Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0731

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 731/2010 tal- 11 ta’ Awwissu 2010 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 214, 14.8.2010, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/731/oj

    14.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 214/2


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 731/2010

    tal-11 ta’ Awwissu 2010

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura statistika u tariffarja u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe suddiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

    Štefan FÜLE

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    1.

    Installazzjoni awdjo-viżiva li l-komponenti ewlenin tagħha huma dawn:

    10 biċċiet apparat li jirriproduċu vidjows, tat-tip DVD (Digital Versatile Disc),

    10 proġekters li jużaw it-teknoloġija ta' wiri fuq matriċi ta' kristalli likwidi (LCD-Liquid Crystal Display) tat-tip li jistgħu juru anke informazzjoni diġitali ġġenerata minn tagħmir ta' proċessar ta' dejta awtomatiku,

    10 lawdspikers separati bi provvista ta' enerġija interna, immontati fl-għeluq tagħhom, u

    20 diska diġitali versatili (DVDs - digital versatile discs) li jkun fihom xogħlijiet ta' “arti moderna” fl-għamla ta' immaġni akkumpanjati bil-ħoss.

    Id-dehra tal-apparat li jirriproduċi l-vidjows, tal-proġekters u tal-lawdspikers ġiet immodifikata minn artist biex tkun tidher bħala xogħol ta' “arti moderna” bla ma tinbidel il-funzjoni tagħhom.

    L-installazzjoni qed tiġi ppreżentata f'għamla żarmata.

    8521 90 00

    8528 69 10

    8518 21 00

    8523 40 51

    Il-klassifikazzjoni tiġi ddeterminata permezz tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u permezz tat-test tal-kodiċi tan-NM 8521  u 8521 90 00 , 8528 , 8528 69  u 8528 69 10 , 8518  u 8518 21 00  u 8523 , 8523 40  u 8523 40 51 .

    Ma tistax issir klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9703 00 00 , bħala skultura, peress li ebda wieħed mill-komponenti jew l-installazzjoni sħiħa, meta tiġi armata, ma jistgħu jitqiesu bħala skultura. L-artist għamel xi modifiki żgħar fuq il-komponenti, iżda dawn il-modifiki ma jibdlux il-funzjoni preliminari ta' oġġetti tat-taqsima XVI. L-element ta' “arti moderna” huwa pprovdut mill-komponenti tal-installazzjoni u mill-kontenut irreġistrat fuq id-DVD.

    L-installazzjoni awdjo-viżiva la tista' titqies bħala oġġetti komposti, għaliex pjuttost hija magħmula minn komponenti individwali, u lanqas bħala oġġetti ppreżentati għall-bejgħ skont it-tifsira tar-Regola Ġenerali 3(b). Minħabba f'hekk, il-komponenti tal-installazzjoni għandhom jiġu kklassifikati separatament.

    Għaldaqstant, il-biċċiet ta' apparat li jirriproduċu vidjows għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM 8521 90 00 , il-proġekters taħt il-kodiċi tan-NM 8528 69 10 , il-lawdspikers taħt il-kodiċi tan-NM 8518 21 00  u d-DVDs taħt il-kodiċi tan-NM 8523 40 51 .

    2.

    Installazzjoni li tissejjaħ “installazzjoni tad-dawl” magħmula minn 6 tubi tad-dawl fluworexxenti tondi u 6 biċċiet tagħmir tad-dawl magħmulin mill-plastik.

    Din l-installazzjoni ġiet iddisinjata minn artist u taħdem skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-artist. Hu maħsub li tintwera f'gallerija, imwaħħla mal-ħajt.

    Il-biċċiet tat-tagħmir huma separati minn xulxin u maħsuba biex jiġu mmuntati weqfin.

    It-tubi għandhom jitqiegħdu fit-tagħmir, biex jagħtu żewġ gradi li jalternaw tal-lewn abjad.

    Il-prodott qed jiġi ppreżentata f'għamla żarmata.

    9405 10 28

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 2 (a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċi NM 9405 , 9405 10  u 9405 10 28 .

    Ma tistax issir klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9703 00 00 , bħala skultura, peress li x-“xogħol ta' arti” mhux magħmul mill-installazzjoni nfisha, iżda huwa konsegwenza tal-operazzjonijiet (l-effett tad-dawl) li hija twettaq.

    Ma tistax issir klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9705 00 00 , peress li l-installazzjoni mhix oġġett ta' kollezzjoni li għandu interess storiku. Għandha l-karatteristiċi tat-tagħmir tad-dawl ikklassifikat taħt l-intestatura 9405 .

    Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 9405 10 28 bħala tagħmir tad-dawl għall-ħajt.


    Top