Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0033

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 33/2010 tat- 12 ta’ Jannar 2010 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana

ĠU L 10, 15.1.2010, p. 9–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/33/oj

15.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 33/2010

tat-12 ta’ Jannar 2010

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura statistika u tariffarja u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-klassifikazzjoni taż-żraben bil-wiċċ li jikkonsisti fi tnejn jew iktar materjali, fl-applikazzjoni tan-Nota 4 (a) flimkien man-nota Addizzjonali 1 għall-Kapitolu 64 tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, it-tieni sentenza tan-nota Addizzjonali 1 għall-Kapitolu 64 għandha tiġi kkjarifikata billi jiġi ddikjarat kif għandha ssir il-verifika dwar jekk il-materjali għandhomx il-karatteristiċi ta’ wiċċ.

(2)

Fis-sentenza tagħha dwar il-każ C-165/07, Skatteministeriet v Ecco Sko A/S (2), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea introduċiet “test tal-mixi” għall-iskop ta’ din il-verifika. It-test jeħtieġ verifika dwar jekk il-materjali tal-wiċċ jipprovdux biżżejjed appoġġ għas-sieq sabiex min jilbsu jkun jista' jimxi biż-żarbun.

(3)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi speċifikat fin-nota Addizzjonali 1 għall-Kapitolu 64 li biex il-materjali jkollhom il-karatteristiċi ta’ wiċċ, għandhom jappoġġjaw is-sieq b’mod suffiċjenti sabiex min jilbsu jkun jista' jimxi biż-żarbun.

(4)

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ma tispeċifikax jekk it-“test tal-mixi” għandhux isir bil-qafliet jew mingħajrhom. Il-Qorti tħalli d-deċiżjoni għall-qorti nazzjonali li tirreferi biex tagħmel il-kostatazzjonijiet meħtieġa. Il-fatt li tiddependi fuq il-mod li bih titneħħa l-ġilda, kemm jekk il-qafliet jibqgħu fil-post kif ukoll jekk le, jista' jwassal għal interpretazzjoni diverġenti tas-sentenza.

(5)

Sabiex issir interpretazzjoni uniformi fir-rigward tas-sistemi ta’ qfil, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat fini-nota Addizzjonali 1 għall-Kapitolu 64 li s-sistemi ta’ qfil għandhom ikunu fil-post matul it-test. Jekk le, f’każ li żarbun jeħtieġ sistema ta’ qfil, pereżempju lazzijiet, biex ikun jista’ jiffunzjona, it-test tal-mixi tfalli b’kwalunkwe materjal, minħabba li min jilbsu ma jkun qatt jista’ jimxi bih mingħajr is-sistema ta’ qfil.

(6)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fin-nota Addizzjonali 1 għall-Kapitolu 64 tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu hija sostitwita b’li ġej:

“Wara t-tneħħija tar-rinforzamenti, il-materjal viżibbli għandu jkollu l-karatteristiċi ta’ wiċċ u mhux ta’ inforra, li jappoġġja s-sieq biżżejjed biex min jilbsu, bis-sistemi ta’ qfil maqfula, ikun jista’ jimxi biż-żarbun.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni,

f’issem il-President,

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  [2008] ECR, p. I-4037.


Top