EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0179

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 179/2009 tal- 5 ta’ Marzu 2009 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

ĠU L 63, 7.3.2009, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/179/oj

7.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 179/2009

tal-5 ta’ Marzu 2009

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 301/2007 tad-19 ta’ Marzu 2007 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1) ssospenda kompletament, għal perjodu ta’ sentejn, id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana għall-moniters li jużaw it-teknoloġija tal-kristalli likwidi, bil-qies djagonali tal-iskrin ta’ 48,5 cm jew anqas u b’aspett ta’ proporzjon tal-iskrin ta’ 4:3 jew 5:4 u li jista’ jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8528 59 90.

(2)

Dik il-miżura ta’ sospensjoni skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2008.

(3)

Għall-benefiċċju tal-konsumatur, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni u l-espansjoni tal-konsum fi ħdan il-Komunità u sabiex jiġi promoss il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, huwa fl-interess tal-Komunità li s-sospensjoni eżistenti tad-dazji awtonomi tiġi estiża għal sentejn li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2009 u li jiġi mtawwal il-qies djagonali tal-iskrin għal 55,9 cm (22 pulzier) u li jiġu miżjuda l-aspetti ta’ proporzjon l-oħra ta’ 1:1 u 16:10.

(4)

Għall-istess raġunijiet, huwa wkoll fl-interess tal-Komunità li tiġi prevista sospensjoni ta’ sentejn li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2009 għall-moniters suwed u bojod jew monokromi b’qies djagonali tal-iskrin li ma jaqbiżx 77,5 cm (30,5 pulzieri) u bl-istess aspett ta’ proporzjonijiet għall-moniters tal-kulur.

(5)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 (2) għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Minħabba li s-sospensjonijiet previsti f’dan ir-Regolament huma estensjoni tas-sospensjoni introdotta permezz tar-Regolament (KE) Nru 301/2007 li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u ladarba mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jkun hemm interruzzjoni fit-trattament tat-tariffi għall-moniters koperti minn din is-sospensjoni, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fit-Tieni Parti, Taqsima XVI, Kapitolu 85, tal-Anness I, it-test fil-kolonna 3 għall-kodiċi NM 8528 59 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“14 (*)

(*)  Id-dazju doganali sospiż b’mod awtonomu, sal-31 ta’ Diċembru 2010, għal moniters bojod u suwed jew monokromi oħrajn, li jużaw it-teknoloġija tal-kristalli likwidi, mgħammra b’konnettur Interface Viżiva Diġitali (DVI) jew b’konnettur VGA jew bit-tnejn li huma b’qies djagonali tal-iskrin li ma jaqbiżx 77,5 cm (jiġifieri 30,5 pulzieri), b’aspett ta’ proporzjon ta’ 1:1, 4:3, 5:4 jew 16:10, b’riżoluzzjoni tat-tikek (pixels) li taqbeż 1.92 mega tikek, u b’dot pitch li ma taqbiżx 0,3 mm.(kodiċi TARIC 8528591010)”;"

(2)

Fit-Tieni Parti, Taqsima XVI, Kapitolu 85, tal-Anness I, it-test fil-kolonna 3 għall-kodiċi NM 8528 59 90 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“14 (**)

(**)  Id-dazju doganali sospiż b’mod awtonomu, sal-31 ta’ Diċembru 2010, għal moniters tal-kulur, li jużaw it-teknoloġija tal-kristalli likwidi, b’qies djagonali tal-iskrin li ma jaqbiżx 55,9 cm (jiġifieri 22 pulzier), b’aspett tal-proporzjon ta’ 1:1, 4:3, 5:3 jew 16:10. (kodiċi TARIC 8528599040)”;"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ŘÍMAN


(1)  ĠU L 81, 22.3.2007, p. 11.

(2)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.


Top