Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0589

    2010/589/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2010 li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

    ĠU L 260, 2.10.2010, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2015

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/589/oj

    2.10.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 260/10


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta’ Settembru 2010

    li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

    (2010/589/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) (“il-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (4) (“l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp”), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE (5) li tikkonkludi konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer ta’ Fiġi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ġiet adottata biex timplimenta miżuri xierqa wara l-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u l-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

    (2)

    Dawk il-miżuri ġew estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/735/KE (6) u sussegwentament bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/208/KE (7) peress li mhux talli l-Fiġi għad trid timplimentata impenji importanti dwar elementi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp implimentat mir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi, iżda dan l-aħħar kien hemm ukoll żviluppi ta’ rigressjoni dwar għadd ta’ dawn l-impenji.

    (3)

    Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2007/641/KE jiskadi fl-1 ta’ Ottubru 2010. Huwa xieraq li l-validità tiegħu jiġi mtawwal u l-kontenut tal-miżuri xierqa għandhom ikunu teknikament aġġornati kif inhu xieraq,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE hija b’dan modifikata kif ġej:

    1.

    Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “Għandha tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2011. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur.”;

    2.

    L-Anness huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lir-Repubblika tal-Ġżejjer Fiġi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. PEETERS


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (2)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

    (3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    (4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (5)  ĠU L 260, 5.10.2007, p. 15.

    (6)  ĠU L 262, 6.10.2009, p. 43.

    (7)  ĠU L 89, 9.4.2010, p. 7.


    ANNESS

    ABBOZZ TA’ ITTRA

    H.E. Ratu Epeli NAILATIKAU

    President tar-Repubblika tal-Ġżejjer ta’ Fiġi

    Suva

    Ir-Repubblika tal-Ġżejjer ta’ Fiġi

    Eċċellenza,

    L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija UE-AKP hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jagħtu forma lill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u lill-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

    Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill tal-UE kkundannat il-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-Fiġi.

    Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 jikkostitwixxi ksur tal-elementi essenzjali elenkati fl-Artikolu 9 tiegħu, l-UE stiednet lir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi (Fiġi) għal konsultazzjonjiet, kif previst fil-Ftehim Sħubija AKP-UE, sabiex is-sitwazzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tagħha.

    Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE ħadet gost li f’dak iż-żmien il-Gvern Interim ikkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali, rispett għal prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt, kif imsemmi hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

    Sfortunatament, minn dak iż-żmien ‘il hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b’mod partikolari f’April 2009, u dan ifisser li issa Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi impenji li daħlet għalihom. Dan jikkonċerna notevolement l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna biex isiru elezzjonijiet parlamentari, u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ddewmet b’mod sostanzjali, il-maġġoranza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti ta’ Fiġi, u huma għalhekk mehmuża ma’ din l-ittra. Peress li Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ta’ importanza ewlenija, dan wassal għal telf, għal Fiġi, f’termini ta’ fondi għall-iżvilupp.

    Madanakollu, fl-ispirtu ta’ partenarjat li jifforma l-bażi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-UE tesprimi d-disponibbiltà tagħha li tieħu sehem f’konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġjonevoli għal konklużjoni pożittiva għal tali konsultazzjonijiet. Fl-1 ta’ Lulju 2009 il-Prim Ministru Interim ippreżenta pjan ta’ direzzjoni biex issir riforma u biex terġa’ tiġi stabbilita l-ordni demokratika. L-UE hija lesta li tipparteċipa fi djalogu dwar dan il-pjan ta’ direzzjoni, u li tikkunsidra jekk dan jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. B’konformità ma’ dan, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti fir-rigward ta’ Fiġi sabiex toħloq tieqa ta’ opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li, illum il-ġurnata, xi wħud mill-miżuri xierqa skadew, ġie konkluż li minflok ma dawn għandhom jiġu aġġornati unilateralment, l-UE tippreferi li tesplora aktar il-possibilitajiet għal konsultazzjonijiet ġodda ma’ Fiġi. Konsegwentement, huwa ta’ importanza partikolari li l-Gvern Interim jimpenja ruħu favur djalogu politiku domestiku inklussiv u favur flessibbiltà fir-rigward taż-żmien li fih jitwettaq il-pjan ta’ direzzjoni. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija u se tibqa’ dejjem iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE rrevedut kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, b’mod notevoli fir-rigward tar-rwol ċentrali ta’ djalogu u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li l-UE ma waslet għal ebda konklużjoni ppremeditata fir-rigward tar-riżultati ta’ konsultazzjonijiet futuri.

    Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f’impenji sostanzjali min-naħa ta’ Fiġi, l-UE hija impenjata li twettaq reviżjoni bikrija pożittiva ta’ dawn il-miżuri xierqa. Għall-kuntrarju ta’ dan, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, il-Fiġi se tkompli tbati telf ulterjuri fir-rigward ta’ fondi għall-iżvilupp. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-progress li sar għar-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar Miżuri ta’ Akkompanjament fir-rigward tal-Pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor u l-Għaxar Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fond għall-Iżvilupp Ewropew (EDF) fir-rigward tal-Fiġi.

    Qabel ma jkunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lil Fiġi tkompli tintensifika d-djologu politiku msaħħaħ.

    Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

    tista’ tkompli għaddejja għajnuna umanitarja u sostenn dirett għas-soċjetà ċivili,

    l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li se jsiru b’mod partikolari taħt it-tmien u d-disa’ EDFs, jistgħu jibqgħu għaddejjin,

    attivitajiet ta’ kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex id-demokrazija tkun ristawrata mill-ġdid u biex itejbu t-tmexxija, jistgħu jiġu segwiti, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali.

    l-implimentazzjoni tal-miżuri li jakkumpanjaw għall-2006, fir-rigward tar-riforma taz-zokkor, tista’ tipproċedi. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat fuq livell tekniku minn Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hu nnotat li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi klawżola ta’ sospensjoni;

    it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multiannwali għar-riforma taz-zokkor li jakkompanjaw il-miżuri għall-2011-2013 jistgħu jipproċedu;

    it-tlestija, l-iffirmar fuq livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Pajjiż u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-għaxar EDF b’pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta’ pakkett ta’ inċentivi li jasal sa 25 % ta’ din is-somma, se jkunu soġġetti għall-ħarsien tal-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, partikolarment: li l-Gvern Interim jiddefendi l-Kostituzzjoni, li l-indipendenza tal-ġudikatura hija rispettata bis-sħiħ, li r-Regolamenti Pubbliċi dwar l-Emerġenzi, li ġew introdotti mill-ġdid fis-6 ta’ Settembru 2007, jitneħħew mill-iżjed fis possibbli, li l-allegazzjonijiet kollha marbutin ma’ ksur tad-drittijiet umani jiġu investigati jew ittrattati b’konformità mad-diversi proċeduri u forums skont il-liġijiet tal-Fiġi, u li l-Gvern Interim se jagħmel li jista’ biex jostakola dikjarazzjonijiet min-naħa tal-aġenziji tas-sigurtà maħsuba biex jintimidaw,

    l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 kienet żero,

    id-disponibbiltà tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija, kredibbli u f’waqtha, ta’ elezzjonijiet b’konformità mal-impenji miftiehma, notevolment fir-rigward ta’ ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali b’konformità mal-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Elezzjonijiet, li jinkludu l-ħatra ta’ Superviżur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 b’konformità mal-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009;

    l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet ikkanċellata f’Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Interim ddeċieda li jdewwem l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014;

    l-allokazzjoni għall-2010 ġiet ikkanċellata qabel l-1 ta’ Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; Madanakollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, il-Kummissjoni żammet parti mill-allokazzjoni għall-għajnuna diretta, amministrata ċentralment mid-Delegazzjoni tal-UE f’Suva u ma tgħaddix mill-gvern, lill-popolazzjoni dipendenti direttament fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex tnaqqas il-konsegwenzi soċjali ħżiena. L-għoti ta’ tali sostenn ikun irid jiġi kkonfermat mill-aworitajiet leġiżlattivi u baġitarji tal-UE.

    appoġġ addizzjonali għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ impenji ewlenin, b’mod partikolari b’appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta’ elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu bħala lil hinn minn dak deskritt f’din l-ittra;

    il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni ta’ Fiġi fiha, mhux se jiġu affettwati,

    il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment u maċ-Ċentru għall-Izvilupp tal-Impriżi tista’ tkompli għaddejja iżda din hija soġġetta għat-twettiq f’waqtu tal-impenji li saru.

    Is-sorveljanza tal-impenji ser issir b’konformità mal-impenji elenkati fl-Anness għal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, il-kooperazzoni ma’ missjonijiet u r-rappurtaġġ.

    Barra minn hekk, l-UE tistenna li Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Ġżejjer Paċifiċi fir-rigward tal-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Forum tal-Ministri Barranin fil-laqgħa tagħhom fil-Vanwatu fis-16 ta’ Marzu 2007.

    L-UE se tibqa’ ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Fiġi. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq ma’ Fiġi biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet umani, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għal-liġi sakemm iż-żewġ partiti jikkonkludi li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

    Jekk ikun hemm tnaqqis, waqfien jew qlib fl-implimentazzjoni min-naħa tal-Gvern Interim tal-impenji li daħal għalihom, l-UE għandha d-dritt taġġusta l-miżuri xierqa.

    L-UE tenfasizza li l-privileġġi li ngħataw lil Fiġi tul il-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddipendu fuq ir-rispett għall-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-valuri msemmija fl-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex l-UE tikkonvinċi ruħha li l-Gvern Proviżorju huwa lest bis-sħiħ ikompli jsegwi fuq l-impenji li daħal għalihom, huwa essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali biex jitwettqu dawn l-impenji miftiehma.

    Dejjem tiegħek,

    Magħmul fi Brussell,

    F’isem il-Kummissjoni

    F’isem il-Kunsill

    ANNESS GĦALL-ANNESS

    IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GZEJJER FIĠI

    A.   Rispett għall-prinċipji demokratiċi

    Impenn Nru 1

    Li jsiru elezzjonijiet parlamentari ġusti u liberi fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, soġġett għas-sejbiet ta’ evalwazzjoni mwettqa minn awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċess li jwassal għall-elezzjonijiet se jkun sorveljat b’mod konġunt, adattat u rivedut kif meħtieġ fuq il-bażi ta’ punti ta’ referenza miftiehma b’mod reċiproku. Dan jimplika, b’mod partikulari, li:

    sat-30 ta’ Ġunju 2007 l-Gvern Interim se jadotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta’ diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

    l-iskeda tispeċifika ż-żmien taċ-ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

    it-tfassil tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali se jitwettaq b’konformità mal-Kostituzzjoni,

    se jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludu l-ħatra ta’ Superviżur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 b’konformità mal-Kostituzzjoni,

    il-ħatra tal-Viċi-President ser issir b’konformità mal-Kostituzzjoni.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim, filwaqt li jkun qiegħed jadotta inizjattivi u tibdiliet maġġuri leġiżlattivi, fiskali kif ukoll inizjattivi u tibdiliet politiċi oħra, għandu jikkunsidra l-konsulatazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati rilevanti.

    B.   L-Istat tad-Dritt

    Impenn Nru 1

    Li l-Gvern Interim se jagħmel l-aħjar li jista’ biex jostakola dikjarazzjonijiet min-naħa tal-aġenziji tas-siġurtà maħsuba biex jintimidaw.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim jiddefendi l-Kostituzzjoni tal-1997 u jiggarantixxi l-funzjonament normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali, bħal Kummissjoni ta’ Fiġi għad-Drittijiet Umani, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-funzjonament tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet se jkunu preżervati.

    Impenn Nru 3

    Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li din titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha in kwistjoni, partikolarment:

    li l-Gvern Interim jimpenja ruħhu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta’ Lulju 2007,

    li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ imħallef għandha għalhekk issir b’konformità stretta mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u r-regoli dwar proċedimenti,

    li ma jkun hemm l-ebda interferenza, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju fil-proċess ġudizzjarju, li jinkludi rispett sħiħ għall-professjoni legali.

    Impenn Nru 4

    Li l-proċedimenti kriminali kollha marbutin mal-korruzzjoni huma ttrattati permezz ta’ kanali ġuridiċi xierqa u li kwalunkwe korp ieħor li jista’ jiġi stabbilit biex jinvestiga każijiet fejn allegatament kien hemm korruzzjoni se jopera fi ħdan il-limiti kostituzzjonali.

    C.   Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali

    Impenn Nru 1

    Il-Gvern Interim se jieħu l-passi meħtieġa kollha biex jiffaċilita l-investigazzjoni jew it-trattament tal-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet umani b’konformità mad-diversi proċedimenti u forums skont il-liġi tal-Gżejjer Fiġi.

    Impenn Nru 2

    Il-Gvern Interim se jneħħi r-Regolamenti Pubbliċi dwar l-Emerġenzi f’Mejju tal-2007, soġġett għal kwalunkwe theddid għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u s-sikurezza.

    Impenn Nru 3

    Il-Gvern Interim hu impenjat li jara li l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

    Impenn Nru 4

    Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, f’kull forma, hija rispettata bis-sħiħ kif ipprovdut fil-Kostituzzjoni.

    D.   Is-segwitu tal-Impenji

    Impenn Nru 1

    Li l-Gvern Interim jimpenja ruħhu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista’ ssir verifika tal-progress li sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-KE aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwestjonijiet kollha relatati mad-drittijiet umani, ir-restawr mill-ġdid paċifiku tad-demokrazija u tal-liġi fil-Fiġi.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE u mill-KE biex jiġi evalwat il-progress.

    Impenn Nru 3

    Li mit-30 ta’ Ġunju 2007, il-Gvern Interim jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u dwar l-impenji.

    Huwa nnotat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jkunu indirizzati b’mod effettiv permezz ta’ approċċ pragmatiku li jgħaraf ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur.


    Top