Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0285

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 285/2010 tas- 6 ta’ April 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani

ĠU L 87, 7.4.2010, pp. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/285/oj

7.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 285/2010

tas-6 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE (2), il-Komunità kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, miftiehma f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 (il-Konvenzjoni ta’ Montreal), li tistabbilixxi r-regoli dwar ir-responsabbiltà fir-rigward tat-trasportazzjoni internazzjonali bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagalji u l-merkanzija.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 stabbilixxa rekwiżiti minimi tal-assigurazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-passiġġieri, il-bagalji u l-merkanzija fuq livell li jiżgura li t-trasportaturi tal-ajru jkollhom assigurazzjoni xierqa li tkopri r-responsabbiltajiet tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(3)

Il-limiti tar-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal ġew riveduti reċentement mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) b’referenza għal fattur ta’ inflazzjoni li jikkorrispondi għar-rata akkumulata ta’ inflazzjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(4)

L-ICAO ddeterminat li l-fattur ta’ inflazzjoni mill-4 ta’ Novembru 2003, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, qabeż l-10 %, il-livell li ‘l fuq minnu għandu jsir aġġustament tal-limiti tar-responsabbiltà. Għalhekk, il-limiti tar-responsabbiltà ġew riveduti skont dan.

(5)

Ir-rekwiżiti minimi tal-assigurazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-merkanzija, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 785/2004, għandhom jiġu aġġustati fil-ħin għal-limiti tar-responsabbiltà riveduti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2009.

(6)

Għar-responsabbiltà fir-rigward tal-passiġġieri, ir-rekwiżiti minimi tal-assigurazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 ġew stabbiliti fuq livell sinifikanti li jaqbeż sew il-limiti tar-responsabbiltà riveduti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(7)

Fir-rigward tar-responsabbiltà għall-bagalji u l-merkanzija, ir-rekwiżiti minimi tal-assigurazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 għandhom jiżdiedu sal-livell tal-limiti tar-responsabbiltà riveduti skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 785/2004, il-paragrafi (2) u (3) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   Għar-responsabbiltà fir-rigward tal-bagalji, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għandha tkun 1 131 SDR għal kull passiġġier f’operat kummerċjali.

3.   Għar-responsabbiltà fir-rigward tat-merkanzija, il-kopertura tal-assigurazzjoni minima għandha tkun 19 SDR għal kull kilogramma f’operat kummerċjali.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1.

(2)   ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38.

(3)   ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.


Top