Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0733

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 733/2009 tal- 11 ta’ Awwissu 2009 li jadotta miżuri ta’ emerġenza għas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-ftuħ tax-xiri tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-perjodu bejn l- 1 ta’ Settembru 2009 u t- 30 ta’ Novembru 2009

    ĠU L 208, 12.8.2009, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/733/oj

    12.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 208/5


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 733/2009

    tal-11 ta’ Awwissu 2009

    li jadotta miżuri ta’ emerġenza għas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma tal-ftuħ tax-xiri tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2009 u t-30 ta’ Novembru 2009

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 191, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-prezzijiet tas-suq dinji għall-prodotti tal-ħalib ċedew b’mod notevoli minħabba żieda fil-provvista dinjija u tnaqqis fid-domanda f’konnessjoni mal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-prezzijiet tas-suq Komunitarju għall-prodotti tal-ħalib waqgħu b’mod sinifikanti. B’riżultat ta’ kombinazzjoni ta’ miżuri tas-suq li ttieħdu fil-bidu ta’ din is-sena l-prezzijiet komunitarji stabbilizzaw ruħhom fil-livelli tal-prezz tal-appoġġ. Jeħtieġ li dawn il-miżuri ta’ appoġġ għas-suq, partikolarment l-intervent pubbliku, ikomplu japplikaw sakemm ikun hemm in-neċessità sabiex jiġi evitat deterjorament ulterjuri fil-prezzijiet u tfixkil fis-suq Komunitarju.

    (2)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq kurrenti u prevedibbli huwa meħtieġ li l-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat ikompli wara l-31 ta’ Awwissu 2009.

    (3)

    Il-Kummissjoni għamlet proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar estensjoni għall-2009 u l-2010 tal-perjodu għall-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat kif ipprovdut fl-Artikolu 11(e) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li ntlaqgħet tajjeb mill-Kunsill.

    (4)

    Fid-dawl tal-urġenza li biha dawn il-miżuri jridu jittieħdu peress li l-perjodu tal-intervent jagħlaq fil-31 ta’ Awwissu 2009 u l-problema prattika li, wara l-elezzjonijiet riċenti, il-Parlament Ewropew x’aktarx ma jkunx fil-pożizzjoni li joffri opinjoni fi żmien xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa ta’ emerġenza.

    (5)

    L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2008 (2) jistabbilixxi r-regoli li għandhom jitħarsu meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li x-xiri tal-butir għandu jsir skont proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

    (6)

    L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2001 (3) jistabbilixxi r-regoli li għandhom jitħarsu meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li x-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat għandu jsir skont proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

    (7)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni speċjali fis-suq tal-ħalib u sabiex is-sistema tkun aktar effiċjenti, huwa xieraq li, permezz ta’ deroga mir-Regolamenti (KE) Nru 214/2001 u (KE) Nru 105/2008, il-frekwenza tas-sejħiet għall-offerti tiżdied għal darbtejn fix-xahar.

    (8)

    Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, dan ir-Regolament jipprovdi għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-operaturi u għahekk ma hemmx bżonn ta’ avviż separat għas-sejħa tal-offerti. Sabiex ikun garantit li l-operaturi jkollhom l-aktar informazzjoni aġġornata dwar id-dettalji tal-kuntatt tal-aġenziji tal-ħlas, huwa xieraq li l-informazzjoni tkun ippubblikata b’mezzi aktar effettivi ta’ komunikazzjoni mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (9)

    L-estensjoni tal-perjodu tal-intervent għandha tapplika għall-perjodu limitat ta’ tliet xhur biss - mill-1 ta’ Settembru sat-30 ta’ Novembru 2009.

    (10)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    BUTIR

    Artikolu 1

    Ix-xiri tal-butir bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti hija miftuħa mill-1 ta’ Settembru 2009 sat-30 ta’ Novembru 2009, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 105/2008 u f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    1.   B’deroga mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 105/2008, l-iskadenza għat-tressiq ta’ offerti b’risposta għall-istediniet individwali għall-offerti hija l-11:00 (ħin ta’ Brussell) fl-ewwel u t-tielet nhar ta’ Tlieta tax-xahar.

    F’każ li t-Tlieta tkun festa pubblika, l-iskadenza għandha tkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ qabel.

    L-iskadenza għat-tressiq tal-offerti għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti hija l-1 ta’ Settembru 2009 fis-11.00 (ħin ta’ Brussell).

    2.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 105/2008 mhu se jkun ippubblikat ebda avviż ta’ sejħa għall-offerti (4).

    KAPITOLU II

    TRAB TAL-ĦALIB XKUMAT

    Artikolu 3

    Ix-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat bi proċedura ta’ sejħa għall-offerti hija miftuħa mill-1 ta’ Settembru 2009 sat-30 ta’ Novembru 2009, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 214/2001 u f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    1.   B’deroga mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 214/2001, l-iskadenza għat-tressiq ta’ offerti b’risposta għall-istediniet individwali għall-offerti hija l-11:00 (ħin ta’ Brussell) fl-ewwel u t-tielet Tlieta tax-xahar.

    F’każ li t-Tlieta tkun festa pubblika, l-iskadenza għandha tkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ qabel.

    L-iskadenza għat-tressiq tal-offerti għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti hija l-1 ta’ Settembru 2009 fis-11.00 (ħin ta’ Brussell).

    2.   B’deroga mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 214/2001 mhu se jkun ippubblikat l-ebda avviż ta’ sejħa għall-offerti (4).

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007 p. 1.

    (2)  ĠU L 32, 6.2.2008, p. 3.

    (3)  ĠU L 37, 7.2.2001, p. 100.

    (4)  L-indirizz relevanti tal-aġenziji tal-ħlas huma disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea CIRCA (http://circa.europa.eu/Public/irc/agri/lait/library).


    Top