Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0239

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 239/2010 tat- 22 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 318/2007 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 75, 23.3.2010, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/03/2013; Imħassar b' 32013R0139

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/239/oj

    23.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 75/18


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 239/2010

    tat-22 ta’ Marzu 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 318/2007 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (2), u b’mod partikolari r-raba’ inċiż tal-Artikolu 18(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 91/496/KEE tistabbilixxi l-kundizzjoni tal-kwarantina fir-rigward tal-annimali ħajjin importati minn pajjiżi terzi, inklużi l-kundizzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu ssodisfati miċ-ċentri tal-kwarantina li jinsabu fl-Unjoni. L-Anness B ta’ dik id-Direttiva jistipula lista ta’ kundizzjonijiet ġenerali għall-approvazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ ċentri.

    (2)

    L-Artikolu 10(4)(b) tad-Direttiva 91/496/KEE, kif emendat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 li tissimplifika l-proċeduri tal-elenkar u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fl-oqsma veterinarji u żutekniċi (3), introduċa proċedura simplifikata għall-elenkar u l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ ċentri tal-kwarantina approvati fejn jitpoġġew l-annimali ħajjin fi kwarantina jew f’iżolament jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun titlob dan. Skont dik il-proċedura l-ġdida, li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010, il-kompetenza tal-istabbiliment tal-lista ta’ ċentri tal-kwarantina approvati li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Anness B ta’ dik id-Direttiva tgħaddi mingħand il-Kummissjoni għal għand l-Istati Membri.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007 (4) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ ċerti għasafar għajr it-tjur tal-irziezet. L-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-faċilitajiet u ċ-ċentri tal-kwarantina approvati għandhom jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet minimi stipulati fl-Anness IV tiegħu. Barra minn hekk, l-Anness V ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi lista ta’ faċilitajiet u ċentri tal-kwarantina approvati.

    (4)

    Fl-interessi tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 u li jitħassar l-Anness V tiegħu sabiex jirrifletti l-proċeduri l-ġodda għall-approvazzjoni u l-elenkar tal-faċilitajiet u ċ-ċentri tal-kwarantina previsti fid-Direttiva 91/496/KEE, kif emendata mid-Direttiva 2008/73/KE. Xi Stati Membri diġà bdew ifasslu listi ta’ ċentri tal-kwarantina approvati sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(4)(b) tad-Direttiva 91/496/KEE. Għaldaqstant, fl-interessi taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jixraq li l-emendi tar-Regolament (KE) Nru 318/2007 jkunu applikabbli mill-istess data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 91/496/KEE.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 318/2007 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 318/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Faċilitajiet u ċentri tal-kwarantina approvati

    Il-faċilitajiet u ċ-ċentri tal-Kwarantina approvati għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness IV.

    Kull Stat Membru għandu jfassal u jżomm aġġornata lista taċ-ċentri u l-faċilitajiet tal-kwarantina approvati u n-numri tal-approvazzjoni tagħhom u jqiegħdha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri l-oħra u tal-pubbliku.”

    (2)

    L-Anness V jitħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-22 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

    (2)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

    (3)  ĠU L 219, 14.8.2008, p. 40.

    (4)  ĠU L 84, 24.3.2007, p. 7.


    Top