EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1161

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1161/2009 tat- 30 ta’ Novembru 2009 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar il-katina alimentari lill-operaturi kummerċjali li joperaw il-biċċeriji (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 314, 1.12.2009, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1161/oj

1.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1161/2009

tat-30 ta’ Novembru 2009

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar il-katina alimentari lill-operaturi kummerċjali li joperaw il-biċċeriji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għal ikel li joriġina mill-annimali. B’mod partikolari, it-Taqsima III tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament titlob li l-operaturi kummerċjali li joperaw il-biċċeriji jesiġu, jingħataw, jiċċekkjaw u jaġixxu fid-dawl tal-informazzjoni tal-katina alimentari u dan jgħodd għall-annimali kollha mibgħuta jew maħsuba biex jintbagħtu lejn il-biċċerija, għajr il-kaċċa.

(2)

Il-punt 2 ta’ dik it-Taqsima jistipula li dawk l-operaturi għandhom jiġu provduti bl-informazzjoni tal-katina alimentari mhux anqas minn 24 siegħa qabel il-wasla tal-annimali fil-biċċerija, ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt 7 ta’ dik it-Taqsima. Il-Punt 7 jipprovdi li fejn l-awtorità kompetenti tippermetti dan, li l-informazzjoni tista’ takkumpanja ċerti annimali speċifikati f’dak il-punt lejn il-biċċerija, pjuttost milli tasal għall-inqas 24 siegħa qabel il-wasla tagħhom.

(3)

Billi l-forniment tal-informazzjoni tal-katina alimentari huwa rekwiżit ġdid għal operaturi fin-negozju alimentari introdott bir-Regolament (KE) Nru 853/2004, ġie stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni sħiħ tiegħu mir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 833/2004, Nru 854/2004 u Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (2).

(4)

Il-fluss bla xkiel tal-informazzjoni tal-katina alimentari mir-razzett sal-biċċerija huwa, b’mod partikolari, faċilitat mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 2076/2005 li jipprovdi deroga mir-rekwiżit stabbilit fil-punt 2 tat-Taqsima III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għall-forniment tal-informazzjoni tal-katina alimentari 24 siegħa bil-quddiem mill-wasla tal-annimali fil-biċċerija, jekk l-awtorità kompetenti tippermetti dan u fejn dan ma jipperikolax l-għanijiet ta’ dak ir-Regolament.

(5)

L-esperjenza wriet li fejn l-awtoritajiet kompetenti ngħataw il-fakultà li jwessgħu s-sitwazzjonijiet fuq il-bażi ta’ każ b’każ ta’ meta l-informazzjoni tal-katina alimentari tista’ tintbagħat il-biċċerija flimkien mal-annimali li għalihom tkun qed tirreferi, aktar milli tasal 24 siegħa bil-quddiem, dan wassal għal implimentazzjoni bla xkiel tar-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-katina alimentari. Għalhekk, huwa xieraq li dak l-arranġament ta’ tranżizzjoni jsir wieħed permanenti.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83.


ANNESS

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 8531/2004, fit-Taqsima III, il-punt 7 huwa mibdul b’dan li ġej:

“7.

Jekk l-awtorità kompetenti hekk tippermetti u sakemm dan ma jipperikolax l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni tal-katina alimentari tista’ tasal il-biċċerija anqas minn 24 siegħa qabel il-wasla tal-annimali ta’ kull speċi li magħhom tkun relatata jew inkella tista’ tintbagħat ma’ dawn l-annimali.

Madankollu, kull oġġett tal-informazzjoni tal-katina alimentari, li minħabba l-għarfien tiegħu jista’ jikkawża tfixkil serju fl-attività tal-biċċerija, għandu jiġi magħmul disponibbli għall-operatur kummerċjali tal-ikel li jopera l-biċċerija fi żmien biżżejjed qabel mal-annimali jaslu fil-biċċerija, biex b’hekk dak l-operatur kummerċjali tal-ikel jippjana l-attività fil-biċċerija skont dan.

L-operatur kummerċjali tal-ikel li jopera l-biċċerija għandu jevalwa l-informazzjoni relevanti u għandu jissottometti l-informazzjoni tal-katina alimentari riċevuta lill-veterinarju uffiċjali. Il-qtil jew it-tbiċċir tal-annimali ma jistax iseħħ sakemm il-veterinarju uffiċjali ma jippermettix dan.”


Top