Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0408

    2010/408/: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Finlandja

    ĠU L 189, 22.7.2010, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/07/2011; Imħassar b' 32011D0417

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/408/oj

    22.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 189/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Lulju 2010

    dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Finlandja

    (2010/408/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mill-Finlandja,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

    (2)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

    (3)

    Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 126 tat-Trattat, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), tipprevedi deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness għat-Trattat jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll.

    (4)

    Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Hija kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji politiċi tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika.

    (5)

    L-Artikolu 126(5) tat-Trattat jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 126(4), il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Finlandja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Finlandja fil-15 ta’ Ġunju 2010 (3).

    (6)

    L-Artikolu 126(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Finlandja, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

    (7)

    Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Finlandiżi f’April 2010, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fil-Finlandja huwa ppjanat li jilħaq 4,1 % tal-PDG fl-2010, u b’hekk jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG. Filwaqt li t-tielet baġit supplimentari ppreżentat mill-Ministeru tal-Finanzi lill-Parlament fl-14 ta’ Mejju 2010 jissuġġerixxi li d-dħul fiskali fl-2010 jista’ jkun ogħla milli ppjanat, dan ma biddilx uffiċjalment il-mira tal-iżbilanċ. L-iżbilanċ ippjanat mhuwiex qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, iżda l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, huwa jirriżulta minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jista jitqies bħala temporanju. Skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010, l-iżbilanċ se jinżel taħt il-valur ta’ referenza fl-2011, sostnut mill-irkupru ekonomiku proġettat li qed iseħħ. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

    (8)

    Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Finlandiżi f’April 2010, id-dejn gross ġenerali tal-gvern għadu taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG, fil-livell ta’ 49,9 % tal-PDG fl-2010. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2010 jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn se jkun 50,5 % tal-PDG fl-2010 u se jiżdied għal 54,9 % tal-PDG fl-2011, li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD. Il-kriterju tad-dejn fit-Trattat huwa sodisfatt.

    (9)

    Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) jekk il-kondizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘il fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Finlandja, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Finlandja.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. REYNDERS


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

    (3)  Id-dokumenti kollha marbuta mal-PŻE għall-Finlandja jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/countries/index_en.htm


    Top