Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0358

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 358/2010 tat- 23 ta' April 2010 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 tal- 4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 105, 27.4.2010, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2015; Impliċitament imħassar minn 32015R1998

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/358/oj

    27.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 105/12


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 358/2010

    tat-23 ta' April 2010

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-restrizzjonijiet fuq likwidi, aerosols u ġellijiet ttrasportati minn passiġġieri li jaslu fuq titjiriet minn pajjiżi terzi u li jittrasferixxu f’ajruporti tal-Unjoni joħolqu diffikultajiet operattivi f’dawn l-ajruporti u jikkaġunaw inkonvenjent għall-passiġġieri kkonċernati.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 820/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) jistipula wkoll eżenzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk ir-restrizzjonijiet biex jiġu mogħtija jekk jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. Wara li ġie vverifikat li ntlaħqu dawk il-kundizzjonijiet f'ċerti ajruporti f'ċerti pajjiżi terzi u li dawk il-pajjiżi għandhom rekord tajjeb ta' kooperazzjoni mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni stipulat l-eżenzjonijiet imsemmija.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) 820/2008 huwa mħassar mid-29 ta' April 2010 u b'hekk dawk l-eżenzjonijiet jitħassru wkoll. Madanakollu, ir-restrizzjonijiet fuq likwidi, aerosols u ġellijiet li jġorru magħhom il-passiġġieri li jaslu b'titjiriet minn pajjiżi terzi u li jittrasferixxu f'ajruporti tal-Unjoni jibqgħu japplikaw kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 297/2010 tad-9 ta' April 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 272/2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (3).

    (4)

    L-eżenzjonijiet għall-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq likwidi, aerosols u ġellijiet li jġorru magħhom il-passiġġieri li jaslu b'titjiriet minn pajjiżi terzi għandhom b'hekk jiġu estiżi filwaqt li dawk ir-restrizzjonijiet għandhom jibqgħu xorta waħda, sakemm dawk il-pajjiżi terzi jkomplu jilħqu dawk il-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw l-eżenzjonijiet.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (4) għandu għalhekk jiġi emendat skont il-każ.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) Nru 297/2010 tad-9 ta' April 2010 għandu japplika mid-29 ta' April 2010. Id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament huwa urġenti billi għandu japplika mill-istess data.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili imwaqqaf bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 185/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mid-29 ta' April 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

    (2)  ĠU L 221, 19.8.2008, p. 8.

    (3)  ĠU L 90, 10.4.2010, p. 1.

    (4)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.


    ANNESS

    Il-Kapitolu 4 tal-Anness huwa emendata kif ġej:

    (1)

    Il-punt 4.0.4 jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “4.

    Għall-iskop ta' dan l-Anness:

    (a)

    ‘likwidi, aerosols u ġellijiet’ (LAGs) għandhom jinkludu pejsts, lozjonijiet, taħlitiet likwidi/solidi u l-kontenut ta' reċipjenti taħt pressjoni, bħalma huma l-pejst għat-tindif tas-snien, il-ġell tax-xagħar, xarbiet, sopop, xropp, fwieħa, ragħwa tal-leħja u oġġetti oħra b'konsistenzi simili.

    (b)

    ‘il-borża ta’ sigurtà li tikxef kwalunkwe tbagħbis ' (STEB) hija borża konformi mal-linji gwida ta' kontroll tas-sigurtà rrakkomandati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili.”

    (2)

    Il-punt 4.1.3.4 hu mibdul b'dan li ġej:

    “4.

    L-LAGs li jinġarru mill-passiġġieri jistgħu jiġu eżentati mill-iskrinjar jekk l-LAG jkun:

    (a)

    f'kontenituri individwali b'kapaċità ta' mhux aktar minn 100 millilitru jew l-ekwivalenti f'borża tal-plastik trasparenti li tista' terġa' tiġi ssiġillata mill-ġdid b'kapaċità li ma taqbiżx il-litru (1 ltr.), fejn il-kontenut tal-borża tal-plastik ikun joqgħod tajjeb fil-borża u l-borża tkun magħluqa kompletament; jew

    (b)

    se jintuża matul il-vjaġġ u huwa meħtieġ għal raġunijiet mediċi inkella bħala rekwiżit speċjali tad-dieta, inkluż l-ikel tat-trabi. Meta jintalab jagħmel dan, il-passiġġier għandu jagħti prova tal-awtentiċità tal-LAG eżentat; jew

    (c)

    inxtara minn żona tal-ajru lil hinn mill-punt fejn jiġu kkontrollati l-karti tat-tlugħ, minn ħwienet li huma soġġetti għal proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà tal-ajruport, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat f'borża li tidher li ma tkunx ġiet imbagħbsa kif ukoll li tagħti biżżejjed provi li jkun inxtara mill-ajruport dakinhar; jew

    (d)

    inkiseb fiż-żona ta' sigurtà ristretta minn ħwienet li huma soġġetti għal proċeduri approvati tas-sigurtà bħala parti mill-programm tas-sigurtà fl-ajruport; jew

    (e)

    miksub minn ajruport ieħor tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat f’borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li juri biżżejjed provi li jkun inxtara fin-naħa ta’ ġewwa (airside) tal-ajruport dakinhar; jew

    (f)

    miksub minn fuq ajruplan ta’ trasportatur tal-ajru tal-Komunità, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat f'borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li turi biżżejjed provi li jkun inxtara abbord dak l-inġenju tal-ajru dakinhar; jew

    (g)

    miksub minn ajruport li jinsab f'pajjiż terz li jinsab fil-lista tal- Hemża 4-D, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun ippakkjat f'borża li turi li ma ġietx imbagħbsa u li turi biżżejjed provi li jkun inxtara fin-naħa ta’ ġewwa (airside) tal-ajruport fl-aħħar 36 siegħa. L-eżenzjonijiet stabbiliti f'dan il-punt għandhom jiskadu fid-29 ta' April 2011.”

    (3)

    Tiżdied l-Hemża 4-D li ġej:

    HEMŻA 4-D

    Ajruport(i) li minnhom jitilqu t-titjiriet lejn ajruporti fl-Unjoni:

    Il-Kanada:

    L-ajruporti internazzjonali kollha

    Ir-Repubblika tal-Kroazja:

    L-ajruport ta’ Dubrovnik (DBV)

    L-ajruport ta’ Pula (PUY)

    L-ajruport ta’ Rijeka (RJK)

    L-ajruport ta’ Split (SPU)

    L-ajruport ta’ Zadar (ZAD)

    L-ajruport ta’ Zagreb (ZAG)

    il-Malasja

    Kuala Lumpur International (KUL) airport

    Ir-Repubblika ta’ Singapor:

    Changi (SIN) airport

    L-Istati Uniti tal-Amerika

    L-ajruporti internazzjonali kollha”.


    Top