Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0434

    2010/434/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Awwissu 2010 li temenda l-Annessi I u II mad-Deċiżjoni 2008/185/KE fir-rigward tal-inklużjoni tas-Slovenja fil-lista ta’ Stati Membri ħielsa mill-marda ta’ Aujeszky u l-inklużjoni tal-Polonja fil-lista ta’ Stati Membri fejn hemm fis-seħħ programm ta’ kontroll nazzjonali approvat għal dik il-marda (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5358) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 208, 7.8.2010, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0620

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/434/oj

    7.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 208/5


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta’ Awwissu 2010

    li temenda l-Annessi I u II mad-Deċiżjoni 2008/185/KE fir-rigward tal-inklużjoni tas-Slovenja fil-lista ta’ Stati Membri ħielsa mill-marda ta’ Aujeszky u l-inklużjoni tal-Polonja fil-lista ta’ Stati Membri fejn hemm fis-seħħ programm ta’ kontroll nazzjonali approvat għal dik il-marda

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 5358)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/434/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 10(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 64/432/KEE tistipula regoli applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju f’annimali bovini u suwini, bl-eċċezzjoni ta’ ħnieżer selvaġġi. L-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva jistipula l-kriterji għall-approvazzjoni ta’ programmi ta’ kontroll nazzjonali obbligatorji għal ċerti mardiet li jittieħdu, fosthom il-marda ta’ Aujeszky. B’żieda ma’ dan, l-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li fejn Stat Membru jikkunsidra li fit-territorju tiegħu jew parti minnu jkun ħieles minn tali mard, inkluża l-marda ta’ Aujeszky, dan għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni xierqa li tipprova dan lill-Kummissjoni.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/185/KE tal-21 ta’ Frar 2008 dwar garanziji addizzjonali f’kummerċ intra-Komunitarju tal-majjal rigward il-marda ta’ Aujeszky, u kriterji sabiex jipprovdu informazzjoni dwar din il-marda (2) tistipula garanziji addizzjonali għall-movimenti ta’ ħnieżer bejn l-Istati Membri. Dawk il-garanziji huma marbuta mal-klassifikazzjoni tal-Istati Membri skont l-istat tal-marda ta’ Aujeszky.

    (3)

    L-Anness I mad-Deċiżjoni 2008/185/KE jelenka l-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom li huma ħielsa mill-marda ta’ Aujeszky u fejn t-tilqim huwa pprojbit. L-Anness II ma’ dik id-Deċiżjoni jelenka l-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom fejn jinsabu fis-seħħ programmi nazzjonali ta’ kontroll approvati għall-qerda tal-marda ta’ Aujeszky.

    (4)

    Fil-Polonja u fi Spanja kienu ġew implimentati programmi ta’ kontroll nazzjonali għall-marda ta’ Aujeszky għal bosta snin. Għal diversi reġjuni Spanjoli l-programm ta’ kontroll nazzjonali għall-marda ta’ Aujeszky huwa diġa’ approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/603/KE (3).

    (5)

    Is-Slovenja ressqet id-dokumentazzjoni ta’ provi lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istat ħieles mill-marda ta’ Aujeszky fit-territorju tas-Slovenja li turi li qatt ma nstabet din il-marda f’dak l-Istat Membru.

    (6)

    Il-Kummissjoni eżaminat id-dokumentazzjoni ppreżentata mis-Slovenja u sabitha konformi mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 64/432/KEE. Għaldaqstant, dak l-Istat Membru għandu jiġi inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness I mad-Deċiżjoni 2008/185/KE. Dak l-Anness għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-Polonja pprovdiet id-dokumentazzjoni ta’ provi lill-Kummissjoni fir-rigward tal-programm fis-seħħ fit-territorju kollu tal-Polonja u talbet l-approvazzjoni għal dan il-programm.

    (8)

    Spanja issa pprovdiet id-dokumentazzjoni ta’ provi lill-Kummissjoni fir-rigward tal-programm fis-seħħ fil-Komunitajiet Awtonomi ta’ Andalusia, Aragon, il-Gżejjer Baleariċi, Castilla-La Mancha, Catalonia, Extremadura, Madrid, ir-Reġjun ta’ Murcia, il-Komunità ta’ Valencia, u l-provinċji ta’ Salamanca, Segovia u Soria fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León u l-provinċja ta’ Tenerife fil-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji u talbet l-approvazzjoni għal dan il-programm.

    (9)

    Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-programmi ta’ kontroll nazzjonali ppreżentati mill-Polonja u Spanja jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/432/KEE. Għaldaqstant, il-Polonja u Spanja għandhom jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness II mad-Deċiżjoni 2008/185/KE. Dak l-Anness għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Id-Deċiżjoni 2008/185/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Annessi I u II mad-Deċiżjoni 2008/185/KE jinbidlu bit-test fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

    (2)  ĠU L 59, 4.3.2008, p. 19.

    (3)  ĠU L 236, 8.9.2007, p. 7.


    ANNESS

    ANNESS I

    Stati Membri jew ir-reġjuni tagħhom li huma ħielsa mill-marda ta’ Aujeszky u fejn it-tilqim huwa pprojbit

    Kodici ISO

    Stat Membru

    Ir-reġjuni

    AT

    L-Awstrija

    Ir-reġjuni kollha

    CY

    Ċipru

    Ir-reġjuni kollha

    CZ

    Ir-Repubblika Ċeka

    Ir-reġjuni kollha

    DE

    Il-Ġermanja

    Ir-reġjuni kollha

    DK

    Id-Danimarka

    Ir-reġjuni kollha

    FI

    Il-Finlandja

    Ir-reġjuni kollha

    FR

    Franza

    Id-dipartimenti ta’ Ain, Aisne, Allier, Alpes-de-Haute-Provence, Alpes-Maritimes, Ardèche, Ardennes, Ariège, Aube, Aude, Aveyron, Bas-Rhin, Bouches-du-Rhône, Calvados, Cantal, Charente, Charente-Maritime, Cher, Corrèze, Côte-d’Or, Côtes-d’Armor, Creuse, Deux-Sèvres, Dordogne, Doubs, Drôme, Essonne, Eure, Eure-et-Loir, Finistère, Gard, Gers, Gironde, Hautes-Alpes, Hauts-de-Seine, Haute Garonne, Haute-Loire, Haute-Marne, Hautes-Pyrénées, Haut-Rhin, Haute-Saône, Haute-Savoie, Haute-Vienne, Hérault, Ille-et-Vilaine, Indre, Indre-et-Loire, Isère, Jura, Landes, Loire, Loire-Atlantique, Loir-et-Cher, Loiret, Lot, Lot-et-Garonne, Lozère, Maine-et-Loire, Manche, Marne, Mayenne, Meurthe-et-Moselle, Meuse, Morbihan, Moselle, Nièvre, Nord, Oise, Orne, Paris, Pas de Calais, Pyrénées-Atlantiques, Pyrénées-Orientales, Puy-de-Dôme, Réunion, Rhône, Sarthe, Saône-et-Loire, Savoie, Seine-et-Marne, Seine-Maritime, Seine-Saint-Denis, Somme, Tarn, Tarn-et-Garonne, Territoire de Belfort, Val-de-Marne, Val-d’Oise, Var, Vaucluse, Vendée, Vienne, Vosges, Yonne, Yvelines

    LU

    Il-Lussemburgu

    Ir-reġjuni kollha

    NL

    Il-Pajjiżi l-Baxxi

    Ir-reġjuni kollha

    SI

    Is-Slovenja

    Ir-reġjuni kollha

    SK

    Is-Slovakkja

    Ir-reġjuni kollha

    SE

    L-Isvezja

    Ir-reġjuni kollha

    UK

    Ir-Renju Unit

    Ir-reġjuni kollha tal-Ingilterra, l-Iskozja u l-Galles

    ANNESS II

    L-Istati Membri jew ir-reġjuni tagħhom fejn huma fis-seħħ programmi approvati ta’ kontroll nazzjonali għall-qerda tal-marda ta’ Aujeszky

    Kodici ISO

    Stat Membru

    Ir-reġjuni

    BE

    Il-Belġju

    Ir-reġjuni kollha

    ES

    Spanja

    Ir-reġjuni kollha

    HU

    L-Ungerija

    Ir-reġjuni kollha

    IE

    L-Irlanda

    Ir-reġjuni kollha

    IT

    L-Italja

    Il-provinċja ta’ Bolzano

    PL

    Il-Polonja

    Ir-reġjuni kollha

    UK

    Ir-Renju Unit

    Ir-reġjuni kollha fl-Irlanda ta’ Fuq


    Top