Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0670

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 670/2010 tat- 13 ta’ Lulju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja

ĠU L 196, 28.7.2010, pp. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/670/oj

28.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 670/2010

tat-13 ta’ Lulju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), u b’mod partikolari l-Artikolu 140(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (1) jipprovdi għas-sostituzzjoni bl-euro għall-muniti tal-Istati Membri li ssodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000 (2) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tal-Greċja bl-euro.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2169/2005 (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex iħejji għal introduzzjonijiet sussegwenti tal-euro fl-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita unika.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006 (4) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tas-Slovenja bl-euro.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 835/2007 (5) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita ta’ Ċipru bl-euro.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 836/2007 (6) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita ta’ Malta bl-euro.

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2008 (7) emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-munita tas-Slovakkja bl-euro.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Estonja hija Stat Membru b’deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat.

(9)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/416/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 bi qbil mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mill-Estonja tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2011 (8), l-Estonja tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga favur l-Estonja għandha titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011.

(10)

L-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja teħtieġ l-estensjoni għall-Estonja tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni tal-euro stipulati fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

(11)

Il-pjan ta’ bidla tal-Estonja jispeċifika li n-noti bankarji u l-muniti tal-euro għandhom isiru valuta legali f’dak l-Istat Membru fil-ġurnata tal-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita tiegħu. Għaldaqstant, id-data tal-adozzjoni tal-euro u d-data tal-bidla tal-flus kontanti għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2011. Ma għandu japplika l-ebda perijodu ta’ “tneħħija gradwali”.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jiġi emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)   ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.

(3)   ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.

(4)   ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2.

(5)   ĠU L 186, 18.7.2007, p. 1.

(6)   ĠU L 186, 18.7.2007, p. 3.

(7)   ĠU L 195, 24.7.2008, p. 1.

(8)  Ara paġna 24 ta’ dan il-ĠU.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss tidħol bejn l-annotazzjoni għall-Ġermanja u l-Greċja.

Stat Membru

Data tal-adozzjoni tal-euro

Data tal-bidla tal-flus kontanti

Stat Membru b’perijodu ta’ “tneħħija gradwali”

 

“L-Estonja

L-1 ta’ Jannar 2011

L-1 ta’ Jannar 2011

Le”


Top