EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1136

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1136/2009 tal- 25 ta’ Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 311, 26.11.2009, p. 6–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1136/oj

26.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1136/2009

tal-25 ta’ Novembru 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fis-27 ta’ Novembru 2008, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika L-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju, minn hawn ‘il quddiem “IFRS 1 ristrutturat”. L-IFRS 1 ristrutturat jibdel l-IFRS 1 eżistenti sabiex l-IFRS 1 isir aktar faċli biex jintuża u biex jiġi emendat fil-futur. Barra minn hekk l-IFRS 1 ristrutturat ineħħi mill-istandard xi gwidi skaduti għat-transizzjonijiet u fih xi bidliet minuri ta’ diċitura. Ir-rekwiżiti attwali ma tbiddlux.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-IFRS 1 ristrutturat jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 505/2006 tal-14 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja [dwar ir-Rappurtar Finanzjarju] (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u lill-Kummissjoni taha l-parir li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju, għandu jinbidel bl-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (ristrutturat fl-2008) kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRS 1, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2009.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2009

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IFRS 1

Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ standards internazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju

“Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org”.

STANDARD INTERNAZZJONALI TAR-RAPPURTAĠĠ FINANZJARJU 1

Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju

GĦAN

1

L-għan ta’ dan l-IFRS huwa li jiżgura li l-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS, u r-rapporti finanzjarji interim tagħha għal parti mill-perijodu kopert f'dawk ir-rapporti finanzjarji, jkun fihom informazzjoni ta’ kwalità għolja li:

(a)

hi trasparenti għall-utenti u tkun paragunabbli għal perijodi kollha ppreżentati;

(b)

tipprovdi punt ta’ tluq adegwat għal kontabilità skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRSs); u

(c)

tista' titnissel b’kost li ma jeċċedix il-benefiċċji li jgawdu l-utenti.

AMBITU

2

Entità għandha tapplika dan l-IFRS fil-każ ta':

(a)

l-ewwel rapporti finanzjarji tagħha mħejjija skont l-IFRS; u

(b)

kull rapport finanzjarju interim, jekk ikun hemm, li hija tippreżenta skont l-IAS 34 Rappurtaġġ Finanzjarju Interim għal parti mill-perijodu kopert fl-ewwel rapporti finanzjarji tagħha mħejjija skont l-IFRS.

3

L-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS huma l-ewwel rapporti finanzjarji annwali li fihom l-entità tadotta l-IFRSs, permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita u mingħajr ebda riżerva f'dawk ir-rapporti finanzjarji ta’ konformità mal-IFRSs. Rapporti finanzjarji skont l-IFRSs ikunu l-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS jekk, pereżempju, l-entità:

(a)

ippreżentat ir-rapporti finanzjarji preċedenti tagħha l-aktar reċenti:

(i)

skont rekwiżiti nazzjonali li m'humiex konsistenti mal-IFRSs f'kull aspett;

(ii)

li huma konformi mal-IFRSs f'kull aspett, iżda r-rapporti finanzjarji ma kienx fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr ebda riżerva li kienu jikkonformaw mal-IFRSs;

(iii)

li jkun fihom dikjarazzjoni espliċita ta’ konformità ma’ wħud mill-IFRSs, iżda mhux mal-IFRSs kollha;

(iv)

skont rekwiżiti nazzjonali li huma inkonsistenti mal-IFRSs, bl-użu ta’ xi IFRSs individwali biex jingħata rendikont ta’ xi element li għalih ma kinux jeżistu rekwiżiti nazzjonali; jew

(v)

skont rekwiżiti nazzjonali, bir-rikonċiljazzjoni ta’ xi ammonti mal-ammonti determinati skont l-IFRSs;

(b)

ħejjiet rapporti finanzjarji skont l-IFRSs għal użu intern biss, mingħajr ma’ tqegħdu għad-dispożizzjoni tas-sidien tal-entità jew ta’ xi utenti esterni oħra;

(c)

ħejjiet pakkett ta’ rappurtaġġ skont l-IFRSs għal skopijiet ta’ konsolidazzjoni mingħajr ma ħejjiet sett komplet ta’ rapporti finanzjarji hekk kif definit fl-IAS 1 Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji (kif irrevedut fl-2007); jew

(d)

ma ppreżentatx rapporti finanzjarji għal perijodi preċedenti.

4

Dan l-IFRS japplika għal meta entità tadotta għall-ewwel darba l-IFRSs. Ma japplikax meta, pereżempju, entità:

(a)

tieqaf milli tkompli tippreżenta rapporti finanzjarji skont rekwiżiti nazzjonali, wara li tkun preċedentement ippreżentathom kif ukoll sett ieħor ta’ rapporti finanzjarji li jkun fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr ebda riżerva ta’ konformità mal-IFRSs;

(b)

tkun ippreżentat rapporti finanzjarji s-sena ta’ qabel skont rekwiżiti nazzjonali u dawk ir-rapporti finanzjarji jkun fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr ebda riżerva ta’ konformità mal-IFRSs; jew

(c)

tkun ippreżentat rapporti finanzjarji fis-sena ta’ qabel li jkun fihom dikjarazzjoni espliċita u mingħajr ebda riżerva ta’ konformità mal-IFRSs, ukoll jekk l-awdituri jkunu kkwalifikaw ir-rapport ta’ verifika tagħhom dwar dawk ir-rapporti finanzjarji.

5

Dan l-IFRS ma japplikax għal bidliet fil-politiki ta’ kontabilità magħmula minn entità li diġà tapplika l-IFRSs. Dawn il-bidliet huma s-suġġett ta’:

(a)

rekwiżiti dwar bidliet fil-politiki ta’ kontabilità b'konfomità mal-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji; u

(b)

rekwiżiti tranżitorji speċifici f'IFRSs oħra.

RIKONOXXIMENT U KEJL

Rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu skont l-IFRS

6

Entità għandha tħejji rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu skont l-IFRS fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs. Dan huwa l-punt tat-tluq għall-kontabilità tagħha skont l-IFRSs.

Politiki ta’ Kontabilità

7

Entità għandha tuża l-istess politiki ta’ kontabilità fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu skont l-IFRS u matul il-perijodi kollha preżentati fl-ewwel rapporti finanzjarji mħejjija skont l-IFRS. Dawk il-politiki ta’ kontabilità għandhom jikkonformaw ma’ kull IFRS li jkun fis-seħħ fit-tmiem tal-ewwel perijodu ta’ rapportaġġ tiegħu skont l-IFRS, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 13-19 u l-Appendiċi B-E.

8

Entità m’għandhiex tapplika verżjonijiet differenti ta’ IFRSs li kienu effettivi f’dati aktar bikrin. Entità tista’ tapplika IFRS ġdid li jkun għadu mhux obbligatorju jekk dak l-IFRS ikun jippermetti applikazzjoni aktar bikrija.

Eżempju: Applikazzjoni konsistenti tal-aħħar verżjoni tal-IFRSs

Sfond

It-tmiem tal-ewwel perijodu ta’ rapportaġġ skont l-IFRS tal-entità A huwa l-31 ta’ Diċembru 20X5. L-Entità A tiddeċiedi li f'dawk ir-rapporti finanzjarji tippreżenta informazzjoni komparattiva għal sena waħda biss (ara l-paragrafu 21). Għalhekk, id-data ta’ tranżizzjoni tagħha għall-IFRSs hija l-bidu tal-kummerċ nhar l-1 ta’ Jannar 20X4 (jew, b'mod ekwivalenti, għeluq il-kummerċ nhar il-31 ta’ Diċembru 20X3). Entità A ppreżentat rapporti finanzjarji skont il-GAAP preċedenti tagħha ta’ kull sena sa nhar il-31 ta’ Diċembru kull sena sa, u inkluż, il-31 ta’ Diċembru 20X4.

Applikazzjoni tar-rekwiżiti

Entità A hija mitluba li tapplika l-IFRSs effettivi għal perijodi li jispiċċaw nhar il-31 ta’ Diċembru 20X5 meta:

(a)

tħejji u tippreżenta r-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu skont l-IFRS fl-1 ta’ Jannar 20X4; u

(b)

tħejji u tipprepara r-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha għall-31 ta’ Diċembru 20X5 (inklużi ammonti komparattivi għall-20X4), rapport tad-dħul komplessiv, rapport ta’ bidliet fl-ekwità u rapport tal-flussi ta’ flus għas-sena sal-31 ta’ Diċembru 20X5 (inklużi ammonti komparattivi għall-20X4) u żvelar (inkluża informazzjoni komparattiva għall-20X4).

Jekk IFRS ġdid għadu m'huwiex obbligatorju iżda jkun permess li jiġi applikat qabel, entità A tista', iżda mhix obbligata, li tapplika dak l-IFRS fl-ewwel rapporti finanzjarji tagħha mħejjija skont l-IFRS.

9

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji f'IFRSs oħrajn japplikaw għat-tibdiliet fil-politiki ta’ kontabilità magħmulin minn entità li diġà tuża l-IFRSs; ma japplikawx għat-tranżizzjoni ta’ min jadotta l-IFRSs għall-ewwel darba ħlief kif speċifikat fl-Appendiċi B-E.

10

Ħlief kif deskritt fil-paragrafi 13-19 u l-Appendiċi B-E, entità għandha, fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha tal-bidu skont l-IFRS:

(a)

tirrikonoxxi kull assi u obbligazzjonijiet li r-rikonoxximent tagħhom huwa mitlub mill-IFRSs;

(b)

ma tirrikonoxxix elementi bħala assi u obbligazzjonijiet jekk l-IFRSs ma jippermettux tali rikonoxximent;

(c)

tikklassifika mill-ġdid elementi li taħt il-GAAP preċedenti kienet tirrikonoxxi bħala tip wieħed ta’ assi, obbligazzjoni jew komponent tal-ekwità, iżda li skont l-IFRSs huma tip differenti ta’ assi, obbligazzjoni jew komponent tal-ekwità; u

(d)

tapplika l-IFRSs fil-valutazzjoni ta’ kull assi u obbligazzjonijiet rikonoxxuti.

11

Il-politiki ta’ kontabilità li entità tuża fir-rapport tal-pożizzjoni tagħha tal-bidu skont l-IFRS tista' tvarja minn dik li hija użat għall-istess data permezz tal-GAAP preċedenti tagħha. L-aġġustamenti li jirriżultaw jiġu minn fatti u operazzjonijiet li seħħew qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs. Għalhekk, entità għandha tirrikonoxxi dawk l-aġġustamenti direttament fil-qligħ imfaddal (jew, jekk ikun xieraq, f'xi kategorija oħra tal-ekwità) dakinhar tad-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

12

Dan l-IFRS jistabbilixxi żewġ kategoriji ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju li r-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu ta’ entità skont l-IFRS għandu jikkonforma ma’ kull IFRS:

(a)

l-Appendiċi B jipprojbixxi l-applikazzjoni restrospettiva ta’ xi aspetti tal-IFRSs oħrajn;

(b)

L-Appendiċi C-E jagħtu eżenzjonijiet minn xi rekwiżiti ta’ IFRSs oħrajn.

Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni retroattiva ta’ IFRSs oħra

13

Dan l-IFRS jipprojbixxi l-applikazzjoni restrospettiva ta’ xi aspetti tal-IFRSs l-oħrajn. Dawn l-eċċezzjonijiet jinsabu fil-paragrafi 14-17 u l-Appendiċi B.

Estimi

14

L-estimi ta’ entità skont l-IFRSs fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs għandhom ikunu konsistenti mal-estimi li jkunu saru għall-istess data skont il-GAAP preċedenti (wara li jkunu saru l-aġġustamenti meħtieġa biex jirriflettu kull differenza fil-politiki dwar il-kontabilità), sakemm ma jkunx hemm evidenza oġġettiva li dawk l-estimi kien fihom xi żball.

15

Entità tista' tirċievi informazzjoni wara d-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs dwar estimi li hija kienet għamlet skont il-GAAP preċedenti. Skont il-paragrafu 14, entità għandha tittratta l-irċevuta ta’ dik l-informazzjoni bl-istess mod bħal avvenimenti li ma jeħtiġux aġġustament wara l-perijodu ta’ rapportaġġ skont l-IAS 10 Avvenimenti wara l-Perijodu ta’ Rapportaġġ. Pereżempju, nassumu li d-data ta’ tranżizzjoni ta’ entità għall-IFRSs hija l-1 ta’ Jannar 20X4 u informazzjoni ġdida fil-15 ta’ Lulju 20X4 tkun teħtieġ ir-reviżjoni ta’ stima li tkun saret b'mod konformi ma’ GAAP preċedenti fil-31 ta’ Diċembru 20X3. L-entità m’għandhiex tirrifletti dik l-informazzjoni ġdida fil-karta ta’ bilanċ ta’ ftuħ tal-IFRS tagħha (ħlief jekk l-estimi jkunu jeħtieġu aġġustament għal xi differenzi li jista' jkun hemm fil-politiki ta’ kontabilità jew jekk ikun hemm evidenza oġġettiva li l-estimi kienu żbaljati). Minflok, l-entità għandha tirrifletti dik l-informazzjoni ġdida fil-profitt jew telf (jew, jekk xieraq, fi dħul ieħor komplessiv) għas-sena li tintemm fil-31 ta’ Diċembru 20X4.

16

Entità jista' jkollha l-bżonn tagħmel estimi skont l-IFRSs fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs li ma kinux meħtieġa f'dik id-data skont il-GAAP preċedenti. Biex tinkiseb konsistenza mal-IAS 10, dawk l-estimi skont l-IFRSs għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet li kienu jeżistu fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs. B'mod partikolari, l-estimi fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs ta’ prezzijiet tas-suq, rati ta’ mgħax jew ta’ rati tal-kambju għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq f'dik id-data.

17

Il-paragrafi 14-16 japplikaw għar-rapport tal-pożizzjoni tal-bidu mħejji skont l-IFRS. Dawn japplikaw ukoll għal perijodu komparattiv ippreżentat fl-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS, f'liema każ kull referenza għad-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs għandha tkun sostitwita b'referenzi għal tmiem dak il-perijodu komparattiv.

Eżenzjonijiet minn IFRSs oħra

18

Entità tista’ tagħżel li tuża waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Appendiċi C-E. Entità m’għandhiex tapplika dawn l-eżenzjonijiet b’analoġija għal oġġetti oħrajn.

19

Xi eżenzjonijiet fl-Appendiċi C-E jirreferu għall-valur ġust. Meta jiġu ddeterminati l-valuri ġusti skont dan l-IFRS, entità għandha tapplika d-definizzjoni tal-valur ġust fl-Appendiċi A u kwalunkwe gwida aktar speċifika f'IFRSs oħrajn fuq id-determinazzjoni tal-valuri ġusti għall-assi jew l-obbligazzjoni inkwistjoni. Dawk il-valuri ġusti għandhom jirriflettu l-kundizzjonijiet li kienu jeżistu fid-data li għaliha ġew determinati.

PREŻENTAZZJONI U ŻVELAR

20

Dan l-IFRS ma jipprovdix eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni u żvelar f'IFRSs oħrajn.

Informazzjoni Komparattiva

21

Sabiex jikkonformaw mal-IAS 1, l-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS għandhom jinkludu ta’ mill-inqas tliet rapporti tal-pożizzjoni finanzjarja, żewġ rapporti tad-dħul komplessiv, żewġ rapporti separati tal-introjtu (jekk ippreżentati), żewġ rapporti tal-flussi ta’ flus u żewġ rapporti tal-bidliet fl-ekwità u noti relatati, inkluża informazzjoni komparattiva.

Informazzjoni komparattiva u sommarji storiċi mhux tal-IFRS

22

Xi entitajiet jippreżentaw summarji storiċi ta’ informazzjoni magħżula għal perijodi ta’ qabel l-ewwel perijodu li għalih jippreżentaw l-informazzjoni komparattiva sħiħa skont l-IFRSs. Dan l-IFRS ma jeħtieġx taqsiriet bħal dawn biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ rikonoxximent u ta’ valutazzjoni tal-IFRSs. Barra minn dan, xi entitajiet jippreżentaw informazzjoni komparattiva skont il-GAAP preċedenti kif ukoll l-informazzjoni komparattiva mitluba mill-IAS 1. Jekk xi rapporti finanzjarji jkun fihom sommarji storiċi jew informazzjoni komparattiva taħt il-GAAP preċedenti, entità għandha:

(a)

tindika b'mod ċar li l-informazzjoni skont il-GAAP preċedenti bħala li ma kinitx imħejjija skont l-IFRSs; u

(b)

tiżvela n-natura tal-aġġustamenti ewlenin li tagħmilhom konformi mal-IFRSs. L-entità m'għandhiex għalfejn tikkwantifika dawk l-aġġustamenti.

Spjegazzjoni tat-tranżizzjoni għall-IFRSs

23

Entità għandha tispjega kif it-tranżizzjoni mill-GAAP preċedenti għall-IFRSs affettwat il-pożizzjoni finanzjarja rappurtata tagħha, ir-riżultati finanzjarji tagħha u l-flussi ta’ flus tagħha.

Rikonċiljazzjonijiet

24

Biex tkun konformi mal-paragrafu 23, l-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjijin skont l-IFRS għandhom jinkludu:

(a)

ir-rikonċiljazzjonijiet tal-ekwità tagħha hekk kif irrappurtata skont il-GAAP preċedenti mal-ekwità tagħha skont l-IFRSs għaż-żewġ dati li ġejjin:

(i)

data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs; u

(ii)

it-tmiem tal-aħħar perijodu ppreżentat fir-rapporti finanzjarji l-aktar reċenti ta’ entità skont il-GAAP preċedenti;

(b)

rikonċiljazzjoni mad-dħul totali komplessiv tagħha skont l-IFRSs għall-aħħar perijodu fir-rapporti finanzjarji annwali l-aktar reċenti tal-entità. Il-punt tat-tluq għal dik ir-rikonċiljazzjoni għandu jkun id-dħul totali komplessiv skont il-GAAP preċedenti għall-istess perijodu jew, jekk entità ma rrapportatx dak it-total, il-profitt jew telf taħt il-GAAP preċedenti;

(c)

jekk l-entità rrikonoxxiet jew reġġgħet lura xi telf ta’ indeboliment għall-ewwel darba fit-tħejjija tar-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu tagħha skont l-IFRS, l-iżvelar li kien ikun meħtieġ mill-IAS 36 Indeboliment ta’ Assi kieku l-entità rrikonoxxiet dak it-telf ta’ indeboliment jew treġġigħ lura tiegħu fil-perijodu li jibda bid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

25

Ir-rikonċiljazzjonijiet meħtieġa mill-paragrafu 24(a) u (b) għandhom jagħtu dettall suffiċjenti sabiex l-utenti jkunu jistgħu jifhmu l-aġġustamenti materjali għar-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja u r-rapport tad-dħul komplessiv. Jekk entità tkun ippreżentat rapport tal-flussi ta’ flus taħt il-GAAP preċedenti tagħha, hija għandha tispjega wkoll l-aġġustamenti materjali għar-rapport tal-flussi ta’ flus.

26

Jekk entità ssir konxja ta’ xi żbalji magħmula skont il-GAAP preċedenti, ir-rikonċiljazzjonijiet mitluba mill-paragrafi 24(a) u (b) għandhom jiddistingwu l-korrezzjoni ta’ dawk l-iżbalji minn bidliet fil-politiki ta’ kontabilità.

27

IAS 8 ma jittrattax dwar bidliet fil-politiki ta’ kontabilità li jseħħu meta entità tapplika l-IFRSs għall-ewwel darba. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-IAS 8 biex ikunu żvelati l-bidliet fil-politiki ta’ kontabilità ma japplikawx għall-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS.

28

Jekk entità ma kinitx ippreżentat rapporti finanzjarji għal perijodi preċedenti, l-ewwel rapporti finanzjarji tagħha skont l-IFRS għandhom jiżvelaw dak il-fatt.

Klassifikazzjoni ta’ assi finanzjarji jew obbligazzjonijiet finanzjarji

29

Entità għandha permess li tikklassifika assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja rikonoxxuti qabel bħala assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja fil-valur ġust permezz ta’ profitt jew telf jew assi finanzjarju bħala disponibbli għall-bejgħ b’konformità mal-paragrafu D19. L-entità għandha tiżvela l-valur ġust ta’ assi finanzjarji jew obbligazzjonijiet finanzjarji kklassifikati f'kull kategorija fid-data tal-klassifikazzjoni u l-klassifikazzjoni u l-ammont miżmum fil-kotba tagħhom fir-rapporti finanzjarji ta’ qabel.

Użu tal-valur ġust bħala l-kost preżunt

30

Jekk entità tuża valur ġust fil-karta tal-bilanċ tal-bidu tagħha mħejjija skont l-IFRS bħala kost preżunt ta’ xi element ta’ proprjetà, impjant u tagħmir, proprjetà ta’ investiment jew xi assi intanġibbli (ara l-paragrafi D5 u D7), l-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità mħejjija skont l-IFRS għandhom jiżvelaw, għal kull element f'linja tar-rapport tal-pożizzjoni finanzjara tal-bidu mħejjija skont l-IFRS:

(a)

l-aggregat ta’ dawk il-valuri ġusti; u

(b)

l-aġġustament aggregat magħmul fl-ammonti miżmuma fil-kotba rrappurtati skont il-GAAP preċedenti.

L-użu ta’ kost preżunt għal investimenti f’sussidjarji, entitajiet b’kontroll konġunt u kumpaniji assoċjati

31

B’mod simili, jekk entità tuża kost preżunt fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu mħejji skont l-IFRS għal investiment f’sussidjarja, f’entità b’kontroll konġunt jew f’assoċjata fir-rapporti finanzjarji separati tagħha (ara l-paragrafu D15), l-ewwel rapporti finanzjarji separati tal-entità mħejjija skont l-IFRS għandhom jiżvelaw:

(a)

il-kost preżunt aggregat ta’ dawk l-investimenti li għalihom il-kost preżunt ikun l-ammont tagħhom miżmum fil-kotba skont il-GAAP preċedenti;

(b)

il-kost preżunt aggregat ta’ dawk l-investimenti li għalihom il-kost preżunt ikun valur ġust; u

(c)

l-aġġustament aggregat magħmul fl-ammonti miżmuma fil-kotba rrappurtati skont il-GAAP preċedenti.

Rapporti finanzjarji interim

32

Biex tkun konformi mal-paragrafu 23, jekk entità tippreżenta rapport finanzjarju interim skont l-IAS 34 għal parti mill-perijodu kopert mill-ewwel rapporti finanzjarji tagħha mħejjija skont l-IFRS, l-entità għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin minbarra r-rekwiżiti tal-IAS 34:

(a)

Kull rapport finanzjarju interim ta’ dan it-tip għandu jinkludi, jekk l-entità tkun ippreżentat rapport finanzjarju interim għall-perijodu interim paragunabbli tas-sena finanzjarja immedjatament preċedenti:

(i)

rikonċiljazzjoni tal-ekwità tagħha skont il-GAAP preċedenti fi tmiem tal-perijodu interim paragunabbli mal-ekwità tagħha skont l-IFRSs f'dik id-data; u

(ii)

rikonċiljazzjoni mad-dħul totali komplessiv tagħha skont l-IFRSs għal dak il-perijodu interim paragunabbli (kurrenti u tas-sena sa dik id-data). Il-punt tat-tluq għal dik ir-rikonċiljazzjoni għandu jkun id-dħul totali komplessiv skont il-GAAP preċedenti għal dak il-perijodu jew, jekk entità ma rrapportatx dak it-total, il-profitt jew telf taħt il-GAAP preċedenti.

(b)

Minbarra r-rikonċiljazzjonijiet mitluba minn (a), l-ewwel rapport finanzjarju interim ta’ entità skont l-IAS 34 għal parti mill-perijodu kopert mill-ewwel rapporti finanzjarji tagħha mħejjija skont l-IFRS għandu jinkludi r-rikonċiljazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 24(a) u (b) (supplimentati bid-dettalji mitluba mill-paragrafi 25 u 26) jew referenza għal band'oħra għal xi dokument ippubblikat ieħor li jinkludi fih dawn ir-rikonċiljazzjonijiet.

33

L-IAS 34 jeħtieġ għoti ta’ informazzjoni minimu, bażat fuq l-assunzjoni li l-utenti tar-rapport finanzjarju interim għandhom ukoll aċċess għall-aktar rapporti finanzjarji annwali reċenti. Iżda, l-IAS 34 jeħtieġ ukoll li entità tagħti informazzjoni fuq “kull fatt jew operazzjoni li hija materjali biex jinftiehem il-perijodu interim kurrenti”. Għalhekk, jekk min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba ma jkunx żvela, fl-iktar rapporti finanzjarji annwali reċenti skont il-GAAP preċedenti, informazzjoni materjali biex jinftiehem il-perijodu interim kurrenti, ir-rapport finanzjarju interim tiegħu għandu jiżvela dik l-informazzjoni jew jinkludi referenza għal band'oħra għal xi dokument ippubblikat ieħor li jinkludiha.

DATA EFFETTIVA

34

Entità għandha tapplika dan l-IFRS jekk l-ewwel rapporti finanzjarji tagħha skont l-IFRS ikunu għal perijodu li jibda fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa.

35

Entità għandha tapplika l-emendi fil-paragrafi D1(n) u D23 għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara. Jekk entità tapplika l-IAS 23 Kosti tas-Self (kif rivedut fl-2007) għal perijodu aktar bikri, dawk l-emendi għandhom jiġu applikati għal dak il-perijodu aktar bikri.

36

IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji (kif rivedut fl-2008) emenda l-paragrafi 19, C1 u C4(f) u (g). Jekk entità tapplika l-IFRS 3 (rivedut fl-2008) għal perijodu aktar bikri, l-emendi għandhom jiġu applikati wkoll għal dak il-perijodu aktar bikri.

37

IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati (kif emendat fl-2008) emenda l-paragrafi 13 u B7. Jekk entità tapplika l-IAS 27 (rivedut fl-2008) għal perijodu aktar bikri, l-emendi għandhom jiġu applikati wkoll għal dak il-perijodu aktar bikri.

38

Kost ta’ Investiment f’Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt jew Assoċjata (Emendi għall-IFRS 1 u l-IAS 27), maħruġ f’Mejju 2008, żied il-paragrafi 31, D1(g), D14 u D15. Entità għandha tapplika dawk il-paragrafi għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika l-paragrafi għal perijodu aktar bikri, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

39

Il-Paragrafu B7 ġie emendat minn Titjib għall-IFRSs li nħareġ f’Mejju 2008. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2009 jew wara. Jekk entità tapplika l-IAS 27 (rivedut fl-2008) għal perijodu aktar bikri, l-emendi għandhom jiġu applikati wkoll għal dak il-perijodu aktar bikri.

IRTIRAR TAL-IFRS 1 (MAĦRUĠ FL-2003)

40

Dan l-IFRS jieħu post l-IFRS 1 (maħruġ fl-2003 u emendat f’Mejju 2008).

Appendiċi A

Termini mfissra

Din l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS

data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs

Il-bidu tal-iktar perijodu reċenti li għalih entità tippreżenta l-informazzjoni komparattiva sħiħa taħt l-IFRSs fl-ewwel rapporti finanzjarji tagħha mħejji skont l-IFRS.

GAAP preċedenti

Il-bażi tal-kontabilità li min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba kien uża eżatt qabel l-adozzjoni tal-IFRSs.

kost preżunt

Ammont użat bħala sostitut għall-kost jew għall-kost deprezzat f'data partikolari. Id-deprezzament jew amortizzament sussegwenti jassumi li l-entità kienet inizjalment irrikonoxxiet l-assi jew l-obbligazzjoni fid-data partikolari u li l-valur tiegħu/tagħha kien daqs il-kost preżunt.

l-ewwel prospetti finanzjarji mħejjija skont l-IFRS

L-ewwel rapporti finanzjarji annwali fejn entità tadotta l-Istandards Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRSs), permezz ta' dikjarazzjoni espliċita u mingħajr ebda riżerva ta' konformità mal-IFRSs.

l-ewwel perijodu tar-rappurtaġġ ta' IFRS

L-aħħar perijodu ta’ rapportaġġ kopert mill-ewwel rapporti finanzjarji ta’ entità skont l-IFRS.

min jadotta [l-IFRS] għall-ewwel darba

Entità li tippreżenta l-ewwel rapporti finanzjarji tagħha skont l-IFRS.

Rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu skont l-IFRS

Ir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ entità fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs.

Standards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRSs)

L-Istandards u l-Interpretazzjonijiet adottati mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB). Dawn jinkludu:

(a)

Standards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju;

(b)

Standards Internazzjonali tal-Kontabilità; u

(c)

Interpretazzjonijiet żviluppati mill-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC) jew dak li kien il-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjonijiet (SIC).

valur ġust

L-ammont li għalih jista' jiġi skambjat xi assi, jew li bih tiġi ssaldata xi obbligazzjoni, bejn partijiet infurmati u disposti fi tranżazzjoni distakkata.

Appendiċi B

Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni retroattiva ta’ IFRSs oħra

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS

B1

Entità għandha tapplika dawn l-eċċezzjonijiet:

(a)

l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ assi u obbligazzjonijiet finanzjarji (il-paragrafi B2 u B3);

(b)

kontabilità għall-hedging (il-paragrafi B4-B6), u

(c)

interessi bla dritt ta’ kontroll (il-paragrafu B7).

Irtirar tar-rikonoxximent ta’ assi u obbligazzjonijiet finanzjarji

B2

Ħlief kif permess mill-paragrafu B3, min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba għandu japplika r-rekwiżiti ta’ rtirar tar-rikonoxximent fl-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl b’mod prospettiv għal tranżazzjonijiet li jseħħu fl-1 ta’ Jannar 2004 jew wara. Fi kliem ieħor, jekk min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba jirtira r-rikonoxximent ta’ assi finanzjarji mhux derivati jew obbligazzjonijiet finanzjarji mhux derivati taħt il-GAAP ta’ qabel bħala riżultat ta’ tranżazzjoni li seħħet qabel l-1 ta’ Jannar 2004, m’għandux jirrikonoxxi dawk l-assi u obbligazzjonijiet taħt l-IFRSs (għajr meta jikkwalifikaw għal rikonoxximent bħala riżultat ta’ tranżazzjoni jew avveniment li jseħħu wara).

B3

Minkejja l-paragrafu B2, entità tista’ tapplika r-rekwiżiti ta’ rtirar tar-rikonoxximent fl-IAS 39 b’lura minn data li tintgħażel mill-entità, kemm-il darba t-tagħrif meħtieġ biex tapplika l-IAS 39 għal assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji li r-rikonoxximent tagħhom ikun ġie rtirat bħala riżultat ta’ tranżazzjonijiet li saru fil-passat ġew miksuba fiż-żmien li nbdiet il-kontabilità ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

Kontabilità għall-hedging

B4

Kif meħtieġ mill-IAS 39, fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs, entità għandha:

(a)

tkejjel il-valur ġust ta’ kull derivattiv; u

(b)

telimina kull telf u qligħ differit li jirriżulta minn derivattivi li kienu ġew irrappurtati skont il-GAAP preċedenti daqslikieku kienu assi jew obbligazzjonijiet.

B5

Entità m’għandhiex tirrifletti fil-karta tal-bilanċ tal-bidu tagħha mħejjija skont l-IFRS relazzjoni ta’ hedging ta’ tip li ma jikkwalifikax bħala kontabilità għall-hedging skont l-IAS 39 (pereżempju, ħafna relazzjonijiet ta’ hedging fejn l-istrument ta’ hedging huwa strument ta’ flus jew id-dritt ta’ opzjoni bil-miktub; meta l-entrata soġġetta għal hedging tkun f’pożizzjoni netta; jew meta l-hedge ikopri riskju ta’ mgħax f’investiment miżmum sal-maturità). Madankollu, jekk entità indikat pożizzjoni netta bħala oġġett soġġett għal hedging skont il-GAAP preċedenti, hija tista’ tinnomina element individwali f’dik il-pożizzjoni netta bħala oġġett soġġett għal hedging skont l-IFRSs, iżda dan ma tistax tagħmlu aktar tard minn dakinhar tad-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs.

B6

Jekk, qabel id-data ta’ tranżizzjoni għal IFRSs, entità tkun għażlet tranżazzjoni bħala hedge iżda l-hedge ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal kontabilità għall-hedging fl-IAS 39 l-entità għandha tapplika l-paragrafi 91 u 101 tal-IAS 39 (kif rivedut fl-2003) sabiex twaqqaf il-kontabilità għall-hedging. Tranżazzjonijiet konklużi qabel id-data ta’ transazzjoni għal IFRSs m’għandhomx jiġu magħżula b’mod retrospettiv bħala hedges.

Interessi bla dritt ta’ kontroll

B7

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu japplika r-rekwiżiti segwenti tal-IAS 27 (kif emendat fl-2008) b’mod prospettiv mid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs:

(a)

ir-rekwiżit fil-paragrafu 28 li d-dħul totali komplessiv jiġi attribwit lis-sidien tal-kumpanija prinċipali u lill-interessi bla dritt ta’ kontroll anki jekk dan iwassal biex l-interessi bla dritt ta’ kontroll ikollhom bilanċ negattiv;

(b)

ir-rekwiżiti fil-paragrafi 30 u 31 għall-kontabilità tal-bidliet fl-interess proprjetarju tal-kumpanija prinċipali f’sussidjarja li ma jirriżultawx f’telf ta’ kontroll; u

(c)

ir-rekwiżiti fil-paragrafi 34-37 għall-kontabilità ta’ telf ta’ kontroll fuq sussidjarja, u r-rekwiżiti relatati tal-paragrafu 8A tal-IFRS 5 Assi mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li Ma Tkomplewx.

Madankollu, jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jagħżel li japplika l-IFRS 3 (kif rivedut fl-2008) b’lura għal kombinamenti ta’ negozji fil-passat, għandu japplika wkoll l-IAS 27 (kif emendat fl-2008) skont il-paragrafu C1 ta’ dan l-IFRS.

Appendiċi C

Eżenzjonijiet għal kombinamenti ta’ negozju

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS. Entità għandha tapplika r-rekwiżiti li ġejjin għal kombinamenti ta’ negozji li l-entità rrikonoxxiet qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

C1

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista’ jagħżel li ma japplikax l-IFRS 3 (kif irrivedut fl-2008) b’lura għal kombinamenti ta’ negozji fil-passat (kombinamenti ta’ negozji li seħħu qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs). Madankollu, jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jiddikjara mill-ġdid xi kombinament ta’ negozji biex tintlaħaq konformità mal-IFRS 3 (kif irrivedut fl-2008), huwa għandu jiddikjara mill-ġdid il-kombinamenti ta’ negozji kollha li jkunu seħħew wara u għandu japplika wkoll l-IAS 27 (kif emendat fl-2008) mill-istess data. Pereżempju, jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jagħżel li jiddikjara mill-ġdid kombinament ta’ negozji li jkun seħħ fit-30 ta’ Ġunju 20X6, huwa għandu jiddikjara mill-ġdid il-kombinamenti ta’ negozji kollha li jkunu seħħu bejn it-30 ta’ Ġunju 20X6 u d-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs, u għandu japplika wkoll l-IAS 27 (emendat fl-2008) mit-30 ta’ Ġunju 20X6.

C2

Entità m’għandhiex għalfejn tapplika l-IAS 21 L-Effetti ta’ Tibdil fir-Rati tal-Kambju b’lura għal aġġustamenti fil-valur ġust jew fl-avvjament li jirriżultaw f’kombinamenti ta’ negozji li jkunu seħħu qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs. Jekk l-entità ma tapplikax l-IAS 21 b’lura għal dawk l-aġġustamenti fil-valur ġust u l-avvjament, hija għandha tittrattahom bħala assi u obbligazzjonijiet tal-entità u mhux bħala assi u obbligazzjonijiet tal-entità li tkun ġiet akkwistata. Għalhekk, dawk l-avvjamenti u aġġustamenti għall-valur ġust jew huma diġà espressi fil-munita funzjonali tal-entità jew huma entrati ta’ munita barranija mhux monetarji, li huma rrappurtati billi tintuża r-rata tal-kambju applikata taħt il-GAAP preċedenti.

C3

Entità tista’ tapplika l-IAS 21 b’mod retrospettiv għal aġġustamenti għall-valur ġust u avvjament li jirriżultaw f’waħda minn dawn:

(a)

il-kombinamenti ta’ negozji kollha li seħħew qabel id-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs; jew

(b)

il-kombinamenti ta’ negozji kollha li l-entità tagħżel li tiddikjara mill-ġdid biex tikkonforma ruħha mal-IFRS 3, kif permess mill-paragrafu C1 iktar ’il fuq.

C4

Jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba ma japplikax l-IFRS 3 b’mod retroattiv għal xi kombinament ta’ negozji fil-passat, dan ikollu l-konsegwenzi li ġejjin fuq dak il-kombinament ta’ negozji:

(a)

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jżomm l-istess klassifikazzjoni (bħala akkwist mill-akkwirent legali, akkwist bil-maqlub mill-akkwiżit legali, jew bħala unjoni ta’ interessi) bħal fir-rapporti finanzjarji preċedenti tiegħu skont il-GAAP.

(b)

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jirrikonoxxi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs li kienu akkwistati jew assunti f’xi kombinament ta’ negozji fil-passat, ħlief għal:

(i)

xi assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji li r-rikonoxximent tagħhom kien irtirat taħt il-GAAP preċedenti (ara l-paragrafu B2); u

(ii)

assi, inkluż avvjament, u obbligazzjonijiet li ma ġewx rikonoxxuti fir-rapport konsolidat tal-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwirent skont il-GAAP preċedenti u li lanqas ma jikkwalifikaw għal rikonoxximent skont l-IFRSs fir-rapport separat tal-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwiżit (ara (f)-(i) hawn isfel).

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jirrikonoxxi kull bidla li tirriżulta billi jaġġusta l-qligħ imfaddal (jew, jekk xieraq, xi kategorija oħra tal-ekwità), kemm-il darba l-bidla tirriżulta mir-rikonoxximent ta’ xi assi intanġibbli li qabel kien inkluż fl-avvjament (ara (g)(i) hawn isfel).

(c)

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jeskludi mir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu mħejji skont l-IFRS kull element rikonoxxut skont il-GAAP preċedenti li ma jikkwalifikax biex jiġi rikonoxxut bħala assi jew obbligazzjoni skont l-IFRSs. Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jagħti rendikont għal bidliet riżultanti skont kif ġej:

(i)

min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista’ jkun ikklassifika kombinament ta’ negozji fil-passat bħala akkwist u rrikonoxxa bħala assi intanġibbli element li ma jikkwalifikax għar-rikonoxximent bħala assi taħt l-IAS 38 Assi Intanġibbli. Huwa għandu jikklassifika mill-ġdid dak l-element (u, jekk ikun hemm, it-taxxa differita u l-interessi relatati bla dritt ta’ kontroll) bħala parti mill-avvjament (ħlief jekk ikun naqqas l-avvjament direttament minn ekwità taħt il-GAAP preċedenti, ara l-paragrafu (g)(i) u (i) hawn isfel).

(ii)

min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jirrikonoxxi kull tibdil ieħor li jirriżulta fil-qligħ imfaddal (1).

(d)

IFRSs jeħtieġu l-valutazzjoni sussegwenti ta’ xi assi u obbligazzjonijiet fuq bażi li mhix ibbażata fuq il-kost oriġinali, bħalma huwa l-valur ġust. Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jivvaluta dawn l-assi u l-obbligazzjonijiet fuq dik il-bażi fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu tiegħu mħejji skont l-IFRS, ukoll jekk kienu ġew akkwistati jew assunti f’kombinament ta’ negozji fil-passat. Għandu jirrikonoxxi kull bidla riżultanti fl-ammont miżmum fil-kotba billi jaġġusta l-qligħ imfaddal (jew, jekk ikun xieraq, kategorija oħra ta’ ekwità), aktar milli avvjament.

(e)

Immedjatament wara l-kombinament ta’ negozji, l-ammont miżmum fil-kotba skont il-GAAP preċedenti ta’ assi akkwistati u obbligazzjonijiet assunti f’dak il-kombinament ta’ negozji għandu jkun il-kost preżunt tagħhom skont l-IFRSs f’dik id-data. Jekk l-IFRSs ikunu jeħtieġu kejl ibbażat fuq il-kost ta’ dawk l-assi u obbligazzjonijiet f’data aktar tard, dak il-kost preżunt għandu jkun il-bażi għal diprezzament jew ammortizzament ibbażat fuq il-kost mid-data tal-kombinament ta’ negozji.

(f)

Jekk xi ass akkwistat, jew xi obbligazzjoni assunta, f’xi kombinament ta’ negozji fil-passat ma kienx rikonoxxut skont il-GAAP preċedenti, m’għandux kost preżunt ta’ żero fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu mħejji skont l-IFRS. Minflok, l-akkwirent għandu jirrikonoxxih u jivvalutah fir-rapport ikkonsolidat tal-pożizzjoni finanzjarja fuq il-bażi meħtieġa mill-IFRSs fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwiżit. Biex nispjegaw: jekk akkwirent ma kienx, skont il-GAAP preċedenti tiegħu, ikkapitalizza l-kirjiet finanzjarji akkwistati f’kombinament ta’ negozji fil-passat, għandu jikkapitalizza dawk il-kirjiet fir-rapporti finanzjarji konsolidati tiegħu, l-istess bħalma kieku l-IAS 17 Kuntratti ta’ Kiri jeħtieġ li l-akkwirent jagħmel fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tiegħu mħejjija skont l-IFRS. Bl-istess mod, jekk l-akkwirent ma kienx, skont il-GAAP preċedenti, irrikonoxxa obbligazzjoni kontinġenti li tkun għadha teżisti fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs, l-akkwirent għandu jirrikonoxxi dik l-obbligazzjoni kontinġenti f’dik id-data ħlief jekk l-IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti jipprojbixxi r-rikonoxximent tiegħu fir-rapporti finanzjarji tal-akkwiżit. Bil-kontra, jekk xi assi jew obbligazzjoni kienu inklużi fl-avvjament skont il-GAAP preċedenti iżda kieku kienu jiġu rikonoxxuti separatament skont l-IFRS 3, dak l-assi jew obbligazzjoni jibqgħu inklużi fl-avvjament kemm-il darba l-IFRSs ma jeħtiġux ir-rikonoxximent tiegħu fir-rapporti finanzjarji tal-akkwiżit.

(g)

L-ammont miżmum fil-kotba tal-avvjament fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu mħejji skont l-IFRS għandu jkun l-ammont miżmum fil-kotba tiegħu skont il-GAAP preċedenti fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs, wara li jsiru ż-żewġ aġġustamenti li ġejjin:

(i)

Jekk mitlub mill-paragrafu (c)(i) hawn fuq, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jżid l-ammont miżmum fil-kotba ta’ avvjament meta jikklassifika mill-ġdid xi element li kien irrikonoxxa bħala assi intanġibbli skont il-GAAP preċedenti. Bl-istess mod, jekk il-paragrafu (f) hawn fuq jeħtieġ li min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jirrikonoxxi xi assi intanġibbli li kien inkluż fl-avvjament skont il-GAAP preċedenti, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jnaqqas l-ammont miżmum fil-kotba fl-avvjament kif meħtieġ (u, jekk ikun applikabbli, jaġġusta t-taxxa diferita u l-interessi bla dritt ta’ kontroll).

(ii)

Irrispettivament minn jekk hemmx xi indikazzjoni li l-avvjament jista’ jkun indebolit, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu japplika l-IAS 36 biex jittestja l-avvjament għal xi indeboliment fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs u fir-rikonoxximent ta’ kull telf minħabba indeboliment fil-qligħ imfaddal (jew, jekk ikun hekk mitlub mill-IAS 36, fil-bilanċ favorevoli minn rivalutazzjoni). Il-test tal-indeboliment għandu jkun ibbażat fuq il-kundizzjonijiet preżenti fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

(h)

Ebda aġġustament ieħor m’għandu jsir lill-ammont miżmum fil-kotba ta’ avvjament fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs. Pereżempju, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba m’għandux jerġa’ jiddikjara l-ammont miżmum fil-kotba ta’ avvjament:

(i)

biex jeskludi r-riċerka u l-iżvilupp li jinsabu għaddejjin akkwistati f’dak il-kombinament ta’ negozji (ħlief jekk l-assi intanġibbli involut jikkwalifika għar-rikonoxximent skont l-IAS 38 fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwiżit);

(ii)

biex jaġġusta ammortizzazzjoni preċedenti tal-avvjament;

(iii)

biex jitreġġgħu lura aġġustamenti tal-avvjament li l-IFRS 3 ma jippermettix, iżda li saru skont il-GAAP preċedenti minħabba aġġustamenti lill-assi u lill-obbligazzjoni bejn id-data tal-kombinament ta’ negozji u d-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

(i)

Jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jkun irrikonoxxa l-valur tal-avvjament taħt GAAP preċedenti bħala tnaqqis minn ekwità:

(i)

m’għandux jirrikonoxxi dak l-avvjament fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu tiegħu mħejji skont l-IFRS. Barra minn dan, m’għandux jikklassifika mill-ġdid dak l-avvjament għal profitt jew telf jekk huwa jiddisponi mill-kumpanija sussidjarja jew jekk l-investiment fil-kumpanija sussidjarja jsir indebolit;

(ii)

aġġustamenti li jirriżultaw minn risoluzzjoni sussegwenti ta’ kontingenza li taffetwa l-korrispettiv tax-xiri għandhom jitqiesu bħala qligħ imfaddal.

(j)

Skont il-GAAP preċedenti tiegħu, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba seta’ ma kienx ikkonsolida kumpanija sussidjarja akkwistata f’kombinament ta’ negozji (pereżempju, minħabba li l-kumpanija prinċipali ma kinitx tqisha bħala kumpanija sussidjarja skont il-GAAP preċedenti jew ma kinitx lestiet rapporti finanzjarji konsolidati). Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba għandu jaġġusta l-ammonti miżmuma fil-kotba tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija sussidjarja għall-ammonti li l-IFRSs ikunu jeħtieġu fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija sussidjarja. Il-kost preżunt tal-avvjament huwa daqs id-differenza fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs bejn:

(i)

l-interess tal-kumpanija prinċipali f’dawk l-ammonti miżmuma fil-kotba aġġustati; u

(ii)

il-valur tal-investiment tal-kumpanija prinċipali fil-kumpanija sussidjarja preżenti fir-rapporti finanzjarji separati tagħha.

(k)

Il-valutazzjoni tal-interessi minoritarji u tat-taxxa differita ssegwi mill-valutazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet oħra. Għalhekk, l-aġġustamenti ta’ hawn fuq għall-assi u l-obbligazzjonijiet rikonoxxuti jaffetwaw l-interessi bla dritt ta’ kontroll u t-taxxa differita.

C5

L-eżenzjoni għal kombinament ta’ negozji fil-passat tapplika wkoll għal akkwiżizzjonijet fl-imghoddi ta’ kumpaniji assoċjati u ta’ interessi f’impriżi konġunti. Barra minn dan, id-data magħżula fil-paragrafu C1 tapplika wkoll għal kull akkwiżizzjoni oħra bħal din.


(1)  Tali bidliet jinkludu riklassifikazzjonijiet minn jew għal assi intanġibbli jekk l-avvjament ma kienx rikonoxxut bħala assi taħt il-GAAP preċedenti. Dan iseħħ jekk taħt il-GAAP preċedenti, l-entità (a) naqqset l-avvjament direttament mill-ekwità jew (b) ma trattatx il-kombinazzjoni ta’ negozji bħala akkwiżizzjoni.

Appendiċi D

Eżenzjonijiet minn IFRSs oħra

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-IFRS

D1

Entità tista' tagħżel li tuża waħda jew iktar mill-eżenzjonijiet li ġejjin:

(a)

tranżazzjonijiet ta’ ħlas ibbażati fuq l-ishma (il-paragrafi D2 u D3);

(b)

kuntratti tal-assigurazzjoni (il-paragrafu D4);

(c)

valur ġust jew rivalutazzjoni bħala l-kost preżunt (il-paragrafi D5-D8);

(d)

kuntratti ta' kiri (il-paragrafu D9);

(e)

benefiċċji tal-impjegati (il-paragrafi D10 u D11);

(f)

differenzi kumulattivi fil-qlib (il-paragrafi D12 u D13);

(g)

investimenti f’sussidjarji, f’entitajiet b’kontroll konġunt u f’kumpaniji assoċjati (il-paragrafi D14 u D15);

(h)

assi u obbligazzjonijiet ta' sussidjarji, kumpaniji assoċjati u impriżi konġunti (il-paragrafi D16 u D17);

(i)

strumenti finanzjarji komposti (il-paragrafu D18);

(j)

id-denomina ta' strumenti finanzjarji rikonoxxuti qabel (il-paragrafu D19);

(k)

il-kejl tal-valur ġust tal-assi finanzjarji jew l-obbligazzjonijiet finanzjarji fl-ewwel rikonoxximent (il-paragrafu D20);

(l)

obbligazzjonijiet ta’ dekummissjonament inklużi fil-kost ta’ proprjetà, impjant u tagħmir (il-paragrafu D21);

(m)

assi finanzjarji jew assi intanġibbli kontabilizzati skont l-IFRIC 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta' Servizz (il-paragrafu D22); u

(n)

kosti ta’ self (il-paragrafu D23).

Entità m'għandiex tapplika dawn l-eżenzjonijiet b'analoġija għal elementi oħra.

Tranżazzjonijiet ta’ pagamenti bbażati fuq l-ishma

D2

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba huwa mħeġġeġ, iżda mhux meħtieġ, li japplika l-IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma għal strumenti azzjonarji mogħtija fis-7 ta' Novembru 2002 jew qabel. Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba hu mħeġġeġ ukoll, iżda mhux meħtieġ, li japplika l-IFRS 2 għal strumenti azzjonarji li kienu ngħataw wara s-7 ta' Novembru 2002 u li ġew vestiti qabel l-aħħar waħda minn dawn iż-żewġ dati: (a) id-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs u (b) l-1 ta' Jannar 2005. Madankollu, jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jagħżel li japplika l-IFRS 2 għal strumenti azzjonarji bħal dawn, jista' jagħmel dan biss jekk l-entità tkun żvelat pubblikament il-valur ġust ta' dawk l-istrumenti azzjonarji, stabbilit fid-data tal-kejl, kif definit fl-IFRS 2. Għall-għotjiet kollha ta’ strumenti azzjonarji li għalihom l-IFRS 2 ma ġiex applikat (eż. strumenti azzjonarji mogħtija fis-7 ta’ Novembru 2002 jew qabel), min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba madankollu għandu jiżvela l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 44 u 45 tal-IFRS 2. Jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jimmodifika t-termini jew il-kundizzjonijiet ta’ għotja ta’ strumenti azzjonarji li għalihom ma ġiex applikat l-IFRS2, l-entità mhijiex meħtieġa li tapplika l-paragrafi 26-29 tal-IFRS 2 jekk il-modifika seħħet qabel id-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs.

D3

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba huwa mħeġġeġ, iżda mhux meħtieġ, li japplika l-IFRS 2 għal obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ta’ ħlas ibbażat fuq ishma li ġew imħallsa qabel id-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs. Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba huwa mħeġġeġ ukoll, iżda mhux meħtieġ, li japplika l-IFRS 2 għal obbligazzjonijiet li ġew imħallsa qabel l-1 ta’ Jannar 2005. Għal obbligazzjonijiet li għalihom jiġi applikat l-IFRS 2, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba mhuwiex meħtieġ li jiddikjara mill-ġdid informazzjoni komparattiva sakemm l-informazzjoni tkun relatata ma' perijodu jew ma' data qabel is-7 ta' Novembru 2002.

Kuntratti tal-assigurazzjoni

D4

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista' japplika d-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni. L-IFRS 4 jirristrinġi bidliet fil-politiki ta' kontabilità għal kuntratti tal-assigurazzjoni, li jinkludu bidliet magħmula minn min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba.

Valur ġust jew rivalutazzjoni bħala kost preżunt

D5

Entità tista' tagħżel li tivvaluta element ta' proprjetà, impjanti u tagħmir fid-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs skont il-valur ġust tagħhom u tuża dak il-valur ġust bħala l-kost preżunt tagħhom f'dik id-data.

D6

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista' jagħżel li juża rivalutazzjoni ta' element ta' proprjetà, impjanti u tagħmir magħmula skont il-GAAP preċedenti fid-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs jew qabel bħala l-kost preżunt fid-data tar-rivalutazzjoni, jekk ir-rivalutazzjoni kienet, fid-data tar-rivalutazzjoni, bejn wieħed u ieħor paragunabbli ma':

(a)

valur ġust: jew

(b)

il-kost jew il-kost deprezzat skont l-IFRSs, aġġustat biex jirrifletti, pereżempju, bidliet f'indiċi ġenerali jew speċifiku tal-prezzijiet.

D7

L-għażliet fil-paragrafi D5 u D6 huma wkoll disponibbli għal:

(a)

proprjetà ta' investiment, jekk entità tagħżel li tuża l-mudell tal-kost fl-IAS 40 Proprjetà għall-Investiment u

(b)

assi intanġibbli li jissodisfaw:

(i)

il-kriterji ta' rikonoxximent fl-IAS 38 (inkluż valutazzjoni affidabbli tal-kost oriġinali); u

(ii)

il-kriterji fl-IAS 38 għar-rivalutazzjoni (inkluża l-eżistenza ta' suq attiv).

Entità m'għandiex tuża dawn l-għażliet għal xi assi jew obbligazzjonijiet oħrajn.

D8

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista' jkun stabbilixxa kost preżunt skont il-GAAP preċedenti għal xi assi u obbligazzjonijiet jew għall-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu billi jkun ivvalutahom skont il-valur ġust tagħhom f'data waħda partikolari minħabba xi avveniment bħal privatizzazzjoni jew offerta inizjali lill-pubbliku. Min ikun għamel hekk ikun jista' juża din il-valutazzjoni tal-valur ġust ikkawżata minn xi avveniment bħala l-kost preżunt għall-IFRSs dakinhar ta' dik il-valutazzjoni.

Kuntratti ta' Kiri

D9

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista' japplika d-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-IFRIC 4 Kif Tiddetermina jekk Arranġament fihx Kuntratt ta' Kera. Għalhekk, min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba jista' jiddetermina jekk arranġament eżistenti fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs fihx kuntratt ta' kera fuq il-bażi tal-fatti u ċirkustanzi eżistenti f'dik id-data.

Benefiċċji tal-Impjegati

D10

Skont l-IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati, entità tista' tagħżel li tuża metodu ta' “kurutur” li ma jirrikonoxxix xi qligħ u telf attwarju. L-applikazzjoni retroattiva ta' dan il-metodu teħtieġ li entità taqsam il-qligħ u t-telf kumulattiv attwarju tagħha mill-bidu nett tal-pjan sad-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs f'porzjon rikonoxxut u porzjon mhux rikonoxxut. Madankollu, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista’ jagħżel li jirrikonoxxi l-qligħ u t-telf attwarju kumulattiv kollu fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs, anki jekk juża l-metodu ta’ kurutur għal qligħ u telf attwarjali li jseħħ wara. Jekk minn jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jagħmel din l-għażla, għandu japplikah għall-pjani kollha.

D11

Entità tista' tiżvela l-ammonti meħtieġa mill-paragrafu 120A(p) tal-IAS 19 minħabba li l-ammonti huma ddeterminati għal kull perijodu ta' kontabilità b'mod prospettiv mid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs.

Differenzi kumulattivi fil-qlib

D12

L-IAS 21 jeħtieġ li entità:

(a)

tirrikonoxxi xi differenzi fil-qlib fi dħul ieħor komplessiv u takkumula dawn f’komponent separat ta’ ekwità; u

(b)

meta tiddisponi minn xi operazzjoni barranija, tikklassifika mill-ġdid id-differenza kumulattiva fil-qlib għal dik l-operazzjoni barranija (inkluż, jekk applikabbli, kull qligħ u telf riżultanti minn hedges relatati) minn ekwità għal profitt jew telf bħala parti mill-qligħ jew telf li jkun sar mid-disponiment.

D13

Madankollu, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba m’għandux għalfejn jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti għal differenzi kumulattivi fil-qlib li kienu jeżistu fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs. Jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba juża din l-eżenzjoni:

(a)

id-differenzi kumulattivi fil-qlib għall-operazzjonijiet barranin kollha għandhom jitqiesu li huma żero fid-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs; u

(b)

il-qligħ jew telf riżultanti minn disponiment sussegwenti ta' xi operazzjoni barranija għandu jeskludi d-differenzi fil-qlib li kien hemm qabel id-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs u għandu jinkludi d-differenzi fil-qlib sussegwenti.

Investimenti f’sussidjarji, entitajiet b’kontroll konġunt u kumpaniji assoċjati

D14

Meta entità tħejji rapporti finanzjarji separati, l-IAS 27 (kif emendat fl-2008) jeħtieġ li hija tkun responsabbli għall-investimenti tagħha f’sussidjarji, f’entitajiet b’kontroll konġunt u f’kumpaniji assoċjati jew:

(a)

skont il-kost jew

(b)

skont l-IAS 39.

D15

Jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jivvaluta tali investiment skont il-kost b’mod konformi mal-paragrafu D14, huwa għandu jivvaluta dak l-investiment fir-rapport separat tal-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu mħejji skont l-IFRS b’wieħed mill-ammonti li ġejjin:

(a)

kost stabbilit skont l-IAS 27 jew

(b)

kost preżunt. Il-kost preżunt ta’ tali investiment għandu jkun:

(i)

il-valur ġust tiegħu (stabbilit skont l-IAS 39) fid-data ta’ tranżizzjoni tal-entità għall-IFRSs fir-rapporti finanzjarji separati tiegħu; jew

(ii)

l-ammont miżmum fil-kotba f’dik id-data skont il-GAAP preċedenti.

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista’ jagħżel (i) jew (ii) hawn fuq biex jivvaluta l-investiment tiegħu f’kull sussidjarja, entità b’kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata li jagħżel li jivvaluta permezz ta' kost preżunt.

Assi u obbligazzjonijiet ta' kumpaniji sussidjarji, kumpaniji assoċjati u impriżi konġunti

D16

Jekk xi kumpanija sussidjarja tadotta l-IFRS għall-ewwel darba aktar tard mill-kumpanija prinċipali tagħha, il-kumpanija sussidjarja għandha, fir-rapporti finanzjarji tagħha, tivvaluta l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha bħala jew:

(a)

l-ammonti miżmuma fil-kotba li suppost jiġu inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-kumpanija prinċipali, ibbażati fuq id-data ta' tranżizzjoni tal-kumpanija prinċipali għall-IFRSs, jekk ma' kien sar l-ebda aġġustament għall-proċeduri ta' konsolidazzjoni u għall-effetti ta' kombinament ta’ negozji li fiha l-kumpanija prinċipali akkwistat il-kumpanija sussidjarja; jew

(b)

l-ammonti miżmuma fil-kotba meħtieġa mill-kumplament ta' dan l-IFRS, ibbażati fuq id-data ta' tranżizzjoni tas-sussidjarja għall-IFRS. Dawn l-ammonti miżmuma fil-kotba jistgħu jvarjaw minn dawk deskritti f'(a):

(i)

meta l-eżenzjonijiet f'dan l-IFRS jirriżultaw f'valutazzjonijiet li jiddependu fuq id-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs.

(ii)

meta l-politiki ta' kontabilità użata fir-rapporti finanzjarji tas-sussidjarja jkunu jvarjaw minn dawk fir-rapporti finanzjarji konsolidati. Pereżempju, is-sussidjarja tista' tuża bħala l-politiki ta' kontabilità tagħha l-mudell tal-kost fl-IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir, waqt li l-grupp jista' juża l-mudell ta' rivalutazzjoni.

Għażla simili hija disponibbli għal kumpanija assoċjata jew impriża konġunta li tadotta l-IFRS għall-ewwel darba aktar tard mill-entità li għandha influwenza sinifikanti jew kontroll konġunt fuqha.

D17

Iżda, jekk entità tadotta l-IFRS għall-ewwel darba aktar tard mill-kumpanija sussidjarja (jew kumpanija assoċjata jew impriża konġunta) tagħha l-istess entità għandha, fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha, tivvaluta l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija sussidjarja (jew kumpanija assoċjata jew impriża konġunta) fl-istess ammonti miżmuma fil-kotba fir-rapporti finanzjarji tal-kumpanija sussidjarja (jew kumpanija assoċjata jew impriża konġunta), wara li jsiru l-aġġustamenti għall-konsolidazzjoni u aġġustamenti fil-kontijiet tal-ekwità u għall-effetti tal-kombinament ta' negozji li fiha l-entità tkun akkwistat il-kumpanija sussidjarja. Bl-istess mod, jekk kumpanija prinċipali tadotta l-IFRS għall-ewwel darba għar-rapporti finanzjarji separati tagħha qabel jew wara ma' tagħmel hekk għar-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha, din għandha tivvaluta l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fl-istess ammonti fiż-żewġ rapporti finanzjarji, ħlief fil-każ ta' aġġustamenti meħtieġa minħabba l-konsolidazzjoni.

Strumenti finanzjarji komposti

D18

L-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni jeħtieġ li entità taqsam strument finanzjarju kompost mill-bidunett f'komponenti separati ta’ obbligazzjoni u ekwità. Jekk il-komponent ta’ obbligazzjoni m'għadux iktar pendenti, l-applikazzjoni retrospettiva tal-IAS 32 tinvolvi s-separazzjoni f'żewġ porzjonijiet tal-ekwità. L-ewwel porzjon jikkonsisti fi qligħ imfaddal u jirrappreżenta l-interess kumulattiv li jkun akkumula fuq il-komponent ta’ obbligazzjoni. Il-porzjon l-ieħor jirrappreżenta l-komponent oriġinali tal-ekwità. Madankollu, skont dan l-IFRS, min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba m'għandux għalfejn jissepara dawn iż-żewġ porzjonijiet jekk il-komponent tal-obbligazzjoni m’għadux iktar pendenti fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs.

Klassifikazzjoni ta' strumenti finanzjarji rikonoxxuti qabel

D19

L-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl jippermetti li assi finanzjarju jkun ikklassifikat fir-rikonoxximent inizjali bħala disponibbli għall-bejgħ jew strument finanzjarju (kemm-il darba jissodisfa ċerti kriterji) li jkun ikklassifikat bħala assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja fil-valur ġust permezz ta' profitt jew telf. Minkejja dan ir-rekwiżit, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin japplikaw eċċezzjonijiet:

(a)

kull entità għandha permess li tagħmel klassifikazzjoni ta' disponibbli għall-bejgħ fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs.

(b)

entità għandha permess li tiddenomina, fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs, kull assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja skond il-valur ġust permezz ta’ profitt jew telf kemm-il darba l-assi jew l-obbligazzjoni jissodisfaw il-kriterji fil-paragrafu 9(b)(i), 9(b)(ii) jew 11A tal-IAS 39 f’dik id-data.

Il-kejl tal-valur ġust tal-assi finanzjarji jew tal-obbligazzjonijiet finanzjarji fir-rikonoxximent inizjali

D20

Minkejja r-rekwiżiti tal-paragrafi 7 u 9, entità tista' tapplika r-rekwiżiti fl-aħħar sentenza tal-paragrafu tal-IAS 39 il-paragrafu AG76, u l-paragrafu AG76A, f'wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

b'mod prospettiv għal tranżazzjonijiet li saru wara l-25 ta' Ottubru 2002; jew

(b)

b'mod prospettiv għal tranżazzjonijiet li saru wara l-1 ta' Jannar 2004.

Obbligazzjonijiet ta’ dekummissjonament inklużi fil-kost ta’ proprjetà, impjanti u tagħmir

D21

IFRIC 1 Bidliet f’obbligazzjonijiet eżistenti ta’ dekumissjonament, restawr u obbligazzjonijiet simili jeħtieġ bidliet speċifiċi fid-dekumissjonament, restawr u obbligazzjonijiet simili li għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-kost ta’ assi li huma relatati miegħu; l-ammont deprezzabbli aġġustat tal-assi mbagħad jiġi deprezzat prospettivament matul il-bqija taż-żmien ta’ utilità tiegħu. Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba m’għandux għalfejn jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti għal bidliet f’tali obbligazzjonijiet li seħħu qabel id-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs. Jekk min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba juża din l-eżenzjoni, huwa għandu:

(a)

jivvaluta l-obbligazzjoni fid-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs b'konformità mal-IAS 37;

(b)

sal-punt li l-obbligazzjoni tinsab fl-ambitu tal-IFRIC 1, jagħti stima tal-ammont li kieku kien ikun inkluż fil-kost tal-assi relatat meta l-obbligazzjoni seħħet għall-ewwel darba, billi titnaqqas l-obbligazzjoni sa dik id-data bl-użu tal-aħjar stima tar-rata(i) tal-iskont aġġustata għar-riskji storiċi, li kieku kellhom jiġu applikati għal dik l-obbligazzjoni matul dak il-perijodu ta' żmien; u

(c)

jikkalkula d-deprezzament akkumulat fuq dak l-ammont, sad-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs, fuq il-bażi tal-istima preżenti taż-żmien tal-utilità tal-assi, bl-użu tal-politika ta’ deprezzament adottata mill-entità skont l-IFRSs.

Assi finanzjarji jew assi intanġibbli kontabilizzati skont l-IFRIC 12

D22

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista’ japplika d-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-IFRIC 12.

Kosti tas-self

D23

Min jadotta l-IFRS għall-ewwel darba jista’ japplika d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-paragrafi 27 u 28 tal-IAS 23, kif riveduti fl-2007. F’dawk il-paragrafi r-referenzi għad-data effettiva għandhom jiġu interpretati bħala l-1 ta’ Lulju 2009 jew id-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs, skont liema tiġi l-aħħar.

Appendiċi E

Eżenzjonijiet għal żmien qasir mill-IFRSs

Din l-appendiċi hija parti integrali mill-IFRS

[Appendiċi rriżervata għal eżenzjonijiet għal żmien qasir li jistgħu jingħataw fil-futur]


Top