Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0702

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2010 tal- 4 ta’ Awwissu 2010 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Olomoucké tvarůžky (IĠP)]

    ĠU L 203, 5.8.2010, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/702/oj

    5.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 203/11


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 702/2010

    tal-4 ta’ Awwissu 2010

    li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Olomoucké tvarůžky (IĠP)]

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) u f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni mressqa mir-Repubblika Ċeka għar-reġistrazzjoni tal-isem “Olomoucké tvarůžky”, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

    (2)

    Il-Ġermanja fis-7 ta’ Jannar 2008 u l-Awstrija fil-31 ta’ Jannar 2008 u fl-4 ta’ Frar 2008, ressqu oġġezzjonijiet kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu eliġibbli abbażi tal-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (c) u d) ta’ dak ir-Regolament.

    (3)

    Bl-ittri tas-6 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri konċernati jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

    (4)

    Minħabba li ma ntlaħaq l-ebda qbil la bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija u lanqas bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

    (5)

    Rigward in-nuqqas ta’ konformità allegat mal-Artikolu 2 dwar in-nuqqas ta’ speċifiċità tal-prodott, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tistabbilixxi dettalji dwar il-proċess ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott aħħari, partikolarment il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, li ma jagħtu lok għall-ebda żball ċar.

    (6)

    Rigward l-oġġezzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, għandu jkun hemm biss grupp wieħed intitolat sabiex japplika għar-reġistrazzjoni. Ta’ min jinnota li fil-każ preżenti, il-grupp applikanti kien kumpanija waħda li ssodisfat il-kundizzjonijiet għat-tressiq ta’ applikazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 (3), li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Barra minn hekk, l-applikant huwa l-uniku produttur fir-reġjun deżinjat u l-uniku prodottur ta’ dan it-tip ta’ ġobon fiż-żona u fiż-żoni tal-madwar.

    (7)

    Instab li t-termini “Olmützer Quargel” u “Olomoucké tvarůžky” kienu ismijiet ta’ ġobnijiet simili bil-Ġermaniż u biċ-Ċek rispettivament u li t-termini għandhom oriġini storiċi komuni li jirreferu għal-belt ta’ Olomouc fir-Repubblika Ċeka. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni mill-Awstrija wrew li marki kummerċjali (trademarks) li jinkludu t-terminu “Olmützer Quargel” kienu ġew irreġistrati qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-terminu “Olomoucké tvarůžky” bħala indikazzjoni ġeografika protetta. Minħabba li l-ismijiet għandhom oriġini komuni u minħabba li l-prodotti jixtiebhu fid-dehra, l-applikazzjoni għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, b’mod partikolari il-punt (b) tal-paragrafu (1) tiegħu, tista’ twassal għal każ fejn jekk l-“Olomoucké tvarůžky” jiġi rreġistrat, dan jista’ jinstab protett kontra l-użu tal-isem ta’ “Olmützer Quargel” minn xi qorti kompetenti. Għalhekk l-evidenza turi li l-kontinwità tal-eżistenza tal-isem “Olmützer Quargel”, tista’ tiġi pperikolata bir-reġistrazzjoni tal-“Olomoucké tvarůžky”, f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Barra minn hekk, l-evidenza turi li l-użu tal-isem “Olmützer Quargel” kien jirreferi għal prodott li għandu l-istess oriġini bħall-“Olomoucké tvarůžky”, iżda li ġeneralment ma kienx intenzjonat li jisfrutta r-reputazzjoni ta’ dan l-isem. Minħabba dawn ir-raġunijiet, u f’interessi tal-ġustizzja u tal-użu tradizzjonali, għandu jiġi previst il-perjodu tranżizzjonali massimu stabbilit mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

    (8)

    Rigward il-marki kummerċjali (trademarks) li fihom it-terminu “Olmützer Quargel” li kienu ġew protetti bir-reġistrazzjoni jew ġew miksuba bl-użu qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Olomoucké tvarůžky”, jekk ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-marki kummerċjali (trademarks) imsemmija la jistgħu jiġu invalidati u lanqas ma tista’ titfixkel it-tkomplija tal-użu tagħhom bir-reġistrazzjoni tal-“Olomoucké tvarůžky” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, sakemm ir-rekwiżiti ġenerali skont il-leġiżlazzjoni tal-marki kummerċjali (trademarks) jiġu ssodisfati b’mod ieħor.

    (9)

    Il-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-ismijiet li saru ġeneriċi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 tirreferi għall-isem sħiħ propost għar-reġistrazzjoni. Dan ma jżommx milli ssir ir-reġistrazzjoni ta’ isem magħmul minn iktar minn parti waħda, anke jekk jista’ jagħti l-każ li parti komponenti tal-isem jew traduzzjoni tagħha jkollha status ġeneriku, sakemm l-isem sħiħ ma jkunx sar ġereniku. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skont il-punt (d) tal-Artikolu 7(3) tal-Artikolu msemmi, li tirrigwarda l-istatus ġeneriku ta’ isem, hija limitata għall-isem li għalih intalbet reġistrazzjoni. Filwaqt li l-isem propost għar-reġistrazzjoni huwa “Olomoucké tvarůžky”, l-evidenza provduta fid-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni jirreferu għall-użu ġeneriku allegat tat-terminu “Olmützer Quargel” fil-Ġermanja u fl-Awstrija, u mhux dak tal-“Olomoucké tvarůžky”. Ma kienet provduta l-ebda evidenza fid-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni li turi użu ġenerali li jinvolvi jew li jinkludi l-isem propost għar-reġistrazzjoni.

    (10)

    Billi tingħata protezzjoni lit-terminu sħiħ tal-“Olomoucké tvarůžky”, il-komponent li mhuwiex ġeografiku ta’ dak it-terminu jista’ jintuża, anke fit-traduzzjonijiet madwar l-Unjoni, dejjem jekk jiġu rrispettati l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni.

    (11)

    Fid-dawl ta’ dan, l-isem “Olomoucké tvarůžky” għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti soġġett għall perjodu tranżitorju ta’ ħames snin li matulhom it-terminu “Olmützer Quargel” jista’ jibqa’ jintuża f’ ċirkostanzi li, għal perjodu ta’ tranżizzjoni biss, jistgħu jkunu konta l-protezzjoni provduta fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

    (12)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-isem imsemmi fl-Anness għal dan ir-Regolament b’dan huwa rreġistrat.

    Artikolu 2

    It-terminu “Olmützer Quargel” jista’ jintuża sabiex jiġi ddeżinjat ġobon li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjoni tal-“Olomoucké tvarůžky” għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (2)  ĠU C 182, 4.8.2007, p. 20.

    (3)  ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1.


    ANNESS

    Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

    Klassi 1.3.   Ġobon

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    Olomoucké tvarůžky (IĠP)


    Top