Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0153

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2010 tat- 23 ta’ Frar 2010 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 48, 25.2.2010, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/153/oj

    25.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 48/5


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 153/2010

    tat-23 ta’ Frar 2010

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura statistika u tariffarja u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a), tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna nru (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna nru (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna nru (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2010.

    Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Prodott fil-forma ta’ dak li jissejjaħ “ktieb pop-up” li fih paġni stampati tal-kartuna, li tnejn minnhom fihom test limitat relatat ma’ attività tal-logħob.

    Il-ktieb jikkonsisti minn sitt paġni oħra li, kif jinfetħu, jipproduċu rappreżentazzjoni bi tliet dimensjonijiet ta’ diversi sezzjonijiet ta’ stazzjoni spazjali.

    Il-ktieb jinkorpora wkoll paġna li fiha figuri bil-wiefqa magħmulin mill-kartuna, li jistgħu jinqalgħu minn mall-paġna u jiġu inseriti f’partijiet differenti ta’ stazzjon spazjali.

    9503 00 99

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 1(c) ta’ Kapitolu 49 u bil-kliem tal-kodiċi NM 9503 00 u 9503 00 99 .

    B’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi tiegħu (kif inhu magħmul), l-użu maħsub tal-prodott huwa essenzjalment għal-logħob.

    Kotba tat-tfal bi stampi, li fihom figuri bil-wiefqa jew mobbli jew porzjonijiet li jistgħu jinqatgħu minn mall-paġna, għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 4903 (Kotba tat-tfal bi stampi jew biex tpinġi fuqhom), sakemm il-prodott mhuwiex essenzjalment ġugarell. Prodotti li huma ġugarell għandhom ikunu esklużi mill-intestatura 4903 u għandhom ikunu kklassifikati f’Kapitolu 95 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata għall-intestatura 4903 ).

    Prodotti mill-Kapitolu 95 huma esklużi mill-Kapitolu 49 bis-saħħa tan-Nota 1 (c) għall-Kapitolu 49

    Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat bħala ġugarell taħt l-intestatura 9503 .


    Top