Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0838

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 838/2010 tat- 23 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffissar ta’ linji gwida għall-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni u għal approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 250, 24.9.2010, p. 5–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/838/oj

    24.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 250/5


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 838/2010

    tat-23 ta’ Settembru 2010

    dwar l-iffissar ta’ linji gwida għall-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni u għal approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1), u b’mod partikolari l-paragrafi 18 (5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 774/2010 tat-2 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffissar ta’ linji gwida għall-kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni u għal approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni (2) li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għall-ispejjeż relatati mal-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku u ta’ approċċ regolatorju komuni għall-ħlasijiet tat-trażmissjoni. Madankollu, dak ir-Regolament ser jiskadi fit-2 ta’ Marzu 2011.

    (2)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni, għandhom jiġu adottati l-linji gwida speċifikati fl-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009, li jirriflettu l-qafas istituzzjonali stabbilit permezz ta’ dak ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija (minn hawn ’il quddiem, l-Aġenzija), stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għandha tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni.

    (3)

    Linji gwida vinkolanti li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni għandhom jistabbilixxu bażi stabbli għall-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni u l-kumpens ġust lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għall-ispejjeż relatati mal-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku.

    (4)

    L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiżi terzi jew minn territorji li ffirmaw ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u qed japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-elettriku għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni fuq bażi ekwivalenti għal dik ta’ operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn Stati Membri.

    (5)

    Huwa xieraq li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni f’pajjiżi terzi li ma ffirmawx ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u qed japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-elettriku jitħallew jipparteċipaw fi ftehimiet multilaterali mal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn Stati Membri, li permezz tagħhom il-partijiet kollha jiġu kkumpensati, fuq bażi ġusta u ekwa, għall-ispejjeż imġarrba għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku.

    (6)

    L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jiġu kkumpensati għat-telf ta’ enerġija dovut għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku. Dan il-kumpens għandu jkun ibbażat fuq stima tat-telf li jsofru kieku ma jkunx hemm tranżiti tal-elettriku.

    (7)

    Għandu jiġi stabbilit fond għall-allokazzjoni ta’ kumpens lil operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għall-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku. Il-valur ta’ dan il-fond għandu jiġi bbażat fuq valutazzjoni, li ssir fuq livell tal-Unjoni Ewropea, tal-ispejjeż inkrementali medji fuq medda twila ta’ żmien tal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku.

    (8)

    Il-valutazzjoni, fuq livell tal-Unjoni Ewropea, tal-infrastruttura għal flussi transkonfinali tal-elettriku assoċjata mal-iffaċilitar tat-tranżiti transkonfinali għandha ssir mill-Aġenzija, bħala l-entità responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet regolatorji li jkollhom iwettqu funzjoni similari fuq livell nazzjonali.

    (9)

    L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni f’pajjiżi terzi għandhom jiffaċċjaw l-istess spejjeż biex jużaw is-sistema ta’ trażmissjoni tal-Unjoni bħal ma jiffaċċjaw l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni fi Stati Membri.

    (10)

    Il-varjazzjonijiet fil-ħlasijiet li jiffaċċjaw il-produtturi tal-elettriku biex ikollhom aċċess għas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandhomx jipperikolaw is-suq intern. Minħabba f’hekk, il-ħlasijiet medji għall-aċċess għan-netwerk fi Stati Membri għandhom jinżammu f’medda li tgħin biex jiġi żgurat li jinkisbu l-benefiċċji li jirriżultaw mill-armonizzazzjoni.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf permezz tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jirċievu kumpens għall-ispejjeż li jġarrbu minħabba li jospitaw flussi transkonfinali tal-elettriku fuq in-netwerks tagħhom abbażi tal-linji gwida stipulati fil-Parti A tal-Anness.

    Artikolu 2

    Il-ħlasijiet li japplikaw l-operaturi tan-netwerks għall-aċċess għas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom ikunu skont il-linji gwida stipulati fil-Parti B tal-Anness.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mit-3 ta’ Marzu 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 233, 3.9.2010, p. 1.

    (3)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

    (4)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.


    ANNESS

    PARTI A

    Linji Gwida dwar il-Mekkaniżmu ta’ Kumpens Lil Operaturi tas-Sistemi ta’ Inter-Trażmissjoni

    1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

    1.1.

    Il-mekkaniżmu ta’ Kumpens lil Operaturi tas-Sistemi ta’ Inter-Trażmissjoni (ITC) se jipprovdi għall-kumpens għall-ispejjeż relatati mal-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku inkluż il-forniment ta’ aċċess transkonfinali għas-sistema interkonnessa.

    1.2.

    In-Netwerk Ewropew ta’ Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni għall-Enerġija Elettrika (ENTSO for Electricity) stabbilit skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 se jistabbilixxi fond tal-ITC biex jikkumpensa l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għall-ispejjeż relatati mal-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku.

    Il-fond tal-ITC se jipprovdi kumpens għal:

    (1)

    it-telf imġarrab mis-sistemi ta’ trażmissjoni tas-sistemi nazzjonali minħabba li dawn jospitaw flussi transkonfinali tal-elettriku;

    u

    (2)

    l-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku.

    1.3.

    Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond tal-ITC għandhom jiġu kkakulati skont il-punti 6 u 7.

    Il-pagamenti mill-Fond tal-ITC għandhom jiġu kkalkulati skont il-punti 4 u 5.

    L-ENTSO for Electricity se jkun responsabbli biex jistabbilixxi ftehimiet għall-ġbir u t-tqassim tal-pagamenti kollha relatati mal-Fond tal-ITC, u se jkun responsabbli wkoll biex jiddeċiedi meta jsiru l-pagamenti. Il-kontribuzzjonijiet u l-pagamenti kollha għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn sitt xhur minn tmiem il-perjodu li huma applikabbli għalih.

    1.4.

    L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-mekkanizmu ITC u għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ITC u l-ġestjoni tal-fond tal-ITC.

    F’dan ix-xogħol, l-ENTSO for Electricity għandu jikkoopera mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija u jipprovdi lill-Aġenzija bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

    Kull operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lill-ENTSO for Electricity u lill-Aġenzija bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ITC.

    1.5.

    Sakemm jiġi stabbilit l-ENTSO for Electricity, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw bejniethom biex iwettqu x-xogħol li jingħata lill-ENTSO for Electricity fir-rigward tal-mekkaniżmu ITC.

    1.6.

    It-tranżitu tal-elettriku għandu jiġi kkalkulat, normalment fuq bażi ta’ kull siegħa, billi jittieħed il-valur l-aktar baxx mill-valuri tal-ammont assolut tal-elettriku importat u tal-ammont assolut tal-elettriku esportat fl-interkonnessjonijiet bejn sistemi tat-trażmissjoni nazzjonali.

    Biex jiġu kkalkulati t-tranżiti tal-elettriku, l-ammont tal-elettriku importat u l-ammont tal-elettriku esportat f’kull interkonnessjoni bejn sistemi tat-trażmissjoni nazzjonali għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonali mas-sehem tal-kapaċità allokata li ma jkunx kompatibbli mal-Punt 2 tal-linji gwida għall-ġestjoni tal-konġestjoni stipulati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt, l-elettriku importat u dak esportat fl-interkonnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punt 7.1 għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tranżitu tal-elettriku.

    1.7.

    Għall-finijiet ta’ din il-parti tal-Anness, il-fluss nett ta’ elettriku għandu jfisser il-valur assolut tad-differenza bejn it-total tal-elettriku esportat minn sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali speċifika lejn pajjiżi fejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs) jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ITC u t-total ta’ elettriku importat minn pajjiżi fejn it-TSOs jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ITC lejn l-istess sistema ta’ trażmissjoni.

    Għall-partijiet tal-mekkaniżmu ITC li jkollhom konfini komuni ma’ mill-anqas terz tal-pajjiż li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Punt 7.1, għandhom isiru dawn l-aġġustamenti fil-kalkolu tal-fluss nett:

    (1)

    jekk it-total ta’ elettriku esportat lejn pajjiżi fejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs) jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ITC ikun ogħla mit-total ta’ elettriku importat minn pajjiżi fejn it-TSOs jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ITC, il-flussi netti għandhom jitnaqqsu bil-valur l-aktar baxx bejn:

    (a)

    il-flussi netti importati minn dawk il-pajjiżi terzi; jew

    (b)

    il-flussi netti esportati lejn pajjiżi fejn l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni jipparteċipa fil-Mekkaniżmu ITC;

    (2)

    jekk it-total ta’ elettriku importat minn pajjiżi fejn it-TSOs jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ITC ikun ogħla mit-total ta’ elettriku esportat lejn pajjiżi fejn it-TSOs jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ITC, il-flussi netti għandhom jitnaqqsu bil-valur l-aktar baxx bejn:

    (a)

    il-valur nett tal-flussi esportati lejn dawk il-pajjiżi terzi; jew

    (b)

    il-valur nett tal-flussi importati minn pajjiżi fejn l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni jipparteċipa fil-mekkaniżmu ITC.

    1.8.

    Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, it-tagħbija għandha tfisser l-ammont totali ta’ elettriku li s-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali tagħti lis-sistemi ta’ distribuzzjoni konnessi magħha, lill-konsumaturi aħħarin konnessi mas-sistema ta’ trażmissjoni u lill-produtturi tal-elettriku għall-konsum fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.

    2.   Parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu ITC

    2.1.

    Kull awtorità regolatorja għandha tiżgura li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni fl-ambitu ta’ kompetenza tagħha jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ITC u li ebda ħlas addizzjonali għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku ma jiġi inkluż fil-ħlasijiet applikati mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għall-aċċess għan-netwerks.

    2.2.

    L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiżi terzi li ffirmaw ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u qed japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-elettriku għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ITC.

    B’mod partikolari, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni li jaħdmu fit-territorji msemmija fl-Artikolu 9 tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija (1) għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ITC.

    Kull operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiż terz parteċipanti fil-mekkaniżmu ITC għandu jiġi ttrattat fuq l-istess bażi bħal operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn Stat Membru.

    3.   Ftehimiet multilaterali

    3.1.

    L-ENTSO for Electricity għandu jiffaċilita l-iffirmar ta’ ftehimiet multilaterali li huma relatati mal-kumpens għall-ispejjeż relatati mal-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku bejn operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni parteċipanti fil-mekkaniżmu ITC u operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiżi terzi li ma ffirmawx ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u qed japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-elettriku, u li, fis-16 ta’ Diċembru 2009, iffirmaw il-ftehim dwar mekkaniżmi volontarji bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni dwar il-kumpens lil operaturi tas-sistemi ta’ inter-trażmissjoni.

    3.2.

    Dawn il-ftehimiet multilaterali għandhom ikunu maħsuba biex jiżguraw li l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni mill-pajjiż terz jiġi ttrattat fuq l-istess bażi bħal operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiż parteċipant fil-Mekkaniżmu ITC.

    3.3.

    Fejn ikun meħtieġ, dawn il-ftehimiet multilaterali jistgħu jirrakkomandaw aġġustament xieraq tal-kumpens totali għall-kumpens għall-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku kkalkulat skont il-punt 5. Kwalunkwe aġġustament tali għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, li għandha tqis l-opinjoni tal-Aġenzija.

    3.4.

    It-trattament ta’ operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiż terz ma għandux ikun aħjar minn dak li jingħata lil operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni parteċipanti fil-Mekkaniżmu ITC.

    3.5.

    L-ENTSO for Electricity għandu jippreżenta kwalunkwe ftehim multilaterali lill-Kummissjoni, biex din tagħti l-opinjoni tagħha dwar jekk il-kontinwazzjoni tal-ftehim multilaterali tkunx tippromwovi l-kompletar u l-funzjonament tas-suq intern fl-elettriku u l-kummerċ transkonfinali. L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tindirizza b’mod partikolari:

    (1)

    jekk il-ftehim jikkonċernax biss il-kumpens bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs) għall-ispejjeż imġarrba għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku;

    (2)

    jekk humiex imħarsa r-rekwiżiti tal-punti 3.2 u 3.4.

    3.6.

    Meta tħejji l-opinjoni msemmija fil-punt 3.5, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri kollha, u tqis b’mod partikolari l-opinjoni ta’ dawk l-Istati Membri li jkollhom konfini mal-pajjiż terz rilevanti.

    Meta tħejji l-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Aġenzija.

    4.   Kumpens għat-Telf

    4.1.

    Il-kumpens għat-telf imġarrab fuq is-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali minħabba li dawn jospitaw flussi transkonfinali tal-elettriku għandu jiġi kkalkulat separatament mill-kumpens għall-ispejjeż imġarrba relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ tranżiti transkonfinali tal-elettriku.

    4.2.

    L-ammont ta’ telf imġarrab fuq sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali għandu jiġi stmat billi tiġi kkalkulata d-differenza bejn:

    (1)

    l-ammont ta’ telf imġarrab realment mis-sistema ta’ trażmissjoni tul il-perjodu rilevanti;

    u

    (2)

    l-ammont stmat ta’ telf mis-sistema ta’ trażmissjoni li jiġġarrab mis-sistema waqt il-perjodu rilevanti kieku ma jkunx hemm tranżiti tal-elettriku.

    4.3.

    L-ENTSO for Electricity se jkun responsabbli biex iwettaq il-kalkolu msemmi fil-punt 4.2 u ghandu jippubblika dan il-kalkolu u l-metodu ta’ kif jinħadem f’format xieraq. Dan il-kalkolu jista’ jsir mill-istimi għal għadd ta’ mumenti diversi waqt il-perjodu rilevanti.

    4.4.

    Il-valur tat-telf imġarrab minn sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali minħabba l-flussi transkonfinali tal-elettriku għandu jiġi kkalkulat fuq l-istess bażi bħal dik approvata mill-awtorità regolatorja fir-rigward tat-telf kollu mġarrab fuq is-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali. L-Aġenzija għandha tivverifika l-kriterji użati għall-valutazzjoni tat-telf fuq il-livell nazzjonali, fejn tqis b’mod partikolari li din il-valutazzjoni tat-telf issir b’mod ġust u mingħajr diskriminazzjoni.

    Meta l-awtorità regolatorja rilevanti ma tkunx approvat bażi għall-kalkolu tat-telf għal perjodu ta’ żmien applikabbli għall-mekkaniżmu ITC, il-valur tat-telf għall-finijiet tal-mekkaniżmu ITC għandu jiġi stmat mill-ENTSO for Electricity.

    5.   Il-kumpens għall-forniment ta’ infrastruttura għall-flussi transkonfinali tal-elettriku.

    5.1.

    Wara proposta li l-Aġenzija tressaq skont il-punt 5.3, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi kemm ikun il-kumpens annwali għall-infrastruttura transkonfinali li għandu jitqassam bejn l-operaturi responsabbli għas-sistemi ta’ trażmissjoni bħala kumpens għall-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku. Jekk ma tkunx taqbel mal-proposta tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija għal opinjoni oħra.

    5.2.

    It-total tal-kumpens annwali għall-infrastruttura transkonfinali għandu jitqassam bejn l-operaturi responsabbli għas-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali b’mod proporzjonali ma’:

    (1)

    il-fattur ta’ tranżitu, li jirreferi għat-tranżiti fuq l-istat tas-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali bħala proporzjon tat-tranżiti totali fuq is-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali kollha;

    (2)

    il-fattur ta’ tagħbija, li jirreferi għall-valur tal-kwadru tat-tranżiti tal-elettriku, b’mod proporzjonali mat-total tat-tagħbija u t-tranżiti f’dik is-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali relattiv mal-valur tal-kwadru tat-tranżiti tal-elettriku b’mod proporzjonali mat-total tat-tagħbija u t-tranżiti fis-sistemi tat-trażmissjoni nazzjonali kollha.

    Il-fattur ta’ tranżitu jirrappreżenta 75 % u l-fattur ta’ tagħbija 25 %.

    5.3.

    L-Aġenżija għandha tressaq proposta dwar il-kumpens annwali għall-infrastruttura transkonfinali msemmi fil-punt 5.1 abbażi ta’ valutazzjoni li ssir fuq livell tal-Unjoni Ewropea tal-infrastruttura għal flussi transkonfinali tal-elettriku assoċjata mal-iffaċilitar tat-tranżiti transkonfinali tal-elettriku. L-Aġenzija għandha tagħmel ħilitha biex twettaq valutazzjoni fi żmien sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-ENTSO for Electricity għandu jipprovdi lill-Aġenzija bl-għajnuna kollha meħtieġa biex titwettaq din il-valutazzjoni.

    Din il-valutazzjoni għandha tkun magħmula minn valutazzjoni teknika u ekonomika tal-ispejjeż inkrementali medji fil-ġejjieni għal terminu ta’ żmien twil fuq bażi annwali għall-forniment ta’ infrastruttura għal flussi transkonfinali tal-elettriku għal tul il-perjodu rilevanti, u għandha tkun ibbażata fuq metodoloġiji ta’ standard-costing rikonoxxuti.

    Meta l-infrastruttura tkun iffinanzjata minn sorsi differenti minn ħlasijiet għall-aċċess għan-netwerks applikabbli skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, il-valutazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-flussi transkonfinali tal-elettriku għandha tiġi aġġustata kif xieraq biex dan jitqies.

    Il-valutazzjoni tal-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-elettriku, li ssir fuq livell tal-Unjoni Ewropea, għandha tinkludi l-infrastruttura fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi terzi parteċipanti fil-mekkaniżmu ITC u fis-sistemi mħaddma mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni li ffirmaw ftehimiet multilaterali msemmija fil-punt 3.

    5.4.

    Sakemm l-Aġenzija tkun wettqet il-valutazzjoni msemmija fil-punt 5.3 u l-Kummissjoni tkun iddeċidiet kemm għandu jkun it-total tal-kumpens annwali għall-infrastruttura transkonfinali skont il-punt 5.1, it-total tal-kumpens annwali għall-infrastruttura transkonfinali għandu jkun EUR 100 000 000.

    5.5.

    Meta tressaq il-proposta msemmija fil-punt 5.1 lill-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tagħtiha wkoll l-opinjoni tagħha dwar kemm ikun xieraq li l-ispejjeż inkrementali medji fuq medda twila ta’ żmien jintużaw għall-valutazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-forniment ta’ infrastruttura għall-ospitar ta’ flussi transkonfinali tal-elettriku.

    6.   Kontribuzzjonijiet għall-Fond tal-ITC

    6.1.

    L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jikkontribwixxu għall-fond tal-ITC b’mod proporzjonali mal-valur assolut ta’ flussi netti lejn u mis-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali tagħhom bħala parti mis-somma tal-valur assolut ta’ flussi netti lejn u mis-sistemi ta’ trażmissjoni nazzjonali kollha.

    7.   Ħlas għad-dritt għall-użu ta’ sistema ta’ trażmissjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-elettriku ta’ pajjiżi terzi.

    7.1.

    Għandu jitħallas dritt għall-użu ta’ sistema ta’ trażmissjoni fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni skedati tal-elettriku mill-pajjiżi terzi kollha meta:

    (1)

    dak il-pajjiż ma jkunx iffirma ftehim mal-Unjoni li permezz tiegħu jkun adotta u qed japplika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-elettriku;

    jew

    (2)

    l-operatur tas-sistemi ta’ trażmissjoni responsabbli mis-sistema li minnha jkun qed jiġi importat l-elettriku jew li lejha jkun qed jiġi esportat l-elettriku ma jkunx iffirma ftehim multilaterali kif imsemmi fil-punt 3.

    Dan il-ħlas għad-dritt għandu jiġi indikat f’euro kull siegħa ta’ megawatt (megawatt hour).

    7.2.

    Kull parteċipant fil-Mekkaniżmu ITC għandu jiġbor il-ħlas għad-dritt għall-użu ta’ sistema ta’ trażmissjoni fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni skedati tal-elettriku bejn is-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali u s-sistema ta’ trażmissjoni tal-pajjiż terz.

    7.3.

    Kull sena, l-ENTSO for Electricity għandu jikkalkula minn qabel il-ħlas għad-dritt għall-użu tas-sistema ta’ trażmissjoni. Dan il-ħlas għandu jiġi ffissat abbażi tal-kontribut stmat għal kull siegħa ta’ megawatt li l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni minn pajjiż parteċipanti jkollhom jgħaddu lill-Fond tal-ITC abbażi tal-flussi transkonfinali tal-elettriku għas-sena rilevanti.

    PARTI B

    Linji Gwida għal Approċċ Regolatorju Komuni għall-Ħlasijiet tat-Trażmissjoni

    1.

    It-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi f’kull Stat Membru għandhom ikunu fil-meded stipulati fil-punt 3.

    2.

    Il-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi huma l-ħlasijiet totali annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi diviżi bl-enerġija mkejla totali li l-produtturi jdaħħlu annwalment fis-sistema ta’ trażmissjoni ta’ Stat Membru.

    Għall-kalkolu stipulat fil-Punt 3, il-ħlasijiet ta’ trażmissjoni għandhom jeskludu:

    (1)

    il-ħlasijiet li jsiru mill-produtturi għal assi fiżiċi meħtieġa għall-konnessjoni mas-sistema jew għat-titjib tal-konnessjoni;

    (2)

    il-ħlasijiet li jsiru mill-produtturi li jkollhom x’jaqsmu ma’ servizzi anċillari;

    (3)

    il-ħlasijiet li jsiru mill-produtturi għal telf speċifiku tas-sistema.

    3.

    Il-valur tal-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi għandu jkun fil-medda ta’ 0 sa 0,5 EUR/MWh, għajr dawk applikabbli fid-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja, ir-Rumanija, l-Irlanda, il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    Il-valur tal-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi fid-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja għandu jkun fil-medda ta’ 0 sa 1,2 EUR/MWh.

    Il-valur tal-ħlasijiet medji annwali ta’ trażmissjoni li jitħallsu mill-produtturi fl-Irlanda, il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jkun fil-medda ta’ 0 sa 2,5 EUR/MWh, u fir-Rumanija din il-medda għandha tkun ta’ 0 sa 2,0 EUR/MWh.

    4.

    L-Aġenzija għandha timmonitorja l-adegwatezza tal-meded tal-ħlasijiet ta’ trażmissjoni permissibbli, fejn tqis b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq il-finanzjament tal-kapaċità tat-trażmissjoni meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom fl-ambitu tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-impatt tagħhom fuq l-utenti tas-sistema b’mod ġenerali.

    5.

    Sal-1 ta’ Jannar 2014, l-Aġenzija għandha tagħti lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar il-medda jew meded xierqa ta’ ħlasijiet għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2015.


    (1)  ĠU L 198, 20.7.2006, p. 18.

    (2)  ĠU L 140, 5.6.2009 p. 16.


    Top