This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010H0133
Commission Recommendation of 2 March 2010 on the prevention and reduction of ethyl carbamate contamination in stone fruit spirits and stone fruit marc spirits and on the monitoring of ethyl carbamate levels in these beverages (Text with EEA relevance)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Marzu 2010 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u l-monitoraġġ tal-livelli ta’ ethyl carbamate f’dawn ix-xarbiet (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Marzu 2010 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u l-monitoraġġ tal-livelli ta’ ethyl carbamate f’dawn ix-xarbiet (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 52, 3.3.2010, p. 53–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 52/53 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Marzu 2010
dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur u l-monitoraġġ tal-livelli ta’ ethyl carbamate f’dawn ix-xarbiet
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/133/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu
Billi,
(1) |
Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari tal-Awtorità tas-Sigurtà tal-Ikel fl-Ewropa (EFSA) adotta opinjoni xjentifika fl-20 ta’ Settembru 2007 dwar l-ethyl carbamate u l-aċidu idroċjaniku fl-ikel u x-xorb (1). F’din l-opinjoni l-Bord ħareġ marġni ta’ esponiment (MTE) għall-ethyl carbamate għax-xenarji differenti tal-konsum tal-ikel u x-xorb. Imsejsa fuq dawn l-MTE il-Bord ikkonkluda li l-ethyl carbamate fix-xorb alkoħoliku huwa ta’ tħassib għas-saħħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-brandy magħmul mill-frott tal-għadma, u rrakkomanda li jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-livelli ta’ ethyl carbamate f’dan ix-xorb. Billi l-aċidu idroċjaniku huwa prekursur importanti tal-formazzjoni tal-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, il-Bord ikkonkluda li miżuri bħal dawn għandhom jinkludu punt fokali fuq l-aċidu idroċjaniku u fuq prekursuri oħra tal-ethyl carbamate, għall-prevenzjoni tal-formazzjoni tal-ethyl carbamate matul il-ħajja ta’ dawn il-prodotti. |
(2) |
Il-kontenut massimu tal-aċidu idroċjaniku fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur ġie stipulat fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (2). Dan ir-Regolament jistipula li l-kontenut massimu ta’ aċidu idroċjaniku fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur għandu jkun ta’ 7 grammi għal kull ettolitru ta’ 100 % vol. ta’ alkoħol (70 mg/l). |
(3) |
“Kodiċi ta” Prattika għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-livelli ta’ ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott bl-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott bl-għadma magħsur’ qed jitqies bħala biċċa għodda utli biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA. Dan il-Kodiċi jirrakkomanda Prattika ta’ Manifattura Tajba (PMT) li għandu l-prova li jistgħu jinkisbu livelli aktar baxxi ta’ ethyl carbamate meta din il-prattika tiġi applikata. Livell immirat ta’ ethyl carbamate ta’ 1 mg/l fix-xarba alkoħolika lesta għall-konsum huwa realistiku u jista’ jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ prattika tajba. |
(4) |
Il-livelli ta’ ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur għandhom jiġu ssorveljati matul perjodu ta’ tliet snin u r-riżultati għandhom jintużaw biex jevalwaw l-effetti ta’ dan il-Kodiċi ta’ Prattika wara tliet snin ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġi stabbilit livell massimu għandha tiġi evalwata. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri
(1) |
jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-“Kodiċi ta” Prattika dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni bl-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur’ kif deskritt fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, qed jiġi implimentat mill-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni, l-ippakkjar, it-trasport, iż-żamma u l-ħażna tal-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma. |
(2) |
jiżguraw li qed jittieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinkisbu livelli kemm jista’ jkun baxxi tal-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur bl-għan li jinkiseb il-livell immirat ta’ 1 mg/l. |
(3) |
jissorveljaw il-livelli tal-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur matul is-snin 2010, 2011, u 2012 biex jiġu evalwati l-effetti tal-Kodiċi ta’ Prattika stipulat fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
(4) |
jirrappurtaw id-dejta ta’ monitoraġġ tas-sena ta’ qabel lill-EFSA sal-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena bit-tagħrif u fil-format stipulat mill-EFSA. |
(5) |
isegwu l-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni għall-programm ta’ monitoraġġ kif stipulat fil-parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ livelli ta’ ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel (3). |
(6) |
iwettqu l-analiżi tal-ethyl carbamate skont il-kriterji stipulati fil-punti 1 u 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar kontrolli uffiċjali biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u tal-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli tal-benessri tal-annimali (4). |
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) Opinjoni tal-Bord Xjentifiku għall-Kontaminanti fil-Katina Alimentari fuq talba mill-Kummissjoni Ewropa dwar l-ethyl carbamate u l-aċidu idroċjaniku fl-ikel u x-xorb, Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) numru tal-Ġurnal 551, p. 1. http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/Contam_ej551_ethyl_carbamate_en_rev.1,3.pdf
(2) ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.
(3) ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29.
ANNESS
Il-Kodiċi ta’ Prattika għat-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ kontaminazzjoni bl-ethyl carbamate fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur
DAĦLA
1. |
L-ethyl carbamate huwa kompost li jinsab b’mod naturali f’ikel iffermentat u fix-xorb alkoħoliku bħall-ħobż, il-jogurt, iz-zalza tas-sojja, l-inbid, il-birra u b’mod partikolari fl-ispirti tal-frott tal-għadma u fl-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur, prinċipalment dawk magħmula miċ-ċirasa, l-għanbaqar, il-mirabelli u l-berquq. |
2. |
L-ethyl carbamate jista’ jifforma minn diversi sustanzi inerenti fl-ikel u x-xorb, inkluż iċ-ċjanur tal-idroġenu (jew l-aċidu idroċjaniku), l-urea, is-citrulline, u komposti oħra tal-N-carbamyl. Is-cyanate huwa probabbilment l-aħħar prekursur fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, li jirreaġixxi mal-etanol biex jifforma l-ethyl carbamate. |
3. |
Fid-distillati tal-frott tal-għadma (l-ispirti tal-frott tal-għadma u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur) l-ethyl carbamate jista’ jifforma mis-cyanogenic glocosides li huma kostitwenti naturali tal-għadam. Meta l-frott isir maxx, l-għadam jista’ jinkiser u s-cyanogenic glocosides mill-għadam jista’ jiġi f’kuntatt mal-enżimi fil-maxx tal-frott. Is-cyanogenic glycosides huma mbagħad degradati għal aċidu idroċjaniku/ċjanuri. L-aċidu idroċjaniku jista’ wkoll jiġi rrilaxxat minn għadam intatt matul ħażna itwal tal-maxx iffermentat. Matul il-proċess ta’ distillazzjoni l-aċidu idroċjaniku jista’ jiġi arrikkit fil-frazzjonijiet kollha. Taħt l-influwenza tad-dawl iċ-ċjanur huwa ossidat għal cyanate waqt li jirreaġixxi mal-etanol biex jifforma l-ethyl carbamate. Ladarba tkun bdiet ir-reazzjoni, ma tistax titwaqqaf. |
4. |
Il-konċentrazzjoni tal-ethyl carbamate tista’ titnaqqas sew bl-użu ta’ żewġ strateġiji differenti: l-ewwel, billi titnaqqas il-konċentrazzjoni tas-sustanzi prekursuri prinċipali; it-tieni, billi titnaqqas it-tendenza li dawn is-sustanzi jirreaġixxu biex jiffurmaw is-cyanate. Il-fatturi ewlenin li huma ta’ influwenza huma l-konċentrazzjoni tal-prekursuri (eż. l-aċidu idroċjaniku u ċ-cjanuri) u l-kundizzjonijiet tal-ħażna, bħall-esponiment għad-dawl u t-temperatura. |
5. |
Għalkemm s’issa għad ma hemm l-ebda korrelazzjoni qawwija stabbilita bejn il-livell tal-aċidu idroċjaniku u l-ethyl carbamate, huwa evidenti li taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konċentrazzjonijiet qawwija ta’ aċidu idroċjaniku jistgħu jwasslu għal livelli ogħla ta’ ethyl carbamate. Żieda potenzjali fil-formazzjoni ta’ ethyl carbamate ġiet assoċjata ma’ livelli ta’ jew ’il fuq minn 1 mg/l aċidu idroċjaniku fid-distillat finali (1), (2). |
6. |
Il-Parti I tagħti dettalji dwar il-proċess ta’ produzzjoni. Il-Parti II fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi msejsa fuq Prattika ta’ Manifattura Tajba (PMT). |
I. DESKRIZZJONI TAL-PROĊESS TA’ PRODUZZJONI
7. |
Il-proċess ta’ produzzjoni għall-ispirti tal-frott u l-ispirti tal-karfa tal-frott tal-għadma magħsur jinvolvi t-tgħaffiġ u l-fermentazzjoni tal-frotta kollha kemm hi, segwiti mid-distillazzjoni. Il-proċess isegwi b’mod tipiku l-istadji mniżżla hawn taħt:
|
8. |
Matul id-distillazzjoni, il-kontenut “tal-bidu” jagħli l-ewwel. Dawn jistgħu jiġu normalment rikonoxxuti mis-solvent tagħhom jew mill-aromi tal-lostru. Din il-frazzjoni mhijiex ġeneralment tajba għall-konsum u għandha tiġi skartata. |
9. |
Matul il-proċess ta’ distillazzjoni tan-nofs (il-“qalba”), l-alkoħol tal-ethyl (etanol), li hu l-alkoħol prinċipali fl-ispirti kollha, jiġi ddistillat. Din il-parti tal-proċess ta’ distillazzjoni, fejn il-kontenut ta’ volatili għajr l-etanol huwa l-aktar baxx u fejn jinstabu l-aromi tal-frott l-aktar puri, dejjem tinġabar. |
10. |
“Il-bqija” tad-distillazzjoni tinkludi l-aċidu aċetiku u ż-żjut fusel li ta’ spiss huma identifikati minn aromi ta’ ħall u aromi veġetali mhux pjaċevoli. Din il-parti hija wkoll skartata, iżda tista’ tiġi distillata mill-ġdid minħabba li xi etanol huwa inkluż b’mod invarjabbli mal-bqija. |
II. PRATTIKA RAKKOMANDATA MSEJSA FUQ PRATTIKA TA’ MANIFATTURA TAJBA (PMT)
Materja prima u preparazzjonijiet tal-maxx tal-frott
11. |
Il-materja prima u l-preparazzjonijiet tal-maxx tal-frott għandhom ikunu xierqa biex jevitaw ir-rilaxx tal-aċidu idroċjaniku. |
12. |
Il-frott tal-għadma għandu jkun ta’ kwalità għolja, mhux imħassar mekkanikament u mhux mgħarraq mikrobijoloġikament. |
13. |
Il-frott għandu preferibbilment jitneħħilu l-għadma. |
14. |
Jekk il-frott ma jitneħħilux l-għadma, għandu jitgħaffeġ bil-mod biex jiġi evitat it-tifrik tal-għadam. |
Il-Fermentazzjoni
15. |
Tip ta’ ħmira magħżula għall-produzzjoni tal-alkoħol għandha tiġi miżjuda flimkien mal-frott maxx, skont l-istruzzjonijiet għall-utenti. |
16. |
Il-frott maxx iffermentat għandu jiġi ttrattat bi standards għolja ta’ iġjene, u l-esponiment għad-dawl għandu jiġi mminimizzat. Il-maxx tal-frott iffermentat għandu jinħażen għal żmien qasir kemm jista’ jkun qabel id-distillazzjoni billi l-aċidu idroċjaniku jista’ wkoll jiġi rrilaxxat minn għadam intatt matul perjodu ta’ ħażna itwal tal-maxx. |
It-tagħmir tad-distillazzjoni
17. |
It-tagħmir ta’ distillazzjoni u l-proċess ta’ distillazzjoni għandhom ikunu adattati, biex jiżguraw li l-aċidu idroċjaniku ma jiġix trasferit fid-distillat. |
18. |
It-tagħmir ta’ distillazzjoni għandu jinkludi apparat ta’ tlaħliħ awtomatiku u konvertituri katalitiċi tar-ramm. L-apparat ta’ tlaħliħ awtomatiku għandu jżomm l-imqatar indaf waqt li l-konvertituri katalitiċi tar-ramm jgħaqqdu l-aċidu idroċjaniku qabel ma jgħaddi fid-distillat. |
19. |
L-apparat ta’ tlaħliħ awtomatiku mhuwiex meħtieġ fil-każ ta’ distillazzjoni li mhuwiex kontinwu. It-tagħmir ta’ distillazzjoni għandu jitnaddaf permezz ta’ proċeduri sistematiċi u bir-reqqa ta’ tindif. |
20. |
F’ċerti każijiet, fejn ma jintużaw l-ebda konvertituri katalitiċi tar-ramm jew separaturi oħra taċ-ċjanur, għandhom jiġu miżjuda l-aġenti tar-ramm mal-maxx tal-frott iffermentat qabel id-distillazzjoni. L-għan tal-aġenti tar-ramm hu li jgħaqqad l-aċidu idroċjaniku. L-aġenti tar-ramm jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati u għandhom jintużaw b’reqqa kbira skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. |
Il-proċess ta’ distillazzjoni
21. |
L-għadam li jkun baqa’ fil-maxx iffermentat ma għandux jiġi ppumpjat fl-apparat tad-distillazzjoni. |
22. |
Id-distillazzjoni għandha titwettaq b’tali mod li l-alkoħol jagħli bil-mod (eż. bl-użu tal-fwar minflok fjamma diretta bħala s-sors tat-tisħin). |
23. |
L-ewwel frazzjonijiet tad-distillat, li jissejjaħ il-kontenut “tal-bidu’,” għandu jiġi sseparat bir-reqqa. |
24. |
Il-frazzjoni tan-nofs, imsejħa “l-qalba”, għandha mbagħad tinġabar u tinħażen fid-dlam. Meta l-kontenut tal-alkoħol jilħaq il-50 % tal-vol. fir-riċevitur, għandha mbagħad tinġabar “il-bqija”, biex kwalunkwe ethyl carbamate li seta’ ġie ffurmat jiġi sseparat fil-frazzjoni tal-bqija. |
25. |
Il-bqija li tkun ġiet separata, li possibbilment ikun fiha l-ethyl carbamate, għandha tinġabar u jekk tintuża għad-distillazzjoni mill-ġdid, għandha tiġi ddistillata għal darb’oħra separatament. |
Verifiki fir-rigward tad-distillat, id-distillazzjoni mill-ġdid u l-ħażna
L-aċidu idroċjaniku
26. |
Id-distillati għandhom jiġu vverifikati regolarment għal-livelli tagħhom ta’ aċidu idroċjaniku. Id-determinazzjoni għandha titwettaq permezz ta’ testijiet xierqa, jew b’settijiet għall-ittestjar rapidu tal-livelli tal-aċidu idroċjaniku, jew, alternattivament, permezz ta’ laboratorju speċjalizzat. |
27. |
Jekk il-konċentrazzjoni tal-aċidu idroċjaniku fid-distillat taqbeż il-livell ta’ 1 mg/l, hija rrakkomandata d-distillazzjoni mill-ġdid b’konvertituri katalitiċi jew b’aġenti tar-ramm (ara l-punti 18 u 20), fejn xieraq. |
28. |
Id-distillati b’livelli ta’ aċidu idroċjaniku viċin ta’ 1 mg/l għandhom idealment jiġu distillati mill-ġdid jew, fejn dan mhux possibbli, jinħażnu fi fliexken li ma jgħaddix dawl minnhom jew f’kaxex tal-għata b’perjodi ta’ ħażna li jkunu qosra kemm jista’ jkun biex tiġi evitata l-formazzjoni tal-ethylcarbamate matul il-ħażna. |
Ethylcarbamate
29. |
L-ittestjar tal-ethyl carbamate huwa rrakkomandat għad-distillati li fihom il-kompost seta’ diġà ġie ffurmat (eż. distillati bi storja ta’ produzzjoni mhux magħrufa, livelli ogħla ta’ ċjanur, ħażna mdawwla). Il-livell ta’ ethyl carbamate jista’ jiġi ttestjat biss minn laboratorju speċjalista. |
30. |
Jekk id-distillat juri konċentrazzjoni ta’ ethyl carbamate li taqbeż il-livell immirat ta’ 1 mg/l, id-distillat għandu jiġi ddistillat mill-ġdid, fejn xieraq. |
(1) Christoph, N., Bauer-Christoph C., Maßnahmen zur Reduzierung des Ethylcarbamatgehaltes bei der Herstellung von Steinobstbränden (I), Kleinbrennerei 1998; 11: 9-13.
(2) Christoph, N., Bauer-Christoph C., Maßnahmen zur Reduzierung des Ethylcarbamatgehaltes bei der Herstellung von Steinobstbränden (II), Kleinbrennerei 1999; 1: 5-13.