Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0558

    Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Faroe dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, li jassoċja lill-Gżejjer Faroe mas-Seba’ Programm Kwadru tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni (2007-2013)

    ĠU L 245, 17.9.2010, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/558/oj

    Related international agreement

    17.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 245/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Marzu 2010

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Faroe dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, li jassoċja lill-Gżejjer Faroe mas-Seba’ Programm Kwadru tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni (2007-2013)

    (2010/558/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186 flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem il-Komunità, Ftehim mal-Gvern tal-Gżejjer Faroe dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li jipprovdi għall-applikazzjoni proviżorja sa mill-1 ta’ Jannar 2010. L-applikazzjoni proviżorja tippermetti lill-entitajiet mill-Gżejjer Faroe jipparteċipaw fis-sejħiet għal proposti taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Unjoni, ippjanati li jitnedew f’Jannar 2010.

    (2)

    L-eżitu tan-negozjati kien il-Ftehim inizjalat fit-13 ta’ Lulju 2009.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Faroe dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, li jassoċja lill-Gżejjer Faroe mas-Seba’ Programm Kwadru tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni (2007-2013) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 3

    Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2010, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BLANCO


    Top

    17.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 245/2


    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Faroes dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

    L-UNJONI EWROPEA,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    minn naħa waħda,

    u

    L-GVERN TAL-FAROES,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Gżejjer Faroe”,

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika attwali bejn il-Gżejjer Faroe u l-Unjoni u l-interess reċiproku tagħhom li jsaħħuha fil-kuntest tal-istabbiliment taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka.

    BILLI, r-riċerkaturi mill-Gżejjer Faroe diġà kienu pparteċipaw b’suċċess fi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni.

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-interess taż-żewġ Partijiet li jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku tal-entitajiet ta’ riċerka tagħhom għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-Gżejjer Faroe, minn naħa waħda, u għall-programmi kwadru tal-Unjoni għar-riċerka u l-żvilupp teknoloġiku, min-naħa l-oħra.

    BILLI, l-Gżejjer Faroe u l-Unjoni għandhom interess li jikkooperaw f’dawn il-programmi għall-benefiċċju reċiproku tagħhom.

    BILLI, permezz tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006 KE (1) tat-18 ta’ Diċembru 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Programm Kwadru”).

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Gvern tal-Gżejjer Faroe jikkonkludi dan il-Ftehim f’isem ir-Renju tad-Danimarka skont l-Att dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehimiet skont il-Liġi Internazzjonali mill-Gvern tal-Gżejjer Faroe.

    BILLI, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “TFUE”), dan il-Ftehim u kull attività konkluża taħtu ma jaffettwaw bl-ebda mod is-setgħat mogħtija lill-Istati Membri biex jidħlu għal attivitajiet bilaterali mal-Gżejjer Faroe fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-iżvilupp, u jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet għal dak il-għan,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Il-Gżejjer Faroe għandhom jiġu assoċjati, taħt it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti bi, jew imsemmija fi, dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu, fil-Programm Kwadru, kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (2), u bid-Deċiżjoniet tal-Kunsill Nru 2006/971/KE (3), 2006/972/KE (4), 2006/973/KE (5), 2006/974/KE (6) u 2006/975/KE (7) dwar programmi speċifiċi varji taħt il-Programm Kwadru.

    2.   L-atti kollha li joħorġu mill-atti msemmija fil-paragrafu 1, fosthom l-atti li jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru permezz tal-attivitajiet ta’ riċerka skont l-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE, għandhom japplikaw għall-Gżejjer Faroe.

    3.   Barra mill-assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kooperazzjoni tista’ tinkludi:

    (a)

    diskussjonijiet regolari dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet għall-politika tar-riċerka u l-ippjanar fil-Gżejjer Faroe u fl-Unjoni,

    (b)

    diskussjonijiet dwar prospetti ta’ kooperazzjoni u żvilupp,

    (ċ)

    provvediment f’waqtu ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka tal-Gżejjer Faroe u tal-Unjoni, u dwar ir-riżultati ta’ xogħol magħmul fil-qafas ta’ dan il-Ftehim,

    (d)

    laqgħat konġunti,

    (e)

    żjarat u skambji ta’ riċerkaturi, inġiniera u tekniċi,

    (f)

    kuntatti regolari u sostnuti bejn maniġers ta’ programmi jew maniġers ta’ proġetti tal-Gżejjer Faroe u tal-Unjoni,

    (g)

    parteċipazzjoni ta’ esperti f’seminars, simpożji u sessjonijiet ta’ ħidma.

    Artikolu 2

    Termini u kondizzjonijiet marbuta mal-assoċjazzjoni tal-Gżejjer Faroe fil-Programm Kwadru

    1.   Entitajiet legali mill-Gżejjer Faroe għandhom jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti u f’attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Programm Kwadru tal-KE bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-entitajiet legali tal-Istati Membri tal-Unjoni, soġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti, jew imsemmija, fl-Annessi I u II. Għall-entitajiet ta’ riċerka tal-Gżejjer Faroe, it-termini u l-kondizzjonijiet li japplikaw għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni tal-proposti u dawk għall-għotjiet u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotjiet u/jew kuntratti taħt programmi tal-Unjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikabbli għall-ftehimiet ta’ għotjiet u/jew kuntratti konklużi taħt l-istess programmi ma’ entitajiet ta’ riċerka fl-Unjoni, b’kunsiderazzjoni tal-interessi reċiproċi tal-Unjoni u tal-Gżejjer Faroe.

    Entitajiet legali tal-Unjoni għandhom jipparteċipaw fi programmi ta’ riċerka u proġetti tal-Gżejjer Faroe f’temi ekwivalenti għal dawk tal-Programm Kwadru taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal entitajiet legali mill-Faroes, soġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti bi, jew imsemmija fi, l-Annessi I u II. Entità legali stabbilita f’pajjiż ieħor assoċjat fil-Programm Kwadru għandu jgawdi l-istess drittijiet u obbligi taħt dan il-Ftehim bħall-entitajiet legali li huma stabbiliti fi Stat Membru, bil-kondizzjoni li dan il-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità legali jkun qabel li jagħti l-istess drittijiet u obbligi lill-entitajiet legali mill-Gżejjer Faroe.

    2.   Mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Gżejjer Faroe għandhom iħallsu, għal kull sena ta’ kemm ser idum il-Programm Kwadru, kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit annwali tal-Unjoni. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faroe għandha tiżdied mal-ammont assenjat kull sena fil-baġit annwali tal-Unjoni għal approprjazzjonijiet ta’ impenn biex jintlaħqu l-obbligi finanzjarji li jinħolqu mill-għamliet differenti ta’ miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni, il-ġestjoni u l-operat tal-Programm Kwadru. Ir-regoli għall-kalkolu u l-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faroe huma stipulati fl-Anness III.

    3.   Rappreżentanti tal-Gżejjer Faroe għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitati tal-Programm Kwadru stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8). Waqt il-votazzjoni, dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tal-Gżejjer Faroe. Il-Gżejjer Faroe għandhom jiġu informati bir-riżultat. Il-parteċipazzjoni kif imsemmija f’dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess għamla, inkluż il-proċeduri għar-riċeviment tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti mill-Istati Membri.

    4.   Ir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faroe għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka. Il-parteċipazzjoni kif imsemmija f’dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess għamla, inklużi l-proċeduri għar-riċeviment tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti mill-Istati Membri.

    5.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-spejjeż ta’ sussistenza mġarrba mir-rappreżentanti tal-Gżejjer Faroe li jipparteċipaw f’laqgħat tal-kumitati u tal-entitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu, jew f’laqgħat marbuta mal-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru organizzati mill-Unjoni, għandhom ikunu rimborżati mill-Unjoni fuq l-istess bażi u skont il-proċeduri attwalment fis-seħħ għal rappreżentanti mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Titjib fil-kooperazzjoni

    1.   Il-Partijiet ser jagħmlu kull sforz, fil-limiti tal-qafas tal-leġislazzjoni applikabbli tagħhom, biex jiffaċilitaw il-moviment liberu u r-residenza tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti b’dan il-Ftehim u biex jiffaċilitaw il-moviment transkonfinali tal-merkanzija maħsuba għall-użu f’dawn l-attivitajiet.

    2.   Il-Partijiet ser jiżguraw li l-ebda ħlas fiskali jew taxxa ma tkun imposta fuq it-trasferiment ta’ fondi bejn l-Unjoni u l-Gżejjer Faroe, meta dawn il-fondi jkunu meħtieġa għall-operat tal-attivitajiet koperti b’dan il-Ftehim.

    Artikolu 4

    Kumitat tar-Riċerka UE-Gżejjer Faroe

    1.   Għandu jiġi stabbilit kumitat konġunt imsejjaħ il-“Kumitat tar-Riċerka UE-Gżejjer Faroe”, li l-funzjonijiet tiegħu għandhom jinkludu:

    (a)

    li jiżgura, jevalwa u jivverifika l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim,

    (b)

    li jeżamina kwalunkwe miżura mmirata li ttejjeb u tiżviluppa l-kooperazzjoni,

    (ċ)

    diskussjoni regolari tal-orjentazzjonijiet futuri u prijoritajiet tal-politika tar-riċerka u l-ippjanar tar-riċerka fil-Gżejjer Faroe u fl-Unjoni u l-prospetti ta’ kooperazzjoni futura,

    (d)

    li jagħmel, soġġett għall-proċessi domestiċi ta’ approvazzjoni ta’ kull Parti, emendi tekniċi għal dan il-Ftehim kif jista’ ikun meħtieġ.

    2.   Fuq talba tal-Gżejjer Faroe, il-Kumitat tar-Riċerka UE-Ġżejjer Faroe jista’ jidentifika reġjuni tal-Gżejjer Faroe li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (9) u li għalhekk jistgħu jkunu reġjuni eliġibbli biex jibbenefikaw minn azzjonijiet ta’ riċerka skont il-Programm ta’ Ħidma “Potenzjal fir-Riċerka” taħt il-programm speċifiku “Kapaċitajiet”.

    3.   Il-Kumitat tar-Riċerka UE-Gżejjer Faroe, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Gżejjer Faroe, għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

    4.   Il-Kumitat tar-Riċerka UE-Gżejjer Faroe għandu jiltaqa’ mill-inqas darba kull sentejn. Laqgħat straordinarji għandhom isiru wara t-talba ta’ waħda jew oħra mill-Partijiet.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet finali

    1.   L-Annessi I, II, III u IV għandhom jagħmlu parti integrali minn dan il-Ftehim.

    2.   Dan il-Ftehim huwa b’dan konkluż għat-tul ta’ żmien li baqa’ tal-Programm Kwadru. Għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li lestew il-proċeduri tagħhom għal dak il-għan. Għandu jkun applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Id-dħul fis-seħħ tal-emendi ser isegwi l-istess proċedura bħal dik applikabbli għall-Ftehim innifsu permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Kull waħda mill-Partijiet tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara avviż bil-miktub ta’ sitt xhur permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-waqt tat-terminazzjoni u/jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim għandhom jibqgħu għaddejjin sakemm ikunu ntemmu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom isolvu b’kunsens komuni xi kwistjonijiet oħrajn dwar it-terminazzjoni.

    3.   Jekk Parti tinnotifika lill-oħra li mhix ser tikkonkludi dan il-Ftehim, b’dan qiegħed jiġi maqbul b’mod reċiproku li:

    l-Unjoni għandha tirrimborża lill-Gżejjer Faroe l-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 2(2),

    madankollu, fondi impenjati mill-Unjoni b’rabta mal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali tal-Gżejjer Faroe f’azzjonijiet indiretti, inklużi r-rimborżi msemmija fl-Artikolu 2(5), għandhom jitnaqqsu mill-Unjoni minn dak ir-rimborż,

    proġetti u attivitajiet imnedija taħt din l-applikazzjoni proviżorja u li jkunu għadhom għaddejjin fiż-żmien tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jissoktaw sat-tmiem tagħhom taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim.

    4.   Jekk l-Unjoni tiddeċiedi li tirrevedi l-Programm Kwadru, għandha tinnotifika lill-Gżejjer Faroe bil-kontenut preċiż ta’ dawn ir-reviżjonijiet fi żmien ġimgħa mill-adozzjoni tagħhom mill-Unjoni. Fil-każ ta’ tali reviżjoni jew estensjoni tal-programmi ta’ riċerka, il-Gżejjer Faroe jistgħu jtemmu dan il-Ftehim billi jagħtu avviż ta’ sitt xhur. Il-Partijiet għandhom jagħtu avviż ta’ kwalunkwe intenzjoni li jtemmu jew li jestendu dan il-Ftehim fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Unjoni.

    5.   Meta l-Unjoni tadotta programm kwadru multiannwali ġdid għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, ftehim ġdid jista’ jiġi nnegozjat mill-ġdid jew jiġġedded skont kondizzjonijiet maqbula b’mod reċiproku, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

    6.   Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplika t-TFUE u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, fit-territorju tal-Gżejjer Faroe.

    7.   Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż, u bil-lingwa tal-Gżejjer Faroe, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

    Съставено в Брюксел на трети юни две хиляди и десета година.

    Hecho en Bruselas, el tres de junio de dos mil diez.

    V Bruselu dne třetího června dva tisíce deset.

    Udfærdiget i Bruxelles den tredje juni to tusind og ti.

    Geschehen zu Brüssel am dritten Juni zweitausendzehn.

    Kahe tuhande kümnenda aasta juunikuu kolmandal päeval Brüsselis.

    'Εγινε στις Βρυξέλλες, στις τρεις Ιουνίου δύο χιλιάδες δέκα.

    Done at Brussels on the third day of June in the year two thousand and ten.

    Fait à Bruxelles, le trois juin deux mille dix.

    Fatto a Bruxelles, addì tre giugno duemiladieci.

    Briselē, divi tūkstoši desmitā gada trešajā jūnijā

    Priimta du tūkstančiai dešimtų metų birželio trečią dieną Briuselyje.

    Kelt Brüsszelben, a kétezer-tizedik év június harmadik napján.

    Magħmul fi Brussell, it-tielet jum ta' Ġunju tas-sena elfejn u għaxra.

    Gedaan te Brussel, de derde juni tweeduizend tien.

    Sporządzono w Brukseli dnia trzeciego czerwca dwa tysiące dziesiątego roku.

    Feito em Bruxelas, em três de Junho de dois mil e dez.

    Întocmit la Bruxelles, la trei iunie două mii zece.

    V Bruseli tretieho júna dvetisícdesať.

    V Bruslju, dne tretjega junija leta dva tisoč deset.

    Tehty Brysselissä kolmantena päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakymmenen.

    Som skedde i Bryssel den tredje juni tjugohundratio.

    Gjørdur í Brússel triðja juni tvey túsund og tíggju.

    За Европейския съюз

    Por la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savieníbas vārdā

    Europos Sajungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Ghall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    Fyri Evropeiska Somveldið

    Image

    Image

    За правителството на Фарьорските острови

    Por el Gobierno de las Islas Feroe

    Za vládu Faerských ostrovů

    For Færøernes landsstyre

    Für die Regierung der Färöer

    Fääri saarte valitsuse nimel

    Για την Κυβέρνηση των Νήσων Φερόες

    For the Government of the Faroes

    Pour le gouvernement des îles Féroé

    Per il governo delle isole Færøer

    Fēru salu valdības vārdā

    Farerų Vyriausybės vardu

    A Feröer szigetek kormánya részéről

    Għall-Gvern tal-Gżejjer Faeroe.

    Voor de regering van de Faeröer

    W imieniu rządu Wysp Owczych

    Pelo Governo das IIhas Faroé

    Pentru Guvernul Insulelor Feroe

    Za vládu Faerských ostrovov

    Za Vlado Ferskih otokov

    Färsaarten hallituksen puolesta

    För Färöarnas landsstyre

    Fyri Føroya landsslýri

    Image


    (1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86.

    (4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 243.

    (5)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 272.

    (6)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 299.

    (7)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 368.

    (8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (9)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.


    ANNESS I

    TERMINI U KONDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ ENTITAJIET LEGALI TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI U TAL-GŻEJJER FAROE

    Għall-għan ta’ dan il-Ftehim, “entità legali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, jew kwalunkwe persuna ġuridika maħluqa taħt il-liġi nazzjonali tal-post tal-istabbiliment tagħha jew taħt il-liġi tal-Unjoni, li għandha personalità ġuridika u li hija intitolata għal drittijiet u obbligi ta’ kwalunkwe tip f’isimha.

    I.   Termini u kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali mill-Gżejjer Faroe f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Kwadru

    1.

    Il-parteċipazzjoni u l-finanzjament ta’ entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faroe f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Kwadru għandhom ikunu skont il-kondizzjonijiet stabbiliti għall-pajjiżi assoċjati fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006. Fil-każ li l-Unjoni tagħmel dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE, il-Gżejjer Faroe għandhom jitħallew jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa taħt dawn id-dispożizzjonijiet, soġġett għar-regoli tal-istabbiliment ta’ dawn l-istrutturi legali.

    L-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faroe għandhom ikunu eleġibbli għall-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti bbażati fuq l-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri.

    L-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faroe għandhom ikunu eliġibbli, skont l-istess kondizzjonijiet bħall-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri, għal self li l-Bank Ewropew tal-Investiment jagħti b’għajnuna għall-għanijiet ta’ riċerka stipulati taħt il-Programm Kwadru (il-Faċilità Finanzjarja b’Kondiviżjoni tar-Riskju).

    2.

    L-entitajiet legali mill-Gżejjer Faroe għandhom jitqiesu, flimkien ma’ dawk tal-Unjoni, għall-għażla ta’ għadd xieraq ta’ esperti indipendenti għall-kompiti u skont il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 17 u 27 tar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 u għall-parteċipazzjoni fi gruppi varji u Kumitati konsultattivi tal-Programm Kwadru b’kunsiderazzjoni għall-ħiliet u l-għarfien adegwat għall-kompiti li jingħatawlhom.

    3.

    B’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Regolament Finanzjarju”), ftehim ta’ għotja u/jew kuntratt konklużi mill-Unjoni ma’ kwalunkwe entità legali tal-Gżejjer Faroe sabiex twettaq azzjoni indiretta għandu jaħseb għall-kontrolli u l-verifiki li għandhom jsiru minn, jew taħt l-awtorità ta’, il-Kummissjoni jew tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea. Fi spirtu ta’ kooperazzjoni u interess reċiproku, l-awtoritajiet rilevanti tal-Gżejjer Faroe għandhom jipprovdu kull assistenza raġonevoli u possibbli kif jista’ jkun meħtieġ jew siewi skont iċ-ċirkostanzi biex jitwettqu dawn il-kontrolli u l-verifiki.

    II.   Termini u kondizzjonijiet għall-partċipazzjoni ta’ entitajiet legali tal-Istati Membri fi programmi u proġetti ta’ riċerka tal-Gżejjer Faroe

    1.

    Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni, maħluqa taħt il-liġi nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni jew taħt il-liġi tal-Unjoni, fi proġetti ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp tal-Gżejjer Faroe tista’ tirrikjedi l-parteċipazzjoni konġunta ta’ mill-inqas entità legali waħda tal-Gżejjer Faroe. Proposti għal din il-parteċipazzjoni għandhom jiġu sottomessi b’mod konġunt, fejn meħtieġa, mal-entità/ajiet legali tal-Gżejjer Faroe.

    2.

    Soġġett għall-paragrafu 1 u għall-Anness II, id-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka tal-Gżejjer Faroe fi ħdan programmi ta’ riċerka u żvilupp, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta’ proposti u għall-għoti u konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ għotja u/jew kuntratti f’proġetti bħal dwan għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-Gvern tal-Gżejjer Faroe li jirregolaw l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll għal-limiti imposti mis-sigurtà nazzjonali fejn applikabbli, kif applikabbli għall-entitajiet legali tal-Gżejjer Faroe u li jiżguraw trattament ekwu, b’konsiderazzjoni għan-natura tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam bejn il-Gżejjer Faroe u l-Unjoni.

    Il-finanzjament ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka tal-Gżejjer Faroe fi ħdan programmi ta’ riċerka u żvilupp għandu jkun soġġett għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-Gvern tal-Gżejjer Faroe li jirregolaw l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll għal-limiti imposti mis-sigurtà nazzjonali fejn applikabbli, kif applikabbli għall-entitajiet legali li mhumiex mill-Gżejjer Faroe li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka fi ħdan programmi ta’ riċerka u żvilupp tal-Gżejjer Faroe. Fil-każ fejn il-finanzjament ma jkunx ipprovdut lill-entitajiet legali li mhumiex mill-Gżejjer Faroe, l-entitajiet legali tal-Unjoni għandhom ikopru l-ispejjeż tagħhom stess, inklużi s-sehem relattiv tagħhom fl-ispejjeż ġenerali ta’ ġestjoni u dawk amministrattivi tal-proġett.

    3.

    Il-proposti għal riċerka fl-oqsma kollha għandhom jiġu sottomessi lill-Kunsill tar-Riċerka tal-Gżejjer Faroe (Granskingarráðið).

    4.

    Il-Gżejjer Faroe għandhom jgħarrfu regolarment lill-Unjoni bil-programmi attwali tal-Gżejjer Faroe u bl-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni għall-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni.


    (1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


    ANNESS II

    PRINĊIPJI DWAR L-ALLOKAZZJONI TA’ DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

    I.   Applikazzjoni

    Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim: “proprjetà intellettwali” għandha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, “għarfien” għandha tfisser ir-riżultati, inkluża informazzjoni, kemm jekk tista’ tkun prottetta kemm jekk le, kif ukoll drittijiet tal-awtur jew drittijiet li jappartjenu lil dik l-informazzjoni wara applikazzjonijiet għal, jew il-ħruġ ta’, privattivi, disinji, varjetajiet ta’ pjanti, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari jew għamliet simili ta’ protezzjoni.

    II   Drittijiet ta’ proprjeta intellettwali tal-entitajiet legali tal-Partijiet

    1.

    Kull Parti għandha tiżgura li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-entitajiet legali tal-Parti l-oħra li jipparteċipaw f’attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, u d-drittijiet u l-obbligi li jitnisslu minn parteċipazzjoni bħal din, għandhom ikunu konsistenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li huma applikabbli għall-Partijiet, inkluż il-Ftehim TRIPS (Ftehim dwar aspetti marbutin mal-kummerċ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali amministrati mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Berna (l-Att ta’ Pariġi 1971) u l-Konvenzjoni ta’ Pariġi (l-Att ta’ Stokkolma 1967).

    2.

    L-entitajiet legali tal-Gżejjer Faroe li jipparteċipaw f’azzjoni indiretta tal-Programm Kwadru għandu jkollhom drittijiet u obbligi tal-proprjetà intellettwali skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 u fil-ftehimiet ta’ għotja u/jew kuntratti konklużi mal-Unjoni skont il-każ, u dawk għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1. Meta entitajiet legali mill-Faroes jipparteċipaw f’azzjoni indiretta tal-Programm Kwadru implimentata skont l-Artikolu 185 tat-TFUE, għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fuq il-proprjetà intellettwali bħal dawk tal-Istati Membri parteċipanti stabbiliti fid-deċiżjoni rilevanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-ftehim ta’ għotja u/jew kuntratt konkluż mal-Unjoni Ewropea skont il-każ, u li għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1.

    3.

    L-entitajiet legali tal-Unjoni li jipparteċipaw fil-programm jew proġetti ta’ riċerka tal-Gżejjer Faroe għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fuq il-proprjetà intellettwali bħal dawk tal-entitajiet legali stabbiliti fil-Gżejjer Faroe li jipparteċipaw f’tali programmi jew proġetti ta’ riċerka, u li għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1.

    III.   Drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-Partijiet

    1.

    Ħlief jekk ikun maqbul speċifikament mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-għarfien iġġenerat mill-Partijiet matul l-attivitajiet imwettqa skont l-Artikolu 1(3) ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    il-Parti li tiġġenera tali għarfien għandha tkun is-sid ta’ dak l-għarfien. Fejn is-sehem rispettiv tagħhom fix-xogħol ma jistax ikun verifikat, huma għandu jkollhom id-dritt tal-pussess konġunt ta’ dan l-għarfien;

    (b)

    il-Parti li tkun il-proprjetarja ta’ dak l-għarfien għandha tagħti drittijiet ta’ aċċess għalih lill-Parti l-oħra biex twettaq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ dan il-Ftehim. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr ħlas tad-drittijiet.

    2.

    Ħlief jekk ikun maqbul mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għax-xogħlijiet ta’ kitbiet xjentifiċi tal-Partijiet:

    (a)

    fil-każ fejn Parti tippubblika data, informazzjoni u riżultati xjentifiċi u tekniċi, permezz ta’ ġurnali, artikli, rapporti, kotba, inklużi video u software, li joħorġu minn u li huma konnessi ma’ attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli, libera mill-ħlas tad-drittijiet għandha tingħata lill-Parti l-oħra biex tittraduċi, tirriproduċi, tadatta, tittrasmetti u tqassam pubblikament dawn ix-xogħlijiet;

    (b)

    il-kopji kollha tad-data u l-informazzjoni, protetti bid-drittijiet tal-awtur, li għandhom jitqassmu pubblikament u jitħejjew taħt din it-taqsima, għandhom juru l-ismijiet tal-awtur(i) tax-xogħol ħlief jekk awtur jirrifjuta b’mod espliċitu li jissemma. Dawn għandu jkollhom ukoll rikonoxximent ċar u viżibbli tas-sostenn kooperattiv tal-Partijiet.

    3.

    Ħlief jekk ikun maqbul speċifikament mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-informazzjoni mhux żvelata tal-Partijiet:

    (a)

    meta tikkomunika mal-Parti l-oħra informazzjoni konnessa ma’ attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tidentifika dik l-informazzjoni li tixtieq li tibqa’ mhux żvelata;

    (b)

    il-Parti li tirċievi tista’ taħt ir-reponsabbiltà tagħha stess tikkomunika informazzjoni mhux żvelata lil entitajiet jew persuni taħt l-awtorità tagħha għall-għanijiet speċifiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

    (ċ)

    bil-kunsens miktub minn qabel tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata, il-Parti li tirċievi tista’ xxerred din l-informazzjoni mhux żvelata b’mod usa’ minn dak permess fil-punt (b). Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ proċeduri għat-talba u l-kisba minn qabel tal-kunsens bil-miktub għal dan it-tixrid usa’, u kull Parti għandha tipprovdi din l-approvazzjoni sal-punt permess mil-linji ta’ politika, ir-regoli u l-liġijiet nazzjonali tagħha;

    (d)

    L-informazzjoni mhux dokumentarja mhux żvelata jew informazzjoni kunfidenzjali oħra pprovduta f’seminars u laqgħat oħra bejn rappreżentanti tal-Partijiet organizzati taħt dan il-Ftehim, jew l-informazzjoni li toħroġ mis-sekondament ta’ persunal, l-użu tal-faċilitajiet jew l-azzjonijiet indiretti, għandha tibqa’ kunfidenzjali meta r-riċevitur ta’ din l-informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni kunfidenzali jew privileġġata oħra jkun ġie mgħarraf bil-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni kkomunikata fl-istess ħin meta ssir il-komunikazzjoni, skont il-punt (a);

    (e)

    kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-informazzjoni mhux żvelata li tkun rċiviet taħt il-punti (a) u (c) tkun ikkontrollata kif previst hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir taf li mhijiex ser tkun, jew tista’ raġonevolment tistenna li mhijiex ser tkun, f’qagħda li tissodisfa d-dispożizzjonijiet li ma xxerridx l-informazzjoni skont kif stabbilit fil-punti (a) u (c), għandha minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra. Wara dan, il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjoni biex ifasslu kif għandhom jaġixxu.


    ANNESS III

    REGOLI GĦALL-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAL-GŻEJJER FAROE GĦALL-PROGRAMM KWADRU

    I.   Kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faroes

    1.

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faroe għall-Programm Kwadru għandha tkun stabbilita fuq bażi annwali fi proporzjon għal, u b’żieda ma’, l-ammont disponibbli kull sena fil-baġit annwali tal-Unjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ mpenn meħtieġa għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-operat tal-Programm Kwadru, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1).

    2.

    Il-fattur ta’ proporzjonalità li jirregola l-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faroe għandu jinkiseb billi jkun stabbilit il-proporzjon bejn il-prodott gross domestiku tal-Gżejjer Faroe, bil-prezzijiet tas-suq, u s-somma tal-prodotti domestiċi gross, bil-prezzijiet tas-suq, tal-Istati Membri tal-Unjoni. Dawn il-proporzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati, għall-Istati Membri, abbażi tal-aħħar data statistika mill-Kummissjoni (Eurostat), disponibbli fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-abbozz preliminari tal-baġit tal-Unjoni għall-istess sena u għall-Gżejjer Faroe abbażi tal-aħħar data statistika tal-istess sena mill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika tal-Gżejjer Faroe (Hagstova Føroya) disponibbli fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-abbozz preliminari tal-baġit tal-Unjoni.

    3.

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Gżejjer Faroe, kemm jista’ jkun malajr, u l-aktar tard sal-1 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel kull sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja flimkien mal-materjal ta’ sfond rilevanti:

    l-ammonti f’approprjazzjonijiet ta’ mpenn, fid-dikjarazzjoni tal-infiq tal-abbozz preliminari tal-baġit tal-Unjoni li jikkorrispondu għall-Programm Kwadru,

    l-ammont stmat tal-kontribuzzjonijiet derivati mill-abbozz preliminari tal-baġit tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faroe fil-Programm Kwadru skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

    Meta l-baġit annwali tal-Unjoni jkun ġie finalment adottat, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Gżejjer Faroe, f’dikjarazzjoni tal-infiq li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faroe, l-ammonti finali msemmija fil-paragrafu 1.

    II.   Pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Gżejjer Faroe

    1.

    Il-Kummissjoni għandha toħroġ, l-iktar tard f’Jannar u f’Ġunju ta’ kull sena finanzjarja, sejħa għal fondi lill-Gżejjer Faroe li tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tagħhom taħt dan il-Ftehim. Dawn is-sejħiet għal fondi għandhom jipprovdu, rispettivament, għall-pagament:

    ta’ sitta minn kull tnax tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faroe 30 jum wara li tkun irċiviet is-sejħiet għall-fondi. Madankollu, is-sitta minn kull tnax li għandhom jitħallsu 30 jum wara li tkun irċiviet is-sejħa maħruġa f’Jannar għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-ammont stipulat fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-abbozz preliminari tal-baġit: ir-regolarizzazzjoni tal-ammont hekk imħallas għandha ssir mal-pagament tas-sitta minn kull tnax 30 jum wara li tkun irċiviet is-sejħa għall-fondi maħruġa l-aktar tard f’Ġunju.

    Għall-ewwel sena tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha toħroġ l-ewwel sejħa għall-fondi fi żmien 30 jum mill-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Jekk din is-sejħa toħroġ wara l-15 ta’ Ġunju, għandha tipprovdi għall-pagament ta’ tnax minn kull tnax tal-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faroe fi żmien 30 jum, ikkalkulat abbażi tal-ammont stipulat fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-baġit.

    2.

    Il-kontribuzzjoni tal-Gżejjer Faroe għandha tkun espressa u mħallsa f’euro. Il-pagament mill-Gżejjer Faroe għandu jiġi kkreditat lill-programmi tal-Unjoni bħala dħul baġitarju allokat għall-intestatura xierqa tal-baġit fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-baġit annwali tal-Unjoni. Ir-Regolament Finanzjarju għandu japplika għall-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet.

    3.

    Il-Gżejjer Faroe għandhom iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom taħt dan il-Ftehim skont l-iskeda fil-paragrafu 1. Kwalunkwe dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għall-pagament ta’ imgħax ta’ inadempjenza mill-Gżejjer Faroe fuq l-ammont mhux imħallas mid-data dovuta. Ir-rati tal-imgħax fuq l-ammonti li għandhom jitħallsu li ma jitħallsux fid-data dovuta għandhom ikunu r-rati applikati mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-operati ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum tal-kalendarju tax-xahar li fih kellu jsir il-pagament, u miżjuda b’punt perċentwali u nofs.

    Fil-każ li d-dewmien fil-pagament tal-kontribuzzjoni jkun b’mod li jista’ jipperikola b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-programm, il-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faroe fil-programm għas-sena finanzjarja konċernata għandha tkun sospiża mill-Kummissjoni wara li l-pagament jibqa’ ma jsirx sa 20 jum ta’ xogħol wara li ittra formali ta’ tfakkira tkun intbagħtet lill-Gżejjer Faroe, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Unjoni skont il-ftehimiet ta’ għotja u/jew kuntratti diġà konklużi relevanti għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti magħżula.

    4.

    Mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju tas-sena wara sena finanzjarja, id-dikjarazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-Programm Kwadru għal dik is-sena finanzjarja għandha tkun ippreparata u trasmessa lill-Gżejjer Faroe għall-informazzjoni, skont il-format tal-kont tad-dħul u l-infiq tal-Kummissjoni.

    5.

    Il-Kummissjoni, fi żmien l-għeluq tal-kontijiet marbuta ma’ kull sena finanzjarja, fil-qafas tal-istabbiliment tal-kont tad-dħul u l-infiq, għandha tipproċedi għar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet b’rabta mal-parteċipazzjoni tal-Gżejjer Faroe. Din ir-regolarizzazzjoni għandha tqis l-emendi li jkunu saru, kemm permezz ta’ trasferimenti, kanċellazzjonijiet, trasferimenti ‘l quddiem, diżimpenji, jew permezz ta’ baġits supplimentari u ta’ emenda matul is-sena finanzjarja. Din ir-regolarizzazzjoni għandha ssir mal-pagament tat-tieni pagament tas-sena finanzjarja li jmiss, u għall-aħħar sena finanzjarja f’Lulju 2014. Iktar regolarizzazzjoni għandha ssir kull sena sa Lulju 2016.


    (1)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


    ANNESS IV

    KONTROLL FINANZJARJU TAL-PARTEĊIPANTI TAL-GŻEJJER FAROE FIL-PROGRAMMI TAL-KOMUNITÀ KOPERTI MINN DAN IL-FTEHIM

    I.   Komunikazzjoni Diretta

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti tal-programm stabbiliti fil-Gżejjer Faroe u mas-sottokuntratturi tagħhom. Il-parteċipanti jistgħu jissottomettu direttament lill-Kummissjoni kull informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-istrumenti msemmija f’dan il-Ftehim u tal-arranġamenti ta’ għotja u/jew kuntratti konklużi sabiex jiġu implimentati.

    II.   Verifiki

    1.

    Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 u regoli oħrajn imsemmija f’dan il-Ftehim, l-arranġamenti ta’ għotja u/jew kuntratti konklużi ma’ parteċipanti fil-programm stabbilit fil-Gżejjer Faroe jistgħu jipprovdu għal verifiki xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi u verifiki oħra li jistgħu jsiru fi kwalunkwe żmien fuq il-proprjetà tal-parteċipanti u tas-sottokuntratturi tagħhom minn aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħrajn li jkunu mogħtija din is-setgħa mill-Kummissjoni fosthom l-OLAF.

    2.

    L-aġenti tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea u persuni b’mandat mill-Kummissjoni fosthom l-OLAF għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, ix-xogħlijiet u d-dokumenti u għal kull informazzjoni meħtieġa sabiex iwettqu dawn il-verifiki, inkluż f’forma elettronika, soġġett għall-inklużjoni ta’ dan id-dritt għall-aċċess li għandu jiġi ddikjarat b’mod espliċitu fl-arranġamenti ta’ għotja u/jew kuntratti konklużi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan il-Ftehim mal-parteċipanti tal-Gżejjer Faroe.

    3.

    Il-verifiki jistgħu jsiru wara li l-Programm Kwadru jew dan il-Ftehim jiskadu, fuq il-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehimiet ta’ għotja u/jew kuntratti konċernati.

    4.

    L-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faroe maħtura mill-Gvern tal-Gżejjer Faroe għandha tiġi infurmata bil-quddiem bil-verifiki li jsiru fit-territorju tal-Gżejjer Faroe. Din in-notifika m’għandhiex tkun prekondizzjoni legali għat-twettiq ta’ dawn il-verifiki.

    III.   Verifiki Fuq il-Post

    1.

    Fi ħdan il-qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni bl-inklużjoni tal-OLAF, għandha tkun awtorizzata li twettaq verifiki fuq il-post u spezzjonijiet fil-proprjetajiet tal-parteċipanti u tas-sottokuntratturi mill-Gżejjer Faroe, skont it-termini u l-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (1).

    2.

    Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitwettqu mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (Landsgrannskoðanin). Dan tal-aħħar għandu jiġi nnotifikat raġonevolment minn qabel dwar l-għan, l-iskop u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, biex ikun jista’ jipprovdi l-assistenza. Għal dak il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faroe jistgħu jipparteċipaw fil-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

    3.

    Jekk l-awtoritajiet konċernati tal-Gżejjer Faroe jkunu jixtiequ, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b’mod konġunt mill-Kummissjoni u minnhom stess.

    4.

    Meta l-parteċipanti tal-Programm Kwadru jopponu verifika jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Faroe, li jaġixxu skont ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-ispetturi tal-Kummissjoni b’mod raġonevoli kif meħtieġ sabiex jippermettulhom jaqdu dmirijiethom fit-twettiq tal-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post.

    5.

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta malajr kemm jista’ jkun lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faroe kwalunkwe fatt jew suspett marbut ma’ irregolarità li tkun ġiet innotifikata lilha matul il-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa li tinforma lill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultati ta’ tali verifiki u spezzjonijiet.

    IV.   Informazzjoni u Konsultazzjoni

    1.

    Għall-għanijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faroe u tal-Unjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni regolarment, sakemm dan ma jkunx projbit jew mhux awtorizzat minn regoli u regolamenti nazzjonali u, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, għandhom iwettqu konsultazzjonijiet.

    2.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faroe għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkun ġie notifikat lilhom b’rabta ma’ xi irregolarità marbuta mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja u/jew kuntratti konklużi fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan il-Ftehim.

    V.   Kunfidenzjalità

    L-informazzjoni kkomunikata jew akkwistata fi kwalunkwe għamla taħt dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod ta’ kif informazzjoni simili tiġi protetta bil-liġi tal-Gżejjer Faroe jew bid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkomunikata ħlief lil persuni fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji jew fl-Istati Membri jew fil-Gżejjer Faroe li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu legalment li huma jkunu jafuha, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħra ħlief sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

    VI.   Miżuri Amministrattivi u Pieni

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Gżejjer Faroe, miżuri amministrattivi u pieni jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni b’konformità mar-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u (KE, Euratom) Nru 2342/2002 u mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 (2) dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

    VII.   Irkupru u Infurzar

    Deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni taħt il-Programm Kwadru fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim li jimponu obbligu ta’ ħlas ta’ flus fuq persuni li mhumiex Stati għandhom jiġu infurzati fil-Gżejjer Faroe permezz ta’ proċedura ċivili f’Qorti tal-Gżejjer Faroe. Id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-infurzar huma inkorporati fil-ftehimiet ta’ għotja mal-parteċipanti mill-Gżejjer Faroe. L-ordni ta’ infurzar għandha tiġi sottomessa lill-Qorti tal-Gżejjer Faroe, mingħajr aktar kontrolli għajr il-verifika tal-awtentiċità tal-att, mill-awtoritajiet maħtura mill-Gvern tal-Gżejjer Faroe, li għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan. L-infurzar għandu jseħħ b’konformità mar-regoli tal-proċedura tal-Gżejjer Faroe. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-infurzar għandha tkun soġġetta għal kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenzi li jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja skont klawżola ta’ arbitraġġ fi ftehim ta’għotja u/jew kuntratt skont il-Programm Kwadru għandhom jiġu infurzati bl-istess termini.


    (1)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (2)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

    Top