EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0221

2010/221/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1850) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32021D0260

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/221/oj

20.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta’ April 2010

li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1850)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/221/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/453/KE tad-29 ta’ April 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE fir-rigward tal-miżuri kontra ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura (2) tapprova l-istatus ta’ ħelsien mill-mard ta’ ċerti Stati Membri jew partijiet minnhom fir-rigward tal-viremija tar-rebbiegħa tal-karpjuni (SVC), mard tal-fwied batteriku (BKD), il-vajrus tan-nekrożi pankreatika infettiva (IPN) u infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS) (“żoni approvati bħala ħielsa mill-mard”), u programmi ta’ ċerti Stati Membri għall-kontroll jew għall-qerdaqerda (programmi approvati ta’ kontroll jew ta’ qerda) tal-SVC, il-BKD u l-IPN.

(2)

L-Istati Membri b’approvazzjoni ta’ żoni ħielsa mill-mard jew biprogrammi approvati ta’ kontroll jew ta’ qerda jistgħu, skont id-Deċiżjoni 2004/453/KE, jitolbu garanziji addizzjonali għal kunsinni tal-ħut ħaj tal-akkwakultura ta’ speċijiet suxxettibbli għall-mard rilevanti, li jkunu maħsuba għat-trobbija, li għandhom jiġu introdotti f’dawk iż-żoni. Dawk il-garanziji addizzjonali jikkonsistu fir-rekwiżit li dawk il-kunsinni jridu joriġinaw minn żona bi status ta’ saħħa ekwivalenti ma’ dak tal-post ta’ destinazzjoni.

(3)

Id-Direttiva 2006/88/KE tirrevoka u tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw it-tqegħid fuq is-suq tal-annimali u prodotti tal-akkwakultura (3). Madankollu, id-Direttiva 2006/88/KE tipprevedi li d-Deċiżjoni 2004/453/KE għandha tkompli tapplika għall-għan tad-Direttiva 2006/88/KE sal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji konformi ma’ dik id-Direttiva, li għandhom jiġu adottati mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ.

(4)

L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni tal-mard, jew jikkontrollaw il-mard li mhuwiex elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tagħha li jikkostitwixxi riskju sinifikanti għall-qagħda tas-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura jew l-annimali akkwatiċi selvaġġi f’dawk l-Istati Membri. Dawk il-miżuri ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni jew għall-kontroll ta’ mard bħal dan.

(5)

L-Istati Membri li ngħataw id-dritt li jitolbu garanziji addizzjonali skont id-Deċiżjoni 2004/453/KE pprovdew lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-mard fir-rigward ta’ mard li għalih huma approvaw iż-żoni ħielsa mill-mard jew approvaw il-programmi ta’ kontroll jew ta’ qerdaqerda. Huma wrew li hu xieraq u neċessarju li titkompla l-ħtieġa ta’ miżuri nazzjonali fil-forma ta’ tqegħid fis-suq, importazzjoni u rekwiżiti tat-tranżitu, skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE.

(6)

Konsegwentament, l-Istati Membri li ġew mogħtija d-dritt li jitolbu garanziji addizzjonali skont id-Deċiżjoni 2004/453/KE għall-introduzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura ta’ speċijiet suxxettibbli f’żoni approvati ħielsa mill-mard jew żoni bi programmi approvati ta’ kontroll jew ta’ qerda għandhom jitħallew ikomplu japplikaw dawn il-miżuri bħala miżuri nazzjonali approvati skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/88/KE.

(7)

Barra minn hekk, il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni sabiex tappoġġja r-riżultat li ma għadux neċessarju li jiġu kkunsidrati ċerti żoni tal-ġbir tal-ilma bħala żoni ta’ lqugħ biex jiġi protett l-istatus ta’ ħelsien mill-mard fir-rigward tal-SVC u l-IPN.

(8)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-rekwiżiti speċifiċi għat-tqegħid fis-suq, għall-importazzjoni u għat-tranżitu ta’ kunsinni tal-annimali tal-akkwakultura u l-annimali akkwatiċi selvaġġi maħsuba għal żoni b’miżuri nazzjonali approvati, għandhom ikunu inklużi mad-dispożizzjonijiet u mal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità tal-annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u l-istabbiliment ta’ lista ta’ speċijiet vettori (4).

(9)

Il-miżuri nazzjonali approvati minn din id-Deċiżjoni għandhom jiġu applikati biss sakemm huma xierqa u neċessarji. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-miżuri nazzjonali.

(10)

Kull suspett tal-preżenza ta’ marda rilevanti f’żoni elenkati bħala ħielsa mill-mard fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi investigat u matul l-investigazzjoni għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment sabiex jiġu protetti l-Istati Membri b’miżuri nazzjonali approvati fir-rigward tal-istess marda. Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni mill-ġdid tal-miżuri nazzjonali approvati, kull konferma sussegwenti ta’ mard għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(11)

Il-programmi ta’ qerda għandhom iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tal-mard f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fit-tieni nofs tal-2011, is-sitwazzjoni tal-mard fiż-żoni koperti minn programmi bħal dawn għandha tiġi eżaminata mill-ġdid u għandu jiġi evalwat mill-ġdid jekk il-miżuri nazzjonali humiex xierqa. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni għandha tistipula li dawk il-miżuri għandhom japplikaw biss sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(12)

Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2004/453/KE għandha tiġi espressament irrevokata.

(13)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fin-negozju, kunsinni tal-annimali tal-akkwakultura li huma akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ skont l-Anness III tad-Deċiżjoni 2004/453/KE għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq sat-30 ta’ Ġunju 2010, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kontenut u l-ambitu

Din id-Deċiżjoni tapprova l-miżuri nazzjonali tal-Istati Membri elenkati fl-Annessi I u II tagħha għal-limitazzjoni tal-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u fl-annimali akkwatiċi selvaġġi skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE.

Artikolu 2

L-approvazzjoni ta’ ċerti miżuri nazzjonali għal-limitazzjoni tal-impatt ta’ ċertu mard mhux elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE

1.   L-Istati Membri u partijiet minnhom elenkati fit-tieni u fir-raba’ kolonni tat-tabella fl-Anness I għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħielsa mill-mard elenkati fl-ewwel kolonna ta’ dik it-tabella (“żoni ħielsa mill-mard”).

2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu li l-kunsinni li jkun imisshom jiġu introdotti f’żona ħielsa mill-mard jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) fir-rigward ta’ dak il-mard li għalih huma kkunsidrati bħala ħielsa mill-mard:

(a)

l-annimali tal-akkwakultura maħsuba għat-trobbija, għaż-żoni ta’ żamma, għaż-żoni tas-sajd ripopolati artifiċjalment, għall-faċilitajiet ornamentali miftuħa u għall-istokkjar mill-ġdid jridu jikkonformaw ma’:

(i)

ir-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq stabbiliti fl-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008;

(ii)

ir-rekwiżiti għall-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008;

(iii)

ir-rekwiżiti għat-tranżitu u l-ħażna stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008;

(b)

l-annimali akkwatiċi ornamentali maħsuba għal faċilitajiet ornamentali magħluqa jridu jikonformaw ma’:

(i)

ir-rekwiżiti għall-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008;

(ii)

r-rekwiżiti għat-tranżitu u l-ħażna stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008.

Artikolu 3

L-approvazzjoni ta’ programmi ta’ qerda nazzjonali fir-rigward ta’ ċertu mard mhux elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE

1.   Il-programmi ta’ qerda adottati mill-Istati Membri elenkati fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness II għall-mard elenkat fl-ewwel kolonna ta’ dik it-tabella, fir-rigward taż-żoni elenkati fir-raba’ kolonna tagħha (“programmi ta’ qerda”), ġew approvati.

2.   Għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri elenkati fit-tabella fl-Anness II jistgħu jitolbu li l-kunsinni tal-annimali tal-akkwakultura msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(2), introdotti f’żona soġġetta għal programm ta’ qerda jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dawk il-punti fir-rigward ta’ mard kopert minn dak il-programm ta’ qerda.

Artikolu 4

Rappurtaġġ

1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena, l-Istati Membri elenkati fl-Annessi I u II għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali approvati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

2.   Ir-rapport previst fil-paragrafu 1 għandu jinkludi mill-inqas informazzjoni aġġornata dwar:

(a)

ir-riskji sinifikanti għas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura, jew tal-annimali akkwatiċi, ikkawżati mill-mard, li għalih japplikaw il-miżuri nazzjonali, u n-neċessità ta’ dawk il-miżuri u kemm huma xierqa;

(b)

il-miżuri nazzjonali li ttieħdu sabiex jinżamm l-istatus ta’ ħelsien mill-mard, inkluż kwalunkwe ttestjar li twettaq; l-informazzjoni li tikkonċerna dan l-ittestjar trid tiġi pprovduta bl-użu tal-mudelltal-formola stabbilita fl-Anness VI tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/177/KE (5);

(c)

l-evoluzzjoni tal-programm ta’ qerda, inkluż kull test li twettaq; l-informazzjoni li tikkonċerna dan l-ittestjar trid tiġi pprovduta bl-użu tal-mudell tal-formula stabbilita fl-Anness VI tad-Deċiżjoni 2009/177/KE.

Artikolu 5

Is-Suspett u l-iskoperta ta’ mard f’żoni ħielsa mill-mard

1.   Fejn Stat Membru li hu elenkat fl-Anness I ta’ dan jissuspetta l-preżenza ta’ marda f’żona li hija elenkata bħala żona ħielsa mill-mard għal dik il-marda f’dak l-Anness, dak l-istat Membru għandu jieħu l-miżuri mill-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 28, l-Artikolu 29(2),(3) u (4) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/88/KE.

2.   Fejn l-investigazzjoni epiżootika tikkonferma l-iskoperta tal-marda msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’dan, u bi kwalunkwe miżuri li jittieħdu għat-trażżin u l-kontroll ta’ dik il-marda.

Artikolu 6

Revoka

Id-Deċiżjoni 2004/453/KE hija revokata.

Referenzi għad-Deċiżjoni revokata għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Għal perjodu tranżizzjonali sat-31 ta’ Lulju 2010, il-kunsinni tal-annimali tal-akkwakultura akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali skont l-Anness III tad-Deċiżjoni 2004/453/KE jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom qabel dik id-data.

Artikolu 8

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-15 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 9

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  ĠU L 156, 30.4.2004, p. 5.

(3)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 1.

(4)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41.

(5)  ĠU L 63, 7.3.2009, p. 15.


ANNESS I

L-Istati Membri u partijiet minnhom li huma meqjusa ħielsa mill-mard elenkat fit-tabella u approvati għall-miżuri nazzjonali biex jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ dak il-mard skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE

Il-marda

L-Istat Membru

Il-Kodiċi

Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Il-viremija tar-rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Id-Danimarka

DK

It-territorju kollu

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Il-Finlandja

FI

It-territorju kollu

L-Iżvezja

SE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit

UK

It-territorji tal-Irlanda ta’ Fuq, l-Isle of Man, Jersey u Guernsey

Mard batteriku tal-fwied (BKD)

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Ir-Renju Unit

UK

It-territorji tal-Irlanda ta’ Fuq, l-Isle of Man, Jersey u Guernsey

Vajrus tan-Nekrożi Pankreatika Infettiva (IPN)

Il-Finlandja

FI

Partijiet kontinentali tat-territorju

L-Iżvezja

SE

Partijiet kontinentali tat-territorju

Ir-Renju Unit

UK

It-territorju tal-Isle of Man

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris (GS)

L-Irlanda

IE

It-territorju kollu

Il-Finlandja

FI

Iż-żoni tal-ġbir tal-ilma ta’ Tenojoki u Näätämönjoki; Iż-żoni tal-ġbir tal-ilma ta’ Paatsjoki, Luttojoki, u Uutuanjoki huma kkunsidrati bħala żoni ta’ lqugħ.

Ir-Renju Unit

UK

It-territorji tal-Irlanda ta’ Fuq, l-Isle of Man, Jersey u Guernsey


ANNESS II

L-Istati Membri u partijiet minnhom bi programmi ta’ qerda fir-rigward ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura, u approvati sabiex jieħdu miżuri nazzjonali biex jikkontrollaw dak il-mard skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2006/88/KE

Il-marda

L-Istat Membru

Il-Kodiċi

Id-demarkazzjoni ġeografika taż-żona b’miżuri nazzjonali approvati

Il-viremija tar-rebbiegħa tal-karpjun (SVC)

Ir-Renju Unit

UK

It-territorji tal-Gran Brittanja

Mard batteriku tal-fwied (BKD)

Il-Finlandja

FI

Partijiet kontinentali tat-territorju

L-Isvezja

SE

Il-partijiet kontinentali tat-territorju

Ir-Renju Unit

UK

It-territorji tal-Gran Brittanja

Vajrus tan-Nekrożi Pankreatika Infettiva (IPN)

L-Iżvezja

SE

Partijiet kostali tat-territorju


Top