Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0679

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 679/2010 tas- 26 ta’ Lulju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-data tal-istatistika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv

    ĠU L 198, 30.7.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/679/oj

    30.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 679/2010

    tas-26 ta’ Lulju 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-data tal-istatistika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 126(14) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-kredibbiltà tas-sorveljanza baġitarja tiddependi b’mod kruċjali fuq statistiċi baġitarji affidabbli. Huwa ta’ importanza kbira li d-data rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv annessa għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (2) tkun ta’ kwalità u ta’ affidabbiltà għolja.

    (2)

    Il-qafas ta’ governanza tal-Unjoni Ewropea għall-istatistika fiskali ġie żviluppat aktar u l-istruttura istituzzjonali ġiet aġġornata matul l-aħħar snin, notevolment bil-ħsieb li jitjieb il-monitoraġġ tal-kontijiet tal-gvern mill-Kummissjoni (Eurostat).

    (3)

    Il-qafas ta’ governanza rivedut għall-istatistika fiskali ġeneralment iffunzjona sew u, b’mod ġenerali, kellu riżultat sodisfaċenti f’termini ta’ rappurtar ta’ data fiskali rilevanti dwar id-dejn u l-iżbilanċ tal-gvern. B’mod partikolari, l-Istati Membri wrew b’mod predominanti rekord b’saħħtu ta’ kooperazzjoni in buona fede u kapaċità operattiva biex jirrappurtaw data fiskali ta’ kwalità għolja.

    (4)

    Madankollu, żviluppi riċenti wrew ukoll b’mod ċar li l-qafas ta’ governanza attwali għall-istatistika fiskali xorta ma jnaqqasx, sal-punt meħtieġ, ir-riskju ta’ data mhux korretta jew ineżatta li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

    (5)

    B’konnessjoni ma’ dan, u f’ċerti każijiet eċċezzjonali (żjarat metodoloġiċi), il-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollha drittijiet addizzjonali ta’ aċċess għal ambitu mwessa’ ta’ informazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ valutazzjoni tal-kwalità tad-data f’konformità sħiħa mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (3) fir-rigward tal-indipendenza professjonali.

    (6)

    Għalhekk, meta twettaq żjarat metodoloġiċi fi Stat Membru li l-informazzjoni dwar l-istatistika tiegħu tkun taħt skrutinju, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun intitolata li jkollha aċċess għall-kontijiet tal-entitajiet tal-gvern f’livelli ċentrali, tal-istat, lokali u tas-sigurtà soċjali, inkluż l-għoti tal-informazzjoni sottostanti ta’ kontabbiltà dettaljata, stħarriġ statistiku rilevanti u kwestjonarji u informazzjoni ulterjuri relatata, li tirrispetta l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ data kif ukoll kunfidenzjalità statistika.

    (7)

    Il-kontijiet pubbliċi ta’ unitajiet individwali tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll unitajiet pubbliċi ikklassifikati barra s-settur tal-amministrazzjoni pubblika, għandhom ikunu l-oġġett ewlieni tal-kontrolli, u l-kontijiet pubbliċi għandhom ikunu vvalutati f’termini tal-użu statistiku tagħhom.

    (8)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali responsabbli għar-rappurtar tad-data attwali lill-Kummissjoni (Eurostat), u tal-kontijiet sottostanti tal-gvern, jirrespettaw b’mod sħiħ l-obbligi relatati mal-prinċipji tal-istatistika.

    (9)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 479/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 2a

    ‘Aċċess’ ifisser li d-dokumenti rilevanti u informazzjoni oħra għandhom jiġu pprovduti meta jintalbu, jew immedjatament jew fil-pront kemm jista’ jkun kif inhu konsistenti maż-żmien meħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.”

    (2)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), fil-pront kemm jista’ jkun, l-informazzjoni dwar l-istatistika rilevanti mitluba għall-ħtiġijiet tal-valutazzjoni tal-kwalità tad-data, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (*) fir-rigward tal-kunfidenzjalità statistika.

    L-informazzjoni dwar l-istatistika imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun limitata għall-informazzjoni strettament meħtieġa biex tiġi kontrollata l-konformità mar-regoli tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (ESA). B’mod partikolari, ‘informazzjoni dwar l-istatistika’ tfisser:

    (a)

    data minn kontijiet nazzjonali;

    (b)

    inventarji;

    (c)

    tabelli ta’ notifika tal-PŻE (proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv);

    (d)

    kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki.

    Il-format tal-kwestjonarji għandu jiġi ddefinit mill-Kummissjoni (Eurostat) wara konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ is-CMFB).

    (*)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.”"

    (3)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’li ġej:

    “Artikolu 11

    1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq fl-Istati Membri kollha żjarat regolari ta’ djalogu, kif ukoll żjarat metodoloġiċi possibbli.

    2.   Meta torganizza żjarat ta’ djalogu u dawk metodoloġiċi, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tittrasmetti l-konklużjonijiet proviżorji tagħha lill-Istati Membri konċernati għall-kummenti tagħhom.”

    (4)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 11a

    Iż-żjarat ta’ djalogu huma intiżi biex jirrevedu d-data attwali rappurtata konformement mal-Artikolu 8, biex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi, biex jiġu diskussi proċessi ta’ statistika u sorsi deskritti fl-inventarji, u biex tiġi valutata l-konformità mar-regoli tal-kontabbiltà. Iż-żjarat ta’ djalogu għandhom jintużaw sabiex jiġu identifikati riskji jew problemi potenzjali fir-rigward tal-kwalità tad-data rappurtata.

    Artikolu 11b

    1.   Iż-żjarat metodoloġiċi huma maħsuba sabiex jiġu sorveljati l-proċessi u vverifikati l-kontijiet li jiġġustifikaw id-data rrappurtata u sabiex jitfasslu konklużjonijiet dettaljati dwar il-kwalità tad-data rrappurtata, kif deskritt fl-Artikolu 8(1).

    2.   Iż-żjarat metodoloġiċi għandhom isiru biss f’każijiet eċċezzjonali fejn riskji jew problemi sinifikanti fir-rigward tal-kwalità tad-data ikunu ġew identifikati b’mod ċar.

    3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jista’ jitqies li hemm riskji sinifikanti jew problemi bil-kwalità tad-data notifikata minn Stat Membru f’każijiet bħal:

    (a)

    ikun hemm reviżjonijiet frekwenti u mdaqqsa tal-iżbilanċ jew id-dejn li mhumiex spjegati b’mod ċar jew adatt;

    (b)

    l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx qed jibgħat lill-Kummissjoni (Eurostat) l-informazzjoni dwar l-istatistika kollha mitluba fil-kuntest taċ-ċikli għal kjarifiki tan-Notifika dwar l-EDP jew bħala konsegwenza ta’ żjara ta’ djalogu, fil-perijodu maqbul bejniethom u ma jkunx spjega b’mod ċar jew adatt ir-raġuni għad-dewmien jew in-nuqqas ta’ rispons;

    (c)

    l-Istat Membru kkonċernat jibdel, unilateralment u mingħajr spjegazzjoni ċara, is-sorsi u l-metodi għall-istima tal-iżbilanċ u d-djun tal-amministrazzjoni pubblika stabbilit fl-Inventarju b’effett materjali fuq l-estimi;

    (d)

    ikun hemm kwistjonijiet metodoloġiċi pendenti li x’aktarx ikollhom effett materjali fuq l-istatistika tad-dejn jew tal-iżbilanċ li ma jkunux issolvew bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat) li jirriżultaw miċ-ċikli għal kjarifiki jew iż-żjarat ta’ djalogu preċedenti, li jwasslu għal riżervi mill-Kummissjoni (Eurostat) f’żewġ notifiki sussegwenti dwar l-EDP;

    (e)

    ikun hemm aġġustamenti għall-fluss tal-istokk persistenti u eċċezzjonalment għoljin li ma jkunux spjegati b’mod ċar.

    4.   Waqt li tieħu kont prinċipalment tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni (Eurostat), wara li tinforma lis-CMFB, għandha tiddeċiedi twettaq żjara metodoloġika.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-informazzjoni sħiħa dwar ir-raġunijiet li wasslu għaż-żjarat metodoloġiċi.”

    (5)

    L-Artikolu 12(1) u (2) huma sostitwiti b’li ġej:

    “1.   L-Istati Membri huma mistennija jipprovdu, fuq it-talba tal-Kummissjoni (Eurostat), u fuq bażi volontarja, l-assistenza ta’ esperti fil-kontabbiltà nazzjonali, inkluż għat-tħejjija u t-twettiq taż-żjarat metodoloġiċi. Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, dawn l-esperti għandhom jipprovdu għarfien espert indipendenti. Għandha tkun kostitwita lista ta’ dawn l-esperti tal-kontabbiltà nazzjonali abbażi ta’ proposti mibgħuta lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rappurtar tal-iżbilanċ eċċessiv.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri relatati mal-għażla tal-esperti, b’kont meħud ta’ distribuzzjoni adegwata ta’ esperti fl-Istati Membri kollha u rotazzjoni adegwata ta’ esperti bejn l-Istati Membri, l-arranġamenti ta’ ħidma tagħhom u d-dettalji finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi mal-Istati Membri l-ispiża sħiħa li saret mill-Istati Membri għall-assistenza tal-esperti nazzjonali tagħhom.

    2.   Fil-qafas taż-żjarat metodoloġiċi, il-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess għall-kontijiet tal-entitajiet kollha tal-gvern f’livelli ċentrali, tal-istat, lokali u tas-sigurtà soċjali, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni sottostanti dettaljata eżistenti ta’ kontabbiltà u dik baġitarja.

    F’dan il-kuntest, informazzjoni ta’ kontabbiltà u dik baġitarja tinkludi:

    transazzjonijiet u karti tal-bilanċ

    stħarriġ statistiku rilevanti u kwestjonarji tal-amministrazzjoni pubblika u informazzjoni ulterjuri relatata, bħal dokumenti analitiċi

    informazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika

    il-kontijiet ta’ korpi extra-baġitarji, korporazzjonijiet u istituzzjonijiet mhux ta’ profitt u korpi simili oħrajn li huma parti mis-settur tal-amministrazzjoni pubblika fil-kontijiet nazzjonali

    il-kontijiet tal-fondi tas-sigurtà soċjali.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw iż-żjarat metodoloġiċi. Dawn iż-żjarat jistgħu jitwettqu fl-awtoritajiet nazzjonali involuti fir-rappurtar ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, kif ukoll fis-servizzi kollha involuti direttament jew indirettament fil-produzzjoni tal-kontijiet u d-dejn tal-gvern. Fiż-żewġ każijiet, l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika bħala koordinaturi nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, għandhom jappoġġaw lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni taż-żjarat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk is-servizzi u l-awtoritajiet nazzjonali, u fejn meħtieġ, l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li jkollhom responsabbiltà funzjonali għall-kontroll tal-kontijiet pubbliċi, jipprovdu lil uffiċjali tal-Kummissjoni jew lil esperti oħra msemmija fil-paragrafu 1 bl-assistenza meħtieġa sabiex iwettqu dmirijiethom, inkluż billi jagħmlu disponibbli d-dokumenti sabiex tiġi ġustifikata d-data attwali rrappurtata dwar l-iżbilanċ u d-dejn u l-kontijiet tal-gvern sottostanti. Ir-rekords kunfidenzjali tas-sistema statistika nazzjonali kif ukoll data kunfidenzjali oħra għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni (Eurostat) għall-fini ta’ valutazzjoni tal-kwalità tagħhom biss. L-esperti tal-kontabbiltà nazzjonali li jassistu lill-Kummissjoni (Eurostat) fil-qafas taż-żjarat metodoloġiċi għandhom jiffirmaw impenn biex jirrispettaw il-kunfidenzjalità qabel ma jsir aċċess għal dawk ir-rekords jew data kunfidenzjali.”.

    (6)

    L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’li ġej:

    “Artikolu 16

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data attwali rappurtata lill-Kummissjoni (Eurostat) tkun ipprovduta f’konformità mal-prinċipji stabbiliti bl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali tkun li jiżguraw il-konformità tad-data rappurtata mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u mar-regoli sottostanti ta’ kontabbiltà tal-ESA 95. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali jkunu pprovduti b’aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jiżguraw li l-Istituzzjonijiet u l-uffiċjali responsabbli għar-rappurtar tad-data attwali lill-Kummissjoni (Eurostat) u għar-rappurtar tal-kontijiet sottostanti tal-gvern, ikunu affidabbli u jaġixxu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU C 103, 22.4.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.


    Top