Gouda Holland”, bl-iżvilupp ta' identità separata, u billi jintwera s-simbolu IĠP tal-UE, wieħed għandu jiċċara mal-konsumaturi li l-Gouda Holland huwa prodott differenti mill-ġobnijiet “Gouda” l-oħrajn.


Top