This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0264
2010/264/: Commission Decision of 4 May 2010 concerning Bulgaria’s application for protective measures with regard to a derogation from obligations under Directive 2001/80/EC of the European Parliament and of the Council on the limitation of emissions of certain pollutants into the air from large combustion plants (notified under document C(2010) 2688)
2010/264/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta' Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Bulgarija għal miżuri protettivi fir-rigward ta' deroga mill-obbligi skont id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2688)
2010/264/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta' Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Bulgarija għal miżuri protettivi fir-rigward ta' deroga mill-obbligi skont id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2688)
ĠU L 113, 6.5.2010, p. 56–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
6.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 113/56 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-4 ta' Mejju 2010
dwar l-applikazzjoni tal-Bulgarija għal miżuri protettivi fir-rigward ta' deroga mill-obbligi skont id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2688)
(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)
(2010/264/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-applikazzjoni tal-Bulgarija,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (2) għandha l-għan li tillimita l-emissjonijiet fl-arja tad-dijossidu tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u t-trab minn impjanti tal-kombustjoni b'kapaċità termali totali ta' 50 megawatt (MW) jew aktar. Għal dan il-għan, id-Direttiva tistipula valuri ta' limitu tal-emissjonijiet għal dawn l-impjanti, kif ukoll l-obbligi ta' monitoraġġ u rappurtar. Għal impjanti eżistenti l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet japplikaw mill-1 ta' Jannar 2008. |
(2) |
Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/80/KE, ċerti impjanti eżistenti jistgħu jagħżlu li “jkunu eżentati mill-konformità mal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet”. Il-prikondizzjoni għal din l-għażla hija li l-operatur tal-impjant kellu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti li l-impjant ma kienx se jitħaddem aktar minn 20 000 siegħa bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru 2015. Il-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet tad-Direttiva ma japplikawx għal dawk l-impjanti li għażlu li “jkunu eżentati mill-konformità mal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet”. |
(3) |
Waqt in-negozjati tad-adeżjoni, il-Bulgarija kisbet derogi mill-applikazzjoni tal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2001/80/KE għal 4 impjanti tal-kombustjoni (TPP “Varna”, TPP “Bobov dol”, TPP “Ruse East” u TPP “Lukoil Neftochim”); |
(4) |
Permezz tal-ittra tal-31 ta' Diċembru 2009, il-Bulgarija applikat mal-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni biex tinvoka l-Artikolu 36 tal-Att tal-Adeżjoni għal miżuri protettivi, sal-31 ta' Diċembru 2014, fir-rigward ta' ħames impjanti ta' kombustjoni (TPP “Bobov dol”, Brikel SJSC, Maritza 3 SJSC, TPP “Repubblika” u TPP “Sliven”). |
(5) |
TPP “Bobov dol” għandu deroga skont it-Trattat ta' Adeżjoni għal żewġ unitajiet sal-31 ta' Diċembru 2011 u l-31 ta' Diċembru 2014, rispettivament; it-tielet unità kellha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/80/KE mill-1 ta' Jannar 2008 'l quddiem. |
(6) |
Brikel SJSC u Maritza 3 SJSC għażlu li “jkunu eżentati mill-konformità mal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet” skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/80/KE, għalhekk ma jistgħux joperaw għal aktar minn 20 000 siegħa bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru 2015. |
(7) |
L-awtoritajiet Bulgari jibbażaw l-applikazzjoni tagħhom fuq id-diffikultajiet ekonomiċi, li jikkawżaw dewmien sostanzjali fl-investimenti meħtieġa biex impjanti konċernati jiġu mmodernizzati jew sostitwiti. Għalhekk, l-impjanti ma jkunux jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/80/KE fil-limitu taż-żmien previst (skont id-Direttiva 2001/80/KE jew it-Trattat tal-Adeżjoni) u dawn ikollhom jieqfu joperaw. Skont l-applikazzjoni tal-Bulgarija, l-għeluq tal-impjanti jpoġġi riskju fuq il-provvista tal-elettriku u tas-sħana għar-reġjuni tax-Xlokk u tal-Lbiċ tal-Bulgarija. Dan jista' jwassal ukoll għall-għeluq tal-minjieri fil-qrib, li l-operat tagħhom jiddependi fuq id-domanda tal-faħam għall-impjanti ta' kombustjoni. |
(8) |
L-Artikolu 36 tal-Att ta' Adeżjoni jikkonċerna biss diffikultajiet serji li jinqalgħu b'riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern mill-Istat Membru ġdid, jew għalih stess, jew għal Stati Membri oħra. Għandu l-għan li jtaffi għal ftit l-effetti tar-regoli fuq l-ekonomija tal-pajjiż, iżda ma jippermettix derogi mill-acquis tal-UE f'oqsma oħra ta' politika, bħall-leġiżlazzjoni ambjentali. |
(9) |
Id-diffikultajiet allegati tal-Bulgarija mhumiex konsegwenza tar-regoli tas-suq intern tal-UE, iżda huma marbuta mal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Mhumiex diffikultajiet fuq medda qasira ta' żmien, billi feġġew matul it-tliet snin wara l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-UE. Kienu jeżistu diġà fil-waqt tal-abozzar tal-Att ta' Adeżjoni, u l-Anness VI, li jinkorpora miżuri tranżizzjonali li japplikaw għall-Bulgarija, inkluż dawk li jikkonċernaw id-Direttiva 2001/80/KE. |
(10) |
L-applikazzjoni tal-Bulgarija taqa' għalhekk 'il barra mill-ambitu tal-Artikolu 36 tal-Att ta' Adeżjoni u għandha tiġi rrifjutata bħala mhix ammissibbli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tal-Bulgarija għal miżuri protettivi skont l-Artikolu 36 tal-Att ta' Adeżjoni, bil-għan li tikseb deroga mill-obbligi skont id-Direttiva 2001/80/KE, hija rrifjutata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2010.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.
(2) ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1.