Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0688

    Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Ottubru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2010/688/oj

    12.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 294/12


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Ottubru 2010

    li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2010/688/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    B’ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 l-Italja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta ċerti persuni taxxabbli mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Permezz ta’ dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (2)

    Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Italja. Permezz ta’ ittra ddatata t-12 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

    (3)

    L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar taħt it-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Il-miżura li ser tiġi estiża tidderoga mill-Artikolu 285 ta’ dik id-Direttiva fl-applikazzjoni tagħha għall-Italja biss sakemm il-limitu tal-fatturat annwali tal-iskema huwa ogħla mil-limitu ta’ EUR 5 000.

    (4)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta’ Settembru 2008 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura biex tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (2), l-Italja ġiet awtorizzata, bħala miżura li tidderoga, biex teżenta lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 30 000 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Peress li dan il-limitu iktar għoli rriżulta f’obbligi tal-VAT imnaqqsa għall-iżgħar negozji żgħar, filwaqt li dawn tal-aħħar għadhom jistgħu jagħżlu s-sistema normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja għandha tiġi awtorizzata li tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

    (5)

    Fil-proposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2004 għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li tissemplifika l-obbligi tat-taxxa tal-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet immirati li jippermettu lill-Istati Membri biex jiffissaw limitu annwali ta’ fatturat għall-iskema ta’ eżenzjoni tal-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li jiġi aġġornat l-ammont kull sena. It-talba għall-estensjoni ppreżentata mill-Italja hija kompatibbli mal-proposta.

    (6)

    Mill-informazzjoni provduta mill-Italja, il-miżura wasslet għat-tnaqqis stmat tal-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum ta’ inqas minn 0,2 %.

    (7)

    Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 30 000.

    L-Italja tista’ żżid l-ogħla limitu sabiex iżżomm il-valur tal-eżenzjoni f’termini reali.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT, jew sal-l-31 ta’ Diċembru 2013, jiddependi liema data tkun l-ewwel.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Luxembourg, il-15 ta’ Ottubru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. SCHOUPPE


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13.


    Top