Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0055

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/55/UE tal- 20 ta’ Awwissu 2010 li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex iġġedded l-inklużjoni tal-azoxystrobin bħala sustanza attiva Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 220, 21.8.2010, pp. 67–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011; Imħassar b' 32011R0703

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/55/oj

21.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/67


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/55/UE

tal-20 ta’ Awwissu 2010

li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex iġġedded l-inklużjoni tal-azoxystrobin bħala sustanza attiva

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-inklużjoni tal-azoxystrobin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Tressqet notifika skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2007 tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment tal-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel grupp ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta’ dawk is-sustanzi (2) għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-azoxystrobin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu.

(2)

Dik in-notifika nstabet li hija ammissibbli permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/656/KE tat-28 ta’ Lulju 2008 dwar l-ammissibilità tan-notifiki dwar it-tiġdid tal-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tas-sustanzi attivi azimsulfuron, azoxystrobin, fluroxypyr, imazalil, kresoxim-methyl, prohexadion-calcium u spiroxamin, u t-twaqqif tal-lista tan-notifikanti kkonċernati (3).

(3)

Fil-perjodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 737/2007, in-notifikant ressaq id-dejta obbligata skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 737/2007 flimkien mal-ispjegazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mar-relevanza ta’ kull studju ġdid li tressaq.

(4)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport tal-valutazzjoni b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ressqu quddiem l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn issa ‘l quddiem: “l-Awtorità”) u l-Kummissjoni fl-10 ta’ Ġunju 2009. Flimkien mal-valutazzjoni tas-sustanza, dak ir-rapport jinkludi lista tal-istudji li rabat fuqhom l-Istat Membru relatur għall-valutazzjoni tiegħu.

(5)

L-Awtorità kkomunikat ir-rapport tal-valutazzjoni lin-notifikant u lill-Istati Membri kollha, u kkomunikat il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità għamlet ukoll ir-rapport tal-valutazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(6)

Fuq talba tal-Kummissjoni, ir-rapport tal-valutazzjoni saritlu analiżi inter pares mill-Istati Membri u l-Awtorità, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha fuq l-analiżi inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-azoxystrobin (4) lill-Kummissjoni fis-6 ta’ April 2010. Ir-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjoni mill-Awtorità ġew analizzati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fid-9 ta’ Lulju 2010 fil-format tar-rapport ta’ analiżi tal-Kummissjoni dwar azoxystrobin.

(7)

Mill-investigazzjonijiet varji li saru ħareġ li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-azoxystrobin jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew investigati u speċifikati fir-rapport ta’ analiżi tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa xieraq li tiġġedded l-inklużjoni tal-azoxystrobin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, biex jiġi żgurat li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva jkunu jistgħu jkomplu jiġu awtorizzati meta jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva.

(8)

Barra minn dan, l-analiżi stabbilixxiet li għas-sustanza attiva azoxystrobin li ġiet innotifikata mill-fornitura ewlieni tad-dejta, l-impurità tal-manifattura toluene hija ta’ tħassib tossikoloġiku u għalhekk il-preżenza tagħha fil-materjal tekniku ma jridx jaqbeż il-livell massimu ta’ 2 grammi għal kilogramm.

(9)

Mid-dejta ġdida li tressqet, jidher li l-azoxystrobin jista’ jikkawża riskji għall-organiżmi akkwatiċi. Bla ħsara għall-konklużjoni li għandha tiġġedded l-inklużjoni tal-azoxystrobin, huwa għalhekk xieraq li tinkiseb informazzjoni ulterjuri dwar dawk il-punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet. Għalhekk, huwa xieraq li n-notifikant jiġi obbligat li jressaq informazzjoni ulterjuri biex jikkonferma r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju abbażi tal-aktar għarfien xjentifiku riċenti fir-rigward tar-riskju għall-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art fir-rigward ta’ xi prodotti minuri ta’ trasformazzjoni tal-ħamrija u r-riskju għall-organiżmi akkwatiċi.

(10)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġjonevoli ta’ żmien qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE biex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jħejju lilhom infushom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid.

(11)

Bla ħsara għall-obbligi definiti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tat-tiġdid tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tagħha, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara t-tiġdid biex janalizzaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom azoxystrobin biex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fd-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, ikomplu jiġu sodisfatti. Kif xieraq, l-Istati Membri għandhom iġeddu, meta xieraq b’modifiki, jew jirrifjutaw li jġeddu awtorizzazzjonijiet ġodda. Permezz ta’ deroga minn dak il-limitu ta’ żmien, għandu jiġi previst perjodu itwal biex jitressaq u jiġi vvalutat l-aġġornament tad-dossier komplut tal-Anness III għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE.

(12)

Għaldaqstant huwa xieraq li d-Diretttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2012 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Frar 2012.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din it-tip ta’ referenza.

Artikolu 3

1.   F’konformità mad-Direttiva 91/414/KEE, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-azoxystrobin bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Jannar 2012.

Sa dik id-data għandhom jivverifikaw b’mod partikolari li l-kondizzjonijiet fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-azoxystrobin jintlaħqu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B tal-entrata li tikkonċerna dik is-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu, jew għandu aċċess għal, dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-azoxystrobin bħala jew l-unika sustanza attiva inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li jkunu lkoll elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2011, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-prodotti, biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi li seħħew fl-għarfien xjentifiku u tekniku u f’konformità mal-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, abbażi tad-dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti B tal-entrata fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li tikkonċerna l-azoxystrobin. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE. Wara dik id-determinazzjoni, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Lulju 2015.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 u 2, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih l-azoxystrobin jew bħala l-unika sustanza attiva inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, li jkunu lkoll elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2011, u li mill-inqas waħda minnhom ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE bejn l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Lulju 2011, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, abbażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti B tal-entrata fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li tikkonċerna l-azoxystrobin. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara dik id-determinazzjoni, l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Lulju 2015 jew sad-data stipulata għal emenda jew irtirar ta’ dan it-tip fid-Direttiva jew id-Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skont liema minnhom taħbat l-aħħar.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2011.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 169, 29.6.2007, p. 10.

(3)   ĠU L 214, 9.8.2008, p. 70.

(4)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Konklużjoni dwar l-analiżi inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida għas-sustanza attiva azoxystrobin fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, EFSA Journal 2010; 8(4):1542.


ANNESS

Fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, ir-ringiela Nru 2 hi sostitwita b’dan li ġej:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza għall-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“2

Azoxystrobin

Nru CAS 131860-33-8

Nru CIPAC 571

metil (E)-2-{2[6-(2-ċjanofenosi)pirimidin-4-ilossi]fenil}-3-metossijakrilat

≥ 930 g/kg

Kontenut massimu ta’ Toluwen 2 g/kg

Iżomeru Z kontenut massimu 25 g/kg

fl-1 ta’ Awwissu 2011.

fil-31 ta’ Lulju 2021.

PARTI A

L-użi bħala funġiċida biss jistgħu jiġu awtorizzati.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport tal-analiżi dwar l-azoxystrobin u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fid-9 ta’ Lulju 2010.

F’din il-valutazzjoni globali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għal:

l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku kif immanifatturat kummerċjalment irid jiġi kkonfermat u appoġġjat b’dejta analitika xierqa. Il-materjal tat-test użat fid-dossiers tat-tossiċità għandu jiġi pparagunat u vverifikat ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-materjal tekniku;

il-potenzjal ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew tal-klima;

il-protezzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi.

L-Istat Membru jrid jiżgura li l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri ta’ taffija tar-riskju, meta xieraq, bħalma huma żoni ta’ paraventu.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu biex jitressqu studji ulterjuri biex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art u l-organiżmi akkwatiċi. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikanti jipprovdu studji bħal dawn lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2012.”


(1)  Iżjed dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jingħataw fir-rapport tal-analiżi.


Top