EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32010D0279

2010/279/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/279/PESK tat- 18 ta’ Mejju 2010 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

ĠU L 123, 19.5.2010, str. 4—8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Status prawny dokumentu Już nie obowiązuje, Data zakończenia ważności: 15/09/2017: Ten akt został zmieniony. Aktualna wersja skonsolidowana: 21/11/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/279/oj

19.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/279/PESK

tat-18 ta’ Mejju 2010

dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 28 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK (1) dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN). Dik l-Azzjoni Konġunta tiskadi fil-30 ta’ Mejju 2010.

(2)

Fit-8 ta’ Marzu 2010, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) rrakkomanda l-estensjoni ta’ EUPOL AFGHANISTAN għal tliet snin.

(3)

L-istruttura tal-kmand u l-kontroll tal-EUPOL AFGHANISTAN għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit.

(4)

Il-kapaċità tal-għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL AFGHANISTAN.

(5)

L-EUPOL AFGHANISTAN ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (“EUPOL AFGHANISTAN” jew il-“Missjoni”), stabbilità mill-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK, għandha tiġi estiża mill-31 ta’ Mejju 2010 sal-31 ta’ Mejju 2013.

2.   L-EUPOL AFGHANISTAN għandha topera skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Objettivi

L-EUPOL AFGHANISTAN għandha tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-istabbiliment, taħt appartenenza Afgana, ta’ arranġamenti fil-qasam tal-ordni pubbliku ċivili li jkunu sostenibbli u effikaċi, li sejrin jiżguraw interazzjoni adegwata mas-sistema aktar wiesgħa tal-ġustizzja kriminali, skont il-parir tal-linja politika u l-ħidma fl-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri u atturi internazzjonali oħrajn. Barra minn hekk il-Missjoni ser tappoġġa l-proċess ta’ riforma għal servizz ta’ pulizija ta’ fiduċja u effiċjenti, li jaħdem b’mod konformi ma’ standards internazzjonali, fl-ambitu tal-istat tad-dritt u r-rispett lejn d-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, l-EUPOL AFGHANISTAN għandha:

(a)

tassisti lill-Gvern tal-Afganistan sabiex jimplimenta b’mod koerenti l-istrateġija tiegħu għall-istabbiliment ta’ arranġamenti fil-qasam tal-ordni pubbliku ċivili li jkunu sostenibbli u effikaċi, speċjalment fir-rigward tal-Pulizija (Ċivili) Afgana bl-Uniformi u l-Pulizija Afgana ta’ Kontra l-Kriminalità, kif stipulat fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Pulizija;

(b)

ittejjeb il-koeżjoni u l-koordinazzjoni fost l-atturi internazzjonali;

(ċ)

taħdem fuq l-iżvilupp strateġiku, filwaqt li tagħmel enfasi fuq il-ħidma lejn strateġija ġenerali konġunta tal-komunità internazzjonali għar-riforma tal-pulizija, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-isħab ewlenin fir-riforma u t-taħriġ tal-pulizija, inkluż man-NATO/ISAF u l-Missjoni tan-NATO għat-Taħriġ u kontributuri oħra;

(d)

tappoġġa r-rabtiet bejn il-pulizija u l-qasam usa’ tal-istat tad-dritt.

Dawn il-kompiti ser jiġu żviluppati ulterjorment fil-Pjan Operazzjonali (OPLAN). Il-Missjoni għandha twettaq il-kompiti tagħha permezz ta’, fost oħrajn, monitoraġġ, konsulenza, għoti ta’ pariri u taħriġ.

2.   L-EUPOL AFGHANISTAN għandha tkun Missjoni mhux eżekuttiva.

3.   L-EUPOL AFGHANISTAN għandha jkollha Ċellula ta’ Proġettazzjoni għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUPOL AFGHANISTAN għandha, skont il-każ, tikkoordina, tiffaċilita u tagħti pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u minn Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f’oqsma relatati mal-Missjoni u b’appoġġ għall-għanijiet tagħha.

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.   Il-Missjoni ser ikollha l-Kwartieri Ġenerali (KĠ) tagħha f’Kabul. Il-Missjoni għandha tinkludi:

(i)

Il-Kap tal-Missjoni u l-uffiċċju tiegħu inkluż Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni;

(ii)

Komponent tal-pulizija;

(iii)

Komponent tal-Istat tad-Dritt;

(iv)

kapaċità ta’ taħriġ;

(v)

Appoġġ għall-Missjoni;

(vi)

uffiċċji barra minn Kabul;

(vii)

element ta’ appoġġ fi Brussell.

2.   Il-persunal tal-Missjoni għandu jiġi skjerat fil-livelli ċentrali, reġjonali u provinċjali u jista’ jaħdem, kif ikun meħtieġ, fil-livell distrettwali għall-implimentazzjoni tal-mandat fid-dawl tal-valutazzjoni tas-sigurtà u meta jkun hemm fatturi determinanti, bħal appoġġ loġistiku u ta’ sigurtà adatt. Sejrin isiru arranġamenti tekniċi mal-ISAF u mal-Pajjiżi Mexxejja tal-Kmand Reġjonali/Tim Provinċjali ta’ Rikostruzzjoni (PRT) għall-iskambju ta’ informazzjoni, għall-appoġġ mediku, ta’ sigurtà u loġistiku inkluża l-akkomodazzjoni mill-Kmandi Reġjonali u l-PRTs.

3.   Barra minn hekk, għadd ta’ membri tal-persunal tal-Missjoni għandhom ikunu skjerati sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni strateġika tar-riforma tal-pulizija fl-Afganistan, skont il-każ, u partikolarment mas-Segretarjat tal-Bord Internazzjonali għall-Koordinazzjoni tal-Pulizija f’Kabul. Is-sit tas-Segretarjat IPCB għandu jkun, kif ikun xieraq, fil-KĠ tal-EUPOL AFGHANISTAN.

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL AFGHANISTAN.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL AFGHANISTAN fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livel strateġiku, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat b’mod xieraq.

6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-Missjoni fuq il-post tal-operazzjoni.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, inkluż f’dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-twettiq effettiv tal-EUPOL AFGHANISTAN fuq il-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, billi jimxi fuq l-istruzzjonijiet fuq livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew tal-Unjoni konċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUPOL AFGHANISTAN fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, adegwatament, ma’ atturi oħrajn tal-UE fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għall-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

8.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li l-EUPOL AFGHANISTAN jaħdem mill-qrib, jikkoordina u jikkoopera mal-Gvern tal-Afganistan u mal-atturi internazzjonali rilevanti, kif xieraq, inklużi l-missjoni ISAF immexxija min-NATO u l-Missjoni ta’ Taħriġ tan-NATO, il-Pajjiżi Ewlenin tal-PRT, l-Missjoni ta’ Assistenza Afghanistan tan-Nazzjonijiet Uniti (UNAMA), u l-Istati terzi attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.

Artikolu 7

Persunal

1.   In-numri u l-kompetenzi tal-persunal tal-EUPOL AFGHANISTAN għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-istruttura tal-Missjoni stabbilita fl-Artikolu 4.

2.   L-EUPOL AFGHANISTAN għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-UE.

3.   Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-UE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ skjerament, is-salarji, il-kopertura medika, u l-allowances, barra l-per diems applikabbli kif ukoll l-allowances għax-xogħol iebes u għar-riskji.

4.   Il-persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali jistgħu jiġu reklutati wkoll mill-EUPOL AFGHANISTAN, fuq bażi kuntrattwali kif meħtieġ, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, kif meħtieġ, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti.

5.   Il-persunal kollu għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (2).

Artikolu 8

Status tal-persunal tal-EUPOL AFGHANISTAN

1.   L-istatus tal-persunal tal-EUPOL AFGHANISTAN fl-Afganistan, inklużi fejn ikun il-każ il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-EUPOL AFGHANISTAN għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li għandu jiġi konkluż skont l-Artikolu 37 tat-Trattat.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-issekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

3.   Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.

Artikolu 9

Linja ta’ Kmand

1.   L-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ maniġġar tal-kriżijiet.

2.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPOL AFGHANISTAN.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, huwa l-kmandant tal-EUPOL AFGHANISTAN f’livell strateġiku u, għaldaqstant, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EUPOL AFGHANISTAN fuq il-post tal-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti għal dan il-għan, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUPOL AFGHANISTAN skont l-Artikoli 5 u 9, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà tal-operazzjoni u sabiex jiżgura konformità ma’ rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skont il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat u d-dokumenti ta’ sostenn tiegħu.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li ser jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-Kap tal-Missjoni ser jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà fil-postijiet provinċjali u reġjonali tal-missjoni, li, taħt l-awtorità tal-SMSO, għandhom ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-aspetti kollha ta’ sigurtà tal-elementi rispettivi tal-Missjoni.

5.   Il-persunal tal-EUPOL AFGHANISTAN għandu jagħmel taħriġ obbligatroju ta’ sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f’konformità mal-OPLAN. Għandu jingħatalu taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.

Artikolu 12

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u għall-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-istati kandidati u Stati terzi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUPOL AFGHANISTAN fuq il-bażi li huma jsostnu l-ispejjeż sabiex jibagħtu lill-esperti tal-pulizija u/jew il-persunal ċivili sekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-allowances, il-kopertura medika, l-assigurazzjoni għal riskju għoli u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Afganistan, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tmexxija tal-EUPOL AFGHANISTAN skont il-każ.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

3.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi lill-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjoni bħal Stati Membri tal-UE li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

4.   Il-KPS għandhu jieħu azzjoni xierqa fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ parteċipazzjoni u għandu, jekk meħtieġ, jissottometti proposta lill-Kunsill, inkluż dwar il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni finanzjarja jew kontributi mhux finanzjarji minn Stati terzi.

5.   Arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim skont l-Artikolu 37 tat-Trattat u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat terz fl-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

Artikolu 13

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja intiż sabiex ikopri l-infiq marbut mal-EUPOL AFGHANISTAN sal-31 ta’ Mejju 2011 għandu jkun ta’ EUR 54 600 000.

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għall-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkun deċiż mill-Kunsill.

3.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata konformement mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lil, u jkun issorveljat mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

5.   Ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew iressqu offerti għall-kuntratti. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi mal-pajjiżi mexxejja tal-Kmand Reġjonali/PRT u mal-atturi internazzjonali skjerati fl-Afganistan rigward il-forniment ta’ tagħmir, servizzi u uffiċċji lill-Missjoni, speċjalment fejn ikun meħtieġ minħabba kondizzjonijiet ta’ sigurtà.

6.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi tal-EUPOL AFGHANISTAN inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha, u għandhom jieħdu kont tal-iskjerament tal-persunal fil-Kmandi Reġjonali u l-PRTs.

7.   L-infiq għandu jkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Rilaxx ta’ informazjzoni klassifikata

1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NATO/ISAF informazzjoni u dokumenti tal-UE klassifikati ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b’mod konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti tekniċi lokali sabiex dan jiġi faċilitat.

2.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, skont il-każ u skont il-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b’mod konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.

3.   3. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-UNAMA, skont il-każ u skont il-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b’mod konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.

4.   Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, b’mod konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti konformement mal-proċeduri għall-koperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-Unjoni.

5.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-Missjoni koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

Artikolu 15

Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL AFGHANISTAN

Artikolu 16

Reviżjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta kull sitt xhur sabiex jiġu aġġustati kif meħtieġ id-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Missjoni.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tagħha, sabiex jiġi determinat jekk il-Missjoni għandhiex titkompla.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-31 ta’ Mejju 2010 sal-31 ta’ Mejju 2013.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Góra