Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0220

    Regolament (KE) Nru 220/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered, rigward is-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

    ĠU L 87, 31.3.2009, p. 155–156 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/220/oj

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/155


    REGOLAMENT (KE) Nru 220/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta' Marzu 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered, rigward is-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 (3) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill jipprevedi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

    (2)

    Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (5), li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għal adozzjoni ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat b'elementi ġodda mhux essenzjali.

    (3)

    B'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (6) rigward id-Deċiżjoni Nru 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun tapplika għall-atti li huma diġà fis-seħħ u li kienu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, dawn għandhom jiġu adattati skont il-proċeduri applikabbli.

    (4)

    Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, ir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 (7) introduċa biss il-proċedura regolatorja bi skrutinju għal ċerti miżuri ta' implimentazzjoni li kienu kkonċernati mill-emendi. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jkun adottat għall-bqija tas-setgħat ta' implimentazzjoni.

    (5)

    B'mod partikolari l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tapprova testi rapidi, biex testendi ċerti dispożizzjonijiet għal prodotti oħra li joriġinaw minn annimali, biex tadotta regoli tal-implimentazzjoni inkluż il-metodu biex tiġi kkonfermata l-Enċifalopatija Sponġiformi Bovina (BSE) fin-nagħaġ u l-mogħoż, biex temenda l-Annessi u biex tadotta miżuri tranżizzjonali. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (6)

    Huwa wkoll xieraq li, wara l-konferma tal-preżenza ta' enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSE), tiġi limitata l-possibbiltà għal Stati Membri li japplikaw miżuri oħra għal każi biss fejn l-approvazzjoni ta' dawk il-miżuri mill-Kummissjoni tkun ibbażata fuq evalwazzjoni favorevoli tar-riskju filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-miżuri ta' kontroll f'dak l-Istat Membru u li joffru livell ekwivalenti ta' protezzjoni.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jkun emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel kif ġej:

    “It-testijiet rapidi għandhom jiġu approvati għal dan l-għan skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3) u mdaħħla f'kull lista stabbilita fl-Anness X, Kapitolu C, punt 4.”

    (2)

    L-Artikolu 9(3) għandu jinbidel kif ġej:

    “3.   Id-dispożizzjonijiet ta-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punt 5 tal-Anness V, għal ruminanti li ġew sottoposti għal kull test alternattiv li ġie rikonoxxut bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3), sakemm dan it-test ikun elenkat fl-Anness X, fejn ir-riżultati tat-test kienu negattivi.”;

    (3)

    Fl-Artikolu 13(1), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Permezz ta' deroga mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu, Stat Membru jista' japplika miżuri oħra li joffru livell ta' protezzjoni ekwivalenti bbażat fuq evalwazzjoni favorevoli tar-riskju skont l-Artikoli 24a u 25, b'kunsiderazzjoni b'mod partikulari tal-miżuri ta' kontroll f'dak l-Istat Membru, jekk dawk il-miżuri ġew approvati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 24(2).”

    (4)

    L-Artikolu 16(7) għandu jinbidel kif ġej:

    “7.   B'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3), id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 6 jistgħu jiġu estiżi għal prodotti oħra derivati mill-annimali. Regoli għall-implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu b'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 24(2).”

    (5)

    L-Artikolu 20(2) għandu jinbidel kif ġej:

    “2.   Fejn meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, regoli għall-implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-metodu biex tiġi kkonfermata l-BSE f'annimali tal-familji tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandu jiġi adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”

    (6)

    Fl-Artikolu 23, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel kif ġej:

    “Wara konsultazzjoni mal-kumitat xjentifiku adatt dwar kull kwistjoni li jista' jkollha impatt fuq is-saħħa pubblika, l-annessi għandhom jiġu emendati jew supplimentati u kull miżura tranżizzjonali xierqa għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

    (7)

    L-Artikolu 23a għandu jinbidel kif ġej:

    (a)

    Il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “(a)

    approvazzjoni tat-testijiet rapidi msemmija fl-Artikolu 5(3) it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 9(3),”;

    (b)

    Il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu:

    “(k)

    estensjoni għal prodotti oħra li joriġinaw minn annimali tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 16,

    (l)

    adozzjoni tal-metodu biex tiġi kkonfermata l-BSE fin-nagħaġ u l-mogħoż imsemmi fl-Artikolu 20(2),

    (m)

    emenda jew suppliment għall-annessi u adozzjoni ta' kull miżura xierqa tranżitorja msemmija fl-Artikolu 23.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strażburgu, il-11 ta' Marzu 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. VONDRA


    (1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 47.

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2009.

    (3)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (5)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

    (6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.

    (7)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 1.


    Top