EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0638

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 638/2009 tat- 22 ta’ Lulju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1145/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 fir-rigward tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali [programmi nazzjonali ta’ ristruttar] għas-settur tal-qoton

ĠU L 191, 23.7.2009, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/638/oj

23.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 638/2009

tat-22 ta’ Lulju 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1145/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 fir-rigward tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali [programmi nazzjonali ta’ ristruttar] għas-settur tal-qoton

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 tat-23 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali [programmi nazzjonali ta’ ristruttar] għas-settur tal-qoton (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 472/2009 (2) jintroduċi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippreżentaw programm abbozzat uniku u modifikat ta’ ristrutturar għal tmien snin. Jeħtieġ li r-regoli ta’ implimentazzjoni jiġu aġġornati ma’ din il-possibbiltà.

(2)

Minħabba l-estensjoni possibbli fit-tul ta żmien tal-programmi, il-perċentwal massimu li jista’ jitħallas fil-forma ta’ self għandu jiżdied. Jeħtieġ li l-kundizzjonijiet għar-rilaxx ta’ titoli marbutin ma’ dan is-self jiġu speċifikati, u għandu jiġi kkjarifikat li ma hemmx bżonn ta’ sigurtajiet għal self li jitħallas wara li jkunu tlestew kompletament il-kompiti relevanti.

(3)

Għal raġunijiet tat-trattament mhux diskriminatorju tal-ħallieġa, jeħtieġ li l-kontrolli msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1145/2008 (3) jkopru l-miżuri kollha elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008.

(4)

Barra minn hekk, għandha tiġi speċifikata r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jivverifikaw ir-rispett tal-impenn li ma jintużax is-sit tal-produzzjoni għall-ħalġ tal-qoton matul perjodu ta’ għaxar snin li jibda mill-mument tal-approvazzjoni tal-applikazzjoni għall-iżmantellar.

(5)

Bil-għan li jiġu ottimizzati l-effetti tal-programmi ta’ ristrutturar, jeħtieġ li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà addizzjonali biex jiffissaw l-ammont tal-għajnuna għall-iżmantellar għal kull tunnellata ta’ qoton mhux maħluġ, flessibbiltà li tqis l-eteroġeneità tal-industrija tal-ħalġ, filwaqt li fi kwalunkwe każ jiġi evitat kumpens żejjed.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1145/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1145/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punti (a), (b), (d), u (e) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, l-Istati Membri jistgħu jħallsu l-benefiċjarji pagament wieħed jew aktar ta’ self. Il-livell ikkombinat tal-pagamenti kollha tas-self ma għandux ikun ogħla minn 87.5 % tan-nefqa eliġibbli.

Il-pagament ta’ self individwali għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ titolu li l-ammont tiegħu huwa ugwali għal 120 % tal-ammont tas-self konċernat.

Meta l-kundizzjonijiet għat-tlestija ta’ miżura jkunu ġew sodisfatti, u wara li jkunu twettqu l-kontrolli msemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 7(1), it-titoli għandhom jiġu rilaxxati u kwlaunkwe pagament addizzjonali ma għandux ikun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ titolu individwali.”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-pagamenti kollha msemmija fil-paragrafi 1 u 2 li jirrelataw għal applikazzjoni partikolari għandhom isiru mhux aktar tard:

(a)

mit-30 ta’ Ġunju tar-raba’ sena wara s-sena tad-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-programmi abbozzati ta’ ristrutturar fuq perjodu ta’ erba’ snin kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

(b)

mit-30 ta’ Ġunju tat-tmien sena wara s-sena tad-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-programmi abbozzati ta’ ristrutturar fuq perjodu ta’ tmien snin kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008;

Il-pagamenti fl-ewwel sena tal-perjodu tal-ipprogrammar għandhom jibdew isiru fis-16 ta’ Ottubru 2009.”

(2)

L-Artikolu 7(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

It-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), il-punti (a), (b), (d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 637/2008, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw fuq il-post kull fabbrika, sit ta’ produzzjoni u benefiċjarju li jirċievi appoġġ taħt il-programm ta’ ristrutturar qabel ma jsir pagament finali, biex jivverifikaw li ntlaħqu l-kundizzjonijiet kollha għall-ksib tal-għajnuna u li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), punti (a), (b), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament tlestew.”

(b)

Jiżdied ir-raba’ s-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk l-impenn imsemmi fl-Artikolu 10(1)(e) huwiex rispettat.”

(3)

Fl-Artikolu 10(1), il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

“(e)

l-impenn bil-miktub li ma jintużax is-sit jew is-siti tal-produzzjoni għall-ħalġ matul perjodu ta’ għaxar snin mill-approvazzjoni tal-applikazzjoni kif imsemmi fil-punt (b).”;

(4)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2, “EUR 100” jinbidel b’ “EUR 190”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 178, 5.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 144, 9.6.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 308, 19.11.2008, p. 17.


Top