Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0211

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2010 tal- 11 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

    ĠU L 65, 13.3.2010, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/211/oj

    13.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 65/14


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 211/2010

    tal-11 ta’ Marzu 2010

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) (a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ċerti prodotti li fihom in-nikotina u huma maħsuba sabiex jgħinu lil min ipejjep sabiex jieqaf mit-tipjip ġew klassifikati minn awtoritajiet differenti tad-dwana tal-Istati Membri taħt l-intestaturi 2106, 3004 jew 3824 tan-Nomenklatura Magħquda (NM), stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3565/88 tas-16 ta’ Novembru 1988 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (2) kklassifika ċ-chewing gum li jikkonsisti f’nikotina marbuta ma’ reżinu ta’ skambju f’jone sabiex tissimula t-togħma tad-duħħan tat-tabakk meta l-użu huwa ssuġġerit għal persuni li jixtiequ jieqfu mit-tipjip bħala “preparazzjonijiet tal-ikel”’ tas-subintestatura 2106 90 tan-NM. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fid-digriet tagħha tad-19 ta’ Jannar 2005 (3) ddeċidiet li ċerti faxex tan-nikotina maħsuba sabiex jgħinu lil dawk li jużawhom sabiex jieqfu mit-tipjip għandhom jiġu kklassifikati bħala “medikamenti” tal-intestatura 3004 tan-NM.

    (3)

    Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fir-rigward tal-prodotti maħsuba biex jgħinu lil min ipejjep sabiex jieqaf mit-tipjip, huwa meħtieġ li tiġi miżjuda nota 2 addizzjonali għall-Kapitolu 30 tan-NM.

    (4)

    Prodotti maħsuba sabiex jgħinu lil min ipejjep sabiex jieqaf mit-tipjip, bħal pilloli, chewing gum jew preparazzjonijiet oħra, ma jippermettux li tiġi rilaxxata b’mod gradwali u kontinwu n-nikotina matul il-ġurnata kollha u ma jistgħux jitqiesu bħala li għandhom karatteristiċi profilattiċi u terapewtiċi. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stipulat fin-nota addizzjonali li l-Kapitolu 30 dwar il-prodotti Farmaċewtiċi ma jkoprix prodotti, bħall-pilloli, chewing gum jew preparazzjonijiet oħra, maħsuba sabiex jgħinu lil dawk li jpejpu biex jieqfu mit-tipjip li jaqgħu taħt l-intestatura 2106 jew 3824, bl-esklużjoni tal-faxex tan-nikotina.

    (5)

    Il-faxex tan-nikotina għandhom karatteristiċi profilattiċi u terapewtiċi minħabba l-applikazzjoni tagħhom direttament fuq il-ġilda li jippermetti rilaxx gradwali u kontinwu tan-nikotina matul il-jum. Fid-dawl tal-karatteristiċi profilattiċi u terapewtiċi tagħhom, il-faxex tan-nikotina huma kklassifikati fil-Kapitolu 30 u għalhekk għandhom jiġu esklużi min-nota addizzjonali.

    (6)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni sal-iskadenza stabbilita miċ-Ċermen,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fit-Tieni Parti, it-Taqsima VI, il-Kapitolu 30 tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, għandha tiddaħħal in-Nota Addizjonali 2:

    “2.

    Dan il-Kapitolu ma jkoprix prodotti, bħal pilloli, chewing gum jew preparazzjonijiet oħra, maħsuba sabiex jgħinu lil dawk li jpejpu biex jieqfu mit-tipjip li jaqgħu taħt l-intestatura 2106 jew 3824, bl-esklużjoni tal-faxex tan-nikotina.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 311, 17.11.1988, p. 25.

    (3)  Digriet tad-19 ta’ Jannar 2005, Kawża C-206/03: Kummissarji tad-Dwana u s-Sisa vs SmithKline Beecham, Ġabra [2005] p. I-415.


    Top