Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0479

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Verżjoni kodifikata)

    ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/09/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/479/oj

    10.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 479/2009

    tal-25 ta’ Mejju 2009

    dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

    (Verżjoni kodifikata)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet sub-paragrafu tal-Artikolu 104(14) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea (3) ġie emendat kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

    (2)

    It-tifsira ta’ “gvern”, “żbilanċ” u “investiment” huma mniżżla fil-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv b’referenza għas-Sistema Ewropea ta’ Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA) mibdula mis-Sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (adottata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità u minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ESA 95”) (5). Jeħtieġ li jkun hemm tifsiriet ċari b’referenza għall-kodiċijiet ta’ klassifikazzjoni tal-ESA 95. Dawn it-tifsiriet jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni fil-kuntest tal-armonizzazzjoni meħtieġa fl-istatistika nazzjonali jew għal raġunijiet oħra. Kwalunkwe reviżjoni tal-ESA se tiġi deċiża mill-Kunsill skont ir-regoli dwar il-kompetenza u l-proċedura stabbilita fit-Trattat.

    (3)

    Skond l-ESA, flussi tal-imgħax taħt kuntratti ta’ tpartit u ftehim ta’ forward rate (FRAs) għandhom jiġu kklassifikati fil-kont finanzjarju u jeħtieġu trattament speċifiku rigward id-data trasmessa taħt il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv.

    (4)

    It-tifsira ta’ “dejn” stabbilita fil-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv teħtieġ issir usa’ permezz ta’ referenza għall-kodiċijiet ta’ klassifikazzjoni tal-ESA 95.

    (5)

    Fil-każ ta’ derivati finanzjarji, kif definiti fl-ESA 95, ma hemm l-ebda valur nominali identiku għal dak ta’ strumenti oħra ta’ dejn. Għalhekk, jeħtieġ li d-derivati finanzjarji ma jkunux inklużi mal-obbligazzjonijiet li jiffurmaw id-dejn tal-gvern għall-finijiet tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv. Fir-rigward tal-obbligazzjonijiet li jkunu suġġetti għal ftehim li jiffissa r-rata tal-kambju, għandu jittieħed kont ta’ din ir-rata fil-konverżjoni fil-munita nazzjonali.

    (6)

    L-ESA 95 tipprovdi definizzjoni dettaljata tal-prodott gross domestiku bil-prezzijiet korrenti tas-suq, li tixraq għall-kalkolu tal-proporzjonijiet tal-iżbilanċ tal-gvern għall-prodott gross domestiku u tad-dejn tal-gvern għall-prodott gross dometiku msemmi fl-Artikolu 104 tat-Trattat.

    (7)

    In-nefqa konsolidata fuq l-imgħax tal-gvern hija indikatur importanti għas-sorveljanza tas-sitwazzjoni tal-istimi fl-Istati Membri. Nefqa fuq l-imgħax hija fiha nfisha marbuta intrinsikament mad-dejn tal-gvern. Id-dejn tal-gvern li jrid jiġi rappurtat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri irid ikun konsolidat fis-settur tal-gvern. Il-livelli tad-dejn tal-gvern u tan-nefqa fuq l-imgħax għandhom ikunu konsistenti bejn xulxin. Il-metodoloġija tal-ESA 95 (punt 1.58) tagħraf li, għal ċerti tipi ta’ analiżi, l-aggregati konsolidati huma iktar sinifikanti minn ċifri grossi ġenerali.

    (8)

    Skond kif jgħid il-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, il-Kummissjoni jenħtiġielha li tagħti dettalji ta’ statistika sabiex jintużaw f’dik il-proċedura.

    (9)

    Ir-rwol tal-Kummissjoni, bħala awtorità statistika, f’dak il-kuntest huwa speċifikament eżerċitat mill-Eurostat, f’isem il-Kummissjoni. Bħala d-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq tal-kompiti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja, l-Eurostat huwa meħtieġ jesegwixxi l-kompiti tiegħu skont il-prinċipji ta’ imparzjalità, affidabbiltà, rilevanza, attwalità fin-nefqa, kunfidenzjalità statistika u trasparenza, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/281/KE tal-21 ta’ April 1997 dwar ir-rwol tal-Eurostat rigward il-produzzjoni tal-istatistika Komunitarja (6). L-implementazzjoni mill-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Komunitarji tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji għandha ssaħħaħ il-prinċipju tal-indipendenza professjonali, l-adegwatezza tar-riżorsi u l-kwalità ta’ data statistika.

    (10)

    L-Eurostat huwa responsabbli, f’isem il-Kummissjoni, għall-valutazzjoni tal-kwalità tad-data u għall-fornitura tad-data li tintuża fil-kuntest tal-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/281/KE.

    (11)

    Għandu jiġi stabbilit djalogu permanenti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet statistiċi tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-kwalità kemm tad-data rappurtata mill-Istati Membri kif ukoll tal-kontijiet tas-settur tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata, miġbura skont l-ESA 95.

    (12)

    Jeħtieġ li jkun hemm regoli dettaljati biex jitħejjew fil-ħin u regolarment ir-rapporti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-iżbilanċi tagħhom, ippjanati u attwali, u ta’ kemm ikun id-dejn tagħhom.

    (13)

    Konformement mal-Artikolu 104ċ(2) u (3) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni baġitarja u d-daqs akkumulat ta’ dejn governattiv fl-Istati Membri u teżamina l-konformità mad-dixxiplina baġitarja skont kriterji relatati ma’ żbilanċi tal-gvern u ma’ dejn tal-gvern. Jekk Stat Membru ma jissodisfax ir-rekwiżiti taħt wieħed jew iż-żewġ kriterji, ikun jeħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-fatturi rilevanti kollha. Il-Kummissjoni jkollha teżamina jekk ikunx hemm riskju ta’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    1.   Għall-finijiet tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv u ta’ dan ir-Regolament, it-termini mogħtija fil-paragrafi 2 sa 6 huma definiti skont is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“ESA 95”), adottata bir-Regolament (KE) Nru 2223/96. Il-kodiċijiet ta’ bejn il-parentesi jirriferu għall-ESA 95.

    2.   “Gvern” tfisser is-settur tal-gvern ġenerali (S.13), jiġifieri l-“gvern ċentrali” (S.1311), gvern statali (S.1312), gvern lokali (S.1313) u fondi ta’ sigurtà soċjali (S.1314), bl-esklużjoni ta’ ħidmiet kummerċjali, kif definiti fl-ESA 95.

    It-tħollija barra ta’ ħidmiet kummerċjali tfisser li s-settur tal-gvern ġenerali (S.13) jikkomprendi biss dawk l-unitajiet istituzzjonali li jipproduċu servizzi mhux tas-suq bħala l-attivitá ewlenija tagħhom.

    3.   “Żbilanċ tal-gvern (bilanċ favorevoli)” tfisser is-self missellef nett (self misluf nett) (EDP B.9) tas-settur “gvern ġenerali” (S.13), kif definit fl-ESA 95. L-imgħax kompriż fl-isbilanċ tal-gvern huwa l-imgħax (EDP D.41), kif definit fl-ESA 95.

    4.   “Investiment tal-gvern” tfisser il-formazzjoni ta’ kapital gross fiss (P.51) fis-settur tal-“gvern ġenerali” (S.13), kif definit fl-ESA 95.

    5.   “Dejn tal-gvern” tfisser id-dejn totali gross bil-valur nominali li jifdal fl-aħħar tas-sena tas-settur “gvern ġenerali” (S.13), minbarra dawk l-obbligazzjonijiet li l-assi finanzjarji korrespondenti tagħhom huma miżmuma mis-settur gvern ġenerali (S.13).

    Id-dejn tal-gvern jinbena bl-obbligazzjonijiet tal-gvern ġenerali fil-kategoriji li ġejjin: muniti u depożiti (AF.2); sigurtajiet oħra għajr ishma, minbarra derivati finanzjarji (AF.33) u self (AF.4), kif definiti fl-ESA 95.

    Il-valur nominali ta’ obbligazzjonijiet li jibqgħu fl-aħħar tas-sena huwa l-valur fuq il-wiċċ.

    Il-valur nominali ta’ obbligazzjonijiet magħquda ma’ indiċi jikkorrespondi għall-valur fuq il-wiċċ tagħha aġġustat bil-bidla relatata mal-indiċi fil-valur tal-kapital prinċipali milħuq sal-aħħar tas-sena.

    Obbligazzjonijiet denominati f’muniti barranin, jew skambjati minn munita barranija permezz ta’ ftehim kontrattwali għal munita barranija oħra jew iktar għandhom jiġu konvertiti f’dawn il-muniti barranin l-oħra bir-rata miftiehma f’dawn il- kuntratti u għandhom jinqalbu fil-munita nazzjonali fuq bażi tar-rata ta’ kambju rappreżentattiva tas-suq li tipprevali fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ kull sena.

    Obbligazzjonijiet denominati fil-munita nazzjonali u skambjati permezz ta’ ftehimijiet kontrattwali għal munita barranija għandhom jiġu konvertiti fil-munita barranija bir-rata miftiehma f’dawn il-kuntratti u għandhom jinqalbu fil-munita nazzjonali fuq bażi tar-rata rappreżentattiva tal-kambju tas-suq kif tipprevali fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ kull sena.

    Obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija u skambjati permezz ta’ ftehim kontrattwali għal munita nazzjonali għandhom jiġu konvertiti fil-munita nazzjonali skont ir-rata miftiehma f’dawn il-kuntratti.

    6.   “Prodott gross domestiku” tfisser il-prodott grossdomestiku fil-prezzijiet kurrenti tas-suq (PGD mp) (B.1*g), kif definit fl-ESA 95.

    Artikolu 2

    1.   “L-iżbilanċ ippjanat tal-gvern u ċ-ċifri tal-livell ta’ dejn tal-gvern” tfisser dawk iċ-ċifri stabbiliti għas-sena kurrenti mill-Istati Membri. Huma għandhom ikunu l-previżjonijiet uffiċjali l-iktar reċenti, b’kont meħud tad-deċiżjonijiet l-iktar reċenti dwar il-budget u tal-iżviluppi u l-prospetti ekonomiċi. Huma għandhom ikunu prodotti fl-iqsar żmien possibbli qabel l-iskadenza tat-terminu perentorju għar-rappurtar.

    2.   “Iċ-ċifri attwali tal-iżbilanċ tal-gvern u tal-livell ta’ dejn tal-gvern” tfisser ir-riżultati stmati, provviżorji, semi-finalizzati jew finali għal sena li tkun għaddiet. Id-data ppjanata flimkien mad-data attwali għandhom jiffurmaw serje kronoloġika konsistenti fir-rigward tad-definizzjonijiet u l-kunċetti.

    KAPITOLU II

    REGOLI U PUBBLIKAZZJONI TA’ RAPPORTI

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-iżbilanċi ppjanati u attwali tal-gvern u l-livelli ta’ dejn tal-gvern tagħhom darbtejn fis-sena, l-ewwel darba qabel l-1 ta’ April tas-sena kurrenti (sena n) u t-tieni darba qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena n.

    L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) liema Awtoritajiet Nazzjonali jkunu responsabbli għar-rappurtar fil-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv.

    2.   Qabel l-1 ta’ April tas-sena n, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat) l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern tagħhom għas-sena n, stima aġġornata tal-iżbilanċ attwali tal-gvern tagħhom għas-sena n–1 u l-iżbilanċi attwali tal-gvern tagħhom għas-snin n–2, n–3 u n–4;

    (b)

    fl-istess waqt jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) d-data ppjanata minnhom għas-sena n u d-data attwali għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 tal-iżbilanċi korrispondenti fl-estimi fil-kontijiet pubbliċi tagħhom skont id-definizzjoni mogħtija l-aktar prominenza f’pajjiżhom u skont iċ-ċifri li jispjegaw it-transizzjoni bejn l-iżbilanċ fl-estimi fil-kontijiet pubbliċi u l-iżbilanċ tal-gvern tagħhom għas-sub-settur S.1311;

    (ċ)

    fl-istess waqt jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) d-data attwali tagħhom għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 tal-bilanċi operattivi korrispondenti tagħhom u biċ-ċifri li jispjegaw it-transizzjoni bejn il-bilanċi operattivi ta’ kull sub-settur tal-gvern u l-iżbilanċ tal-gvern tagħhom għas-sub-setturi S.1312, S.1313 u S.1314;

    (d)

    jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat) il-livell ippjanat minnhom tad-dejn tal-gvern fl-aħħar tas-sena n u l-livelli tagħhom tad-dejn attwali tal-gvern fl-aħħar tas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4;

    (e)

    fl-istess waqt jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat), għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4, iċ-ċifri li jispjegaw il-kontribut tal-iżbilanċ tal-gvern u fatturi oħra rilevanti għall-varjazzjoni fil-livell tad-dejn tal-gvern tagħhom għal kull subsettur.

    3.   Qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena n, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni (Eurostat):

    (a)

    l-iżbilanċ ippjanat tal-gvern aġġornat minnhom għas-sena n u l-iżbilanċi attwali tal-gvern tagħhom għas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4 u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti punti (b) u (c) tal-paragrafu 2;

    (b)

    il-livell ippjanat tad-dejn tal-gvern aġġornat minnhom fl-aħħar tas-sena n u l-livelli tad-dejn attwali tal-gvern tagħhom fl-aħħar tas-snin n–1, n–2, n–3 u n–4, u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti punt (e) tal-paragrafu 2.

    4.   Iċ-ċifri tal-iżbilanċ ippjanat tal-gvern kif rappurtat lill-Kummissjoni (l-Eurostat) skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom jintwerew fil-munita nazzjonali u skont is-snin tal-estimi.

    Iċ-ċifri tal-iżbilanċ attwali tal-gvern u tal-livell tad- dejn attwali tal-gvern kif rappurtati lill-Kummissjoni (l-Eurostat) skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom jintwerew fil-munita nazzjonali u skont is-snin kalendarji, ħlief għall-istimi aġġornati għas-sena n-1, li tista’ tintwera skont is-snin tal-estimi.

    Meta is-sena tal-estimi ma tkunx taqbel mas-sena kalendarja, l-latati Membri għandhom ukoll jirrappurtaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) ċ-ċifri tagħhom tad-dejn attwali tal-gvern u kemm kien id-dejn attwali tal-gvern għas-sentejn tal-estimi qabel is-sena kurrenti tal-estimi.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(1), (2) u (3), jagħtu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) iċ-ċifri tan-nefqa tal-gvern tagħhom f’investimenti u nefqa fuq l-imgħax (konsolidata).

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) tbassir dwar il-prodott gross domestiku tagħhom għas-sena n u l-ammont attwali tal-prodott gross domestiku tagħhom għas-snin n-1, n-2, n-3 u n-4, fl-istess żmien kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

    Artikolu 6

    1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat), hekk kif issir disponibbli, b’kull reviżjoni ewlenija fiċ-ċifri, li jkunu diġà rappurtati, tal-iżbilanċ u tad-dejn attwali u ppjanati tal-gvern.

    2.   Ir-reviżjonijiet ewlenien fiċ-ċifri attwali tal-iżbilanċ u tad-dejn diġà rappurtati għandhom jiġu dokumentati adegwatament. F’kull każ, ir-reviżjonijiet li bihom jiġu maqbuża l-valuri ta’ referenza kif speċifikati fil-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, jew ir-reviżjonijiet li jfissru li d-data ta’ Stat Membru ma għadhomx jaqbżu l-valuri ta’ referenza, għandhom jiġu rappurtati u dokumentati adegwatament.

    Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom jippubblikaw id-data attwali tal-iżbilanċ u tad-dejn u data oħra tas-snin ta’ qabel rappurtati lill-Kummissjoni (l-Eurostat) skont l-Artikoli 3 sa 6.

    KAPITOLU III

    KWALITÀ TAD-DATA

    Artikolu 8

    1.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha regolarment tivvaluta l-kwalità kemm tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri kif ukoll tal-kontijiet tas-settur tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata, miġbura skont l-ESA 95 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “kontijiet tal-gvern”). Il-kwalità tad-data attwali tfisser konformità mar-regoli tal-kontabilità, kompletezza, affidabbiltà, puntwalità, u konsistenza tad-data statistika. Il-valutazzjoni ser tiffoka fuq oqsma speċifikati fl-inventarji tal-Istati Membri bħad-delimitazzjoni tas-settur tal-gvern, il-klassifikazzjoni tat-transazzjonijiet u tal-obbligazzjonijiet tal-gvern, u ż-żmien ta’ reġistrazzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat), fil-pront kemm jista’ jkun, l-informazzjoni statistika rilevanti mitluba għall-ħtiġijiet tal-valutazzjoni tal-kwalità tad-data, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità statistika tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar Statistika tal-Komunità (7).

    “Informazzjoni dwar l-istatistika” imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun limitata għall-informazzjoni strettament meħtieġa biex tiġi kontrollata l-konformità mar-regoli tal-ESA. B’mod partikolari, informazzjoni dwar l-istatistika tfisser:

    (a)

    data minn Kontijiet Nazzjonali;

    (b)

    inventarji;

    (ċ)

    tabelli ta’ notifika tal-EDP;

    (d)

    kwestjonarji u kjarifiki addizzjonali relatati man-notifiki.

    Il-format tal-kwestjonarji għandu jiġi definit mill-Kummissjoni (l-Eurostat) wara konsultazzjoni tal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ is-“CMFB”).

    3.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri. Ir-rapport għandu jindirizza l-valutazzjoni ġenerali tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri fir-rigward tal-konformità mar-regoli tal-kontabilità, tal-kompletezza, tal-affidabbiltà, tal-puntwalità, u tal-konsistenza tad-data.

    Artikolu 9

    1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) b’inventarju dettaljat tal-metodi, proċeduri u sorsi użati sabiex tinġabar id-data tal-iżbilanċ u tad-dejn attwali u tal-kontijiet tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata.

    2.   L-inventarji għandhom jitħejjew skont linji gwida adottati mill-Kummissjoni (l-Eurostat) wara konsultazzjoni mas-CMFB.

    3.   L-inventarji għandhom jiġu aġġornati wara reviżjonijiet fil-metodi, fil-proċeduri u fis-sorsi adottati mill-Istati Membri sabiex tinġabar id-data statistika tagħhom.

    4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-inventarji tagħhom pubbliċi.

    5.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jistgħu jiġu ttrattati fiż-żjarat imsemmija fl-Artikolu 11.

    Artikolu 10

    1.   Fl-eventwalità ta’ dubju rigward l-implementazzjoni korretta tar-regoli ta’ kontabbiltà tal-ESA 95, l-Istat Membru konċernat għandu jitlob kjarifika mill-Kummissjoni (l-Eurostat). Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha minnufih teżamina l-kwistjoni u tikkomunika l-kjarifika tagħha lill-Istat Membru konċernat u, meta xieraq, lis-CMFB.

    2.   Għal każijiet li, fil-fehma tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru konċernat, ikunu komplessi jew ta’ interess ġenerali, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta lis-CMFB. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tagħmel id-deċiżjonijiet pubbliċi, flimkien mal-opinjoni tas-CMFB, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relattivi għall-kunfidenzjalità tal-istatistika tar-Regolament (KE) Nru 322/97.

    Artikolu 11

    1.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet statistiċi tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha twettaq fl-Istati Membri kollha żjarat regolari ta’ djalogu, kif ukoll żjarat metodoloġiċi eventwali.

    2.   Iż-żjarat ta’ djalogu huma maħsuba sabiex jirrevedu d-data rappurtata, sabiex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi, sabiex jiġu diskussi proċessi u sorsi statistiċi deskritti fl-inventarji, u sabiex tiġi valutata l-konformità mar-regoli tal-kontabilità. Iż-żjarat ta’ djalogu għandhom jintużaw sabiex jiġu identifikati riskji jew problemi potenzjali dwar il-kwalità tad-data rappurtata.

    3.   Iż-żjarat metodoloġiċi ma għandhomx imorru lil hinn mill-qasam purament statistiku. Dan għandu jiġi rifless fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12.

    Iż-żjarat metodoloġiċi huma maħsuba sabiex jiġu sorveljati l-proċessi u l-kontijiet tal-gvern li jiġġustifikaw id-data attwali rappurtata u sabiex jitfasslu konklużjonijiet dettaljati dwar il-kwalità tad-data rappurtata, kif definit fl-Artikolu 8(1).

    Iż-żjarat metodoloġiċi għandhom isiru biss f’każijiet fejn jiġu identifikati riskji sostanzjali jew problemi potenzjali fil-kwalità tad-data, b’mod speċjali fejn dawn jolqtu l-metodi, il-kunċetti u l-klassifikazzjoni applikati għad-data li l-Istati Membri huma obbligati li jirrappurtaw.

    4.   Meta torganizza żjarat ta’ djalogu u metodoloġiċi, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tittrasmetti l-konklużjonijiet provviżorji tagħha lill-Istati Membri konċernati għall-kummenti tagħhom.

    Artikolu 12

    1.   Meta twettaq żjarat metodoloġiċi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista’ titlob l-għajnuna ta’ esperti nazzjonali tal-kontabilità, proposti minn Stati Membri oħra fuq bażi volontarja, u ta’ uffiċjali minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni.

    Il-lista ta’ esperti tal-kontijiet nazzjonali li minnha l-Kummissjoni (l-Eurostat) tista’ titlob assistenza, għandha tkun kostitwita abbażi ta’ proposti mibgħuta lill-Kummissjoni (l-Eurostat) mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rappurtar tal-iżbilanċ eċċessiv.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw iż-żjarat metodoloġiċi. Dawk iż-żjarat għandhom ikunu limitati għall-awtoritajiet nazzjonali involuti fir-rappurtar tal-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw li s-servizzi tagħhom li jkunu involuti direttament jew indirettament fil-produzzjoni tal-kontijiet u d-dejn tal-gvern, u fejn meħtieġ l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li jkollhom responsabbiltà funzjonali għall-kontroll tal-kontijiet pubbliċi, jipprovdu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jew lill-esperti l-oħra msemmija fil-paragrafu (1) bl-għajnuna meħtieġa sabiex iwettqu dmirijiethom, ukoll billi jagħmlu disponibbli dokumenti sabiex tiġi ġustifikata d-data attwali rappurtata dwar l-iżbilanċ u d-dejn u l-kontijiet tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata. Ir-rekords kunfidenzjali tas-sistema statistika nazzjonali għandhom jiġu pprovduti biss lill-Kummissjoni (l-Eurostat).

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali tal-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu faċilitati ż-żjarat metodoloġiċi, l-interlokuturi tal-Kummissjoni (l-Eurostat) għaż-żjarat metodoloġiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu huma, f’kull Stat Membru, is-servizzi responsabbli għar-rappurtar tal-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv.

    3.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tiżgura li l-uffiċjali u l-esperti li jipparteċipaw f’dawn iż-żjarat jissodisfaw kull garanzija fir-rigward ta’ kompetenza teknika, indipendenza professjonali u l-osservanza tal-kunfidenzjalità.

    Artikolu 13

    Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-konklużjonijiet taż-żjarat ta’ djalogu u metodoloġiċi, inkluż kull kumment dwarhom magħmul mill-Istat Membru konċernat. Dawn ir-rapporti flimkien ma’ kull kumment mill-Istat Membru konċernat, wara li jkunu ġew trasmessi lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għandhom isiru pubbliċi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità statistika fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97.

    KAPITOLU IV

    FORNITURA TA’ DATA MILL-KUMMISSJONI

    (L-EUROSTAT)

    Artikolu 14

    1.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi d-data attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tat-termini perentorji tar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 3(1) jew wara r-reviżjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 6(1). Dik il-fornitura ta’ data għandha titwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) ma għandhiex tittardja l-fornitura tad-data attwali tal-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern tal-Istati Membri meta Stat Membru ma jkunx irrapporta d-data proprja tiegħu.

    Artikolu 15

    1.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista’ tesprimi riżerva dwar il-kwalità tad-data attwali rappurtata mill-Istati Membri. Mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol qabel id-data ppjanata għall-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tikkomunika lill-Istat Membru konċernat u lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju r-riżerva li jkollha l-ħsieb li tesprimi u tagħmel pubblika. Fejn il-kwistjoni tiġi solvuta wara l-pubblikazzjoni tad-data u tar-riżerva, l-irtirar tar-riżerva għandu jsir pubbliku immedjatament wara.

    2.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista’ temenda d-data attwali rappurtata mill-Istati Membri u tipprovdi data emendata u ġustifikazzjoni għall-emenda fejn ikun hemm prova li d-data attwali rappurtata mill-Istati Membri mhijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1). Mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol qabel id-data ppjanata għall-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tikkomunika lill-Istat Membru konċernat u lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju d-data emendata u l-ġustifikazzjoni għall-emenda.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 16

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data attwali rappurtata lill-Kummissjoni (l-Eurostat) tkun provduta skont il-prinċipji stabbiliti bl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97. F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet statistiċi nazzjonali tkun li jiżguraw konformità tad-data rappurtata mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u mar-regoli ta’ kontabilità tal-ESA 95 li fuqhom tkun ibbażata.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-uffiċjali responsabbli għar-rappurtar tad-data attwali lill-Kummissjoni (l-Eurostat) u tal-kontijiet tal-gvern li fuqhom tkun ibbażata jaġixxu skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97.

    Artikolu 17

    Fl-eventwalità ta’ reviżjoni tal-ESA 95 jew ta’ emenda fil-metodoloġija tagħha deċiża mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni skont ir-regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura stabbiliti fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 2223/96, il-Kummissjoni għandha tintroduċi r-referenzi l-ġodda għall-ESA 95 fl-Artikoli 1 u 3 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 18

    Ir-Regolament (KE) Nru 3605/93 hu b’dan imħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II.

    Artikolu 19

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ŠEBESTA


    (1)  Opinjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 88, 9.4.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

    (4)  Ara l-Anness I.

    (5)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

    (6)  ĠU L 112, 29.4.1997, p. 56.

    (7)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.


    ANNESS I

    Regolament imħassar flimkien mal-emendi suċċessivi tiegħu

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93

    (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7)

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 475/2000

    (ĠU L 58, 3.3.2000, p. 1)

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 351/2002

    (ĠU L 55, 26.2.2002, p. 23)

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005

    (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1)


    ANNESS II

    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Regolament (KE) Nru 3605/93

    Dan ir-Regolament

    Sezzjoni 1

    Kapitolu I

    Artikolu 1(1) sa (5)

    Artikolu 1(1) sa (5)

    Artikolu 2

    Artikolu 1(6)

    Artikolu 3

    Artikolu 2

    Sezzjoni 2

    Kapitolu II

    Artikolu 4(1)

    Artikolu 3(1)

    Artikolu 4(2), l-ewwel sal-ħames inċiż

    Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (e)

    Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni inċiż

    Artikolu 3(3), il-punti (a) u (b)

    Artikolu 4(4)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 5

    Artikolu 4

    Artikolu 6

    Artikolu 5

    Artikolu 7

    Artikolu 6

    Artikolu 8

    Artikolu 7

    Sezzjoni 2a

    Kapitolu III

    Artikolu 8a(1)

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8a(2), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8a(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sar-raba’ inċiż

    Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, punti (a) sa (d)

    Artikolu 8(a)(2), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 8(a)(3)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 8b

    Artikolu 9

    Artikolu 8ċ

    Artikolu 10

    Artikolu 8d, l-ewwel paragrafu, l-ewwel u t-tieni sentenza

    Artikolu 11(1)

    Artikolu 8d, l-ewwel paragrafu, it-tielet sentenza

    Artikolu 11(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 8d, it-tieni paragrafu, l-ewwel u t-tieni sentenza

    Artikolu 11(2)

    Artikolu 8d, it-tieni paragrafu, it-tielet sentenza

    Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 8d, it-tieni paragrafu, ir-raba’ u l-ħames sentenza

    Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8d, it-tielet paragrafu

    Artikolu 11(4)

    Artikolu 8e

    Artikolu 12

    Artikolu 8f

    Artikolu 13

    Sezzjoni 2b

    Kapitolu IV

    Artikolu 8 g

    Artikolu 14

    Artikolu 8h

    Artikolu 15

    Sezzjoni 2ċ

    Kapitolu V

    Artikolu 8i

    Artikolu 16

    Artikolu 8j

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    Artikolu 19

    Anness I

    Anness II


    Top