Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0376

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 376/2010 tat- 3 ta’ Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 983/2009 dwar l-awtorizzazzjoni u r-rifjut tal-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa magħmula dwar l-ikel u li jirreferu għal tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 111, 4.5.2010, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/376/oj

    4.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 111/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 376/2010

    tat-3 ta’ Mejju 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 983/2009 dwar l-awtorizzazzjoni u r-rifjut tal-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa magħmula dwar l-ikel u li jirreferu għal tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurezza Alimentari,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurezza Alimentari (EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Awtorità, favur l-awtorizzazzjoni ta' indikazzjoni ta' saħħa għandha tinkludi ċerti dettalji. Għaldaqstant, dawk il-partikolaritajiet għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness ta' indikazzjonijiet awtorizzati tar-Regolamenti li jawtorizzaw u/jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta' certi indikazzjonijiet tas-saħħa magħmula fuq l-ikel u jinkludu, skont kif ikun il-każ, it-test rivedut tal-indikazzjoni, kundizzjonijiet speċifiċi ta' użu tal-indikazzjoni, u, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ta' użu tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u konformi mal-opinjonijiet tal-Awtorità.

    (2)

    Wara żewġ opinjonijiet tal-Awtorità dwar l-istanols tal-pjanti u l-isterols tal-pjanti u t-tnaqqis ta' kolesterol LDL fid-demm (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-085 u Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-118) (2), il-Kummissjoni, awtorizzat l-indikazzjonijiet tas-saħħa li fihom l-istqarrija li sterols tal-pjanti/ l-esteri stanol tal-pjanti “ġie muri li jbaxxu/jnaqqsu l-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli huwa fattur ta' riskju fl-iżvilupp ta' mard tal-qalb” fir-Regolament (KE) 983/2009 (3) mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu ta' “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta' benefiċċju jinkiseb meta jittieħed ta' kuljum l-ammont ta' mhux inqas minn 2 g ta' sterols tal-pjanti/stanols tal-pjanti”.

    (3)

    Fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta' indikazzjonijiet tas-saħħa skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Frar 2009, ikkonkluda li, rigward l-indikazzjoni ta' effett kwantitattiv fl-indikazzjonijiet tas-saħħa, kien hemm il-ħtieġa ta' parir xjentifiku mill-Awtorità biex ikun assigurat li indikazzjonijiet tas-saħħa bħal dawn huma awtorizzati b'mod li ma jiġix imqarraq il-konsumatur u li l-kundizzjonijiet għall-użu huma stabbiliti b'mod koerenti. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ressqet talba għal parir lill-Awtorità, skont l-Artikolu 19(2) ta' dan ir-Regolament.

    (4)

    Fit-3 ta' Awissu 2009 il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00530 u EFSA-Q-2009-00718) (4) li kkonkludiet li għall-konsum ta' kuljum ta' 1,5 – 2,4 g ta' sterols/stanols tal-pjanti miżjuda mal-ikel bħal xaħam isfar li jiddellek, prodotti mill-ħalib, majoneż u taħwir tal-insalata wieħed jista' jistenna t-tnaqqis medju ta' bejn 7 u 10,5 % u dan it-tnaqqis huwa wieħed ta' sinifikat bijoloġiku. Barra minn hekk, l-Awtorità indikat li l-effett tat-tnaqqis tal-kolesterol LDL fid-demm huwa normalment stabbilit fi żmien 2-3 ġimgħat u jista' jiġi sostnut permezz ta' konsum kontinwu ta' sterols/stanols tal-pjanti.

    (5)

    Għalhekk, filwaqt li tqieset l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità u sabiex jiġi żgurat li l-indikazzjonijiet tas-saħħa li jirreferu għall-kobor tal-effett allegat huma awtorizzati b'mod li ma jqarrqux bil-konsumatur, u li l-kundizzjonijiet tagħhom ta' użu huma stabbiliti b'mod koerenti, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet stabbiliti tal-użu għal żewġ indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati relatati mal-effetti tal-isterols tal-pjanti u l-esteri istanol tal-pjanti fit-tnaqqis tal-kolesterol fid-demm.

    (6)

    Wara l-opinjoni tal-Awtorità dwar l-aċidi grassi essenzjali u b'mod partikolari l-aċidu α-linolenic (ALA) u l-aċidu linolejiku (LA) u t-tkabbir normali u l-iżvilupp tat-tfal (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-079) (5), il-Kummissjoni awtorizzat l-indikazzjoni tas-saħħa “L-aċidi grassi essenzjali huma meħtieġa għat-tkabbir u l-iżvilupp normali tat-tfal” fir-Regolament (KE) 983/2009 mal-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu ta' “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta' benefiċċju jinkiseb bil-konsum ta' kuljum tal-ammont ta' 1 % tal-enerġija totali għall-aċidu linolejiku u 0,2 % tal-enerġija totali għal aċisu α-linoleniku”.

    (7)

    Fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet tas-saħħa skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, fil-laqgħa tiegħu tal-20 Frar 2009 kkonkluda li l-Awtorità għandha tintalab tagħti parir ġenerali dwar il-valuri ta' referenza għall-iskop tal-ittikkettar għall-aċidi grassi sabiex tista' ssir ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-użu għall-indikazzjoni tas-saħħa rilevanti awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) ta' dan ir-Regolament. Fit-3 ta' Awissu 2009 il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00548) (6) li kkonkludiet li l-ittikkettar propost tal-valur ta' referenza ta' 2 g għall-aċidu grass polyunsaturated n-3 (PUFA) ALA huwa konsistenti mal-konsum rakkomandat għall-individwi fil-popolazzjoni ġenerali fil-pajjiżi Ewropej. Barra minn hekk, l-Awtorità pproponiet 10 g bħala l-valur tal-konsum ta' referenza għall-tikkettjar għal n-6 PUFA LA.

    (8)

    Għalhekk, filwaqt li tqis l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità u sabiex tistabilixxi kundizzjonijiet xierqa tal-użu għall-indikazzonijiet tas-saħħa relatati mal-effetti tal-aċidi grassi, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-użu stabbiliti għall-indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati relatati mal-effetti tal-aċidi grassi essenzjali fuq it-tkabbir u l-iżvilupp normali tat-tfal.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 983/2009, it-tabella għandha tkun emendata kif ġej.

    (1)

    It-test tal-ewwel entrata, il-ħames kolonna (Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni), huwa mibdul bit-test li ġej:

    “Tagħrif lill-konsumatur li l-effett benefiċjali jinkiseb permezz tal-konsum ta' kuljum ta' 1,5-2,4 g ta' sterols tal-pjanti. Tista' ssir referenza għall-kobor tal-effett għal ikel fil-kategoriji li ġejjin biss: xaħam isfar li jiddellek, prodotti mill-ħalib, majoneż u taħwir tal-insalata. Meta tirreferi għall-kobor tal-effett, il-firxa sħiħa ‘7 sa 10 %’ u t-tul biex jinkiseb l-effett ‘minn 2 sa 3 ġimgħat’ għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur.”

    (2)

    It-test tat-tieni entrata, il-ħames kolonna (Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni), huwa mibdul bit-test li ġej:

    “Tagħrif lill-konsumatur li l-effett benefiċjali jinkiseb permezz tal-konsum ta' kuljum ta' 1,5-2,4 g ta' stanols tal-pjanti. Tista' ssir referenza għall-kobor tal-effett għal ikel fil-kategoriji li ġejjin biss: xaħam isfar li jiddellek, prodotti mill-ħalib, majoneż u taħwir tal-insalata. Meta tirreferi għall-kobor tal-effett, il-firxa sħiħa ‘7 sa 10 %’ u t-tul biex jinkiseb l-effett ‘minn 2 sa 3 ġimgħat’ għandhom jiġu kkomunikati lill-konsumatur.”

    (3)

    It-test tat-tielet entrata, il-ħames kolonna (Kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni), huwa mibdul bit-test li ġej:

    “Informazzjoni lill-konsumatur li l-effett ta' benefiċċju jinkiseb bil-konsum ta' kuljum tal-ammont ta' 2 g ta' α-aċidu linoleniku (ALA) u l-konsum ta' kuljum tal-ammont ta' 10 g ta' aċidu linoleiku (LA)”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  Il-Ġurnal tal-EFSA, (2008) 781, 1-2 u 825, 1-13 rispettivament.

    (3)  ĠU L 277, 22.10.2009, p. 3.

    (4)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1175, 1-9.

    (5)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 783, 1-10.

    (6)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1176, 1-11.


    Top