Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0046

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 46/2009 tat- 18 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro

ĠU L 17, 22.1.2009, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/46/oj

22.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 17/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 46/2009

tat-18 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari it-tielet sentenza tal-Artikolu 123(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 (2) jipprojbixxi l-midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro. L-esperjenza li nkisbet bl-implimentazzjoni tal-projbizzjoni ta’ midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro enfasizzat il-ħtieġa li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet protettivi u li tagħmel il-proċess deċiżjonali aktar trasparenti.

(2)

Il-pubbliku in ġenerali jista’ jiġi mqarraq li ċerti midalji jew tokens ikollhom status ta’ valuta legali mhux biss meta jkollhom disinn simili għall-muniti tal-euro, iżda wkoll meta jkollhom ċerti elementi tad-disinji li jidhru fuq dawn il-muniti. Għalhekk, l-elementi speċifiċi tad-disinji li jidhru fuq il-muniti tal-euro li għandhom valuta legali m’għandhomx jiġu riprodotti bil-mod li huma rappreżentati fuq il-muniti tal-euro. Barra minn hekk, is-simboli rappreżentativi tas-sovranità tal-Istat Membru li joħroġ il-muniti m’għandhomx jiġu riprodotti fuq midalji jew tokens bl-istess mod li huma rappreżentati fuq il-muniti tal-euro.

(3)

Wara li kkonsultat l-esperti fil-falsifikazzjoni tal-muniti previsti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar (3), il-Kummissjoni tindika jekk id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 2182/2004 humiex rispettati u jekk oġġett metalliku huwiex midalja jew token.

(4)

Il-kriterji speċifiċi li jiġu applikati mill-Kummissjoni għad-dikjarazzjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni għandhom jiġu ċċarati u stabbiliti.

(5)

Ir-riskju li midalja jew token li fuqha jidhru t-termini “euro”, “ċenteżmu tal-euro” jew is-simbolu tal-euro tiġi mfixkla ma’ munita ta’ valuta legali huwa akbar meta jkun hemm ukoll valur nominali assoċjat ma’ tali midalja jew token. Għalhekk, f’każijiet bħal dawn, l-indikazzjoni “mhix valuta legali” għandha titqiegħed fuq il-wiċċ ta’ fuq jew ta’ taħt tal-midalja jew token konċernata.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 2182/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendamenti

Ir-Regolament (KE) Nru 2182/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4, il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ midalji u tokens, u l-importazzjoni u d-distribuzzjoni tagħhom għall-bejgħ jew għal finijiet kummerċjali oħra, huma pprojbiti fiċ-ċirkostanzi indikati hawn taħt:

(a)

meta t-termini ‘euro’, ‘ċenteżmu tal-euro’ jew is-simbolu tal-euro jidher fuq il-wiċċ tagħhom;

(b)

meta d-daqs tagħhom jaqa’ fl-istrixxa ta’ referenza; jew

(ċ)

meta fuq il-wiċċ hemm disinn simili għal:

(i)

kwalunkwe disinn, jew partijiet minnu, li jidher fuq il-wiċċ ta’ muniti tal-euro, b’mod partikolari t-termini ‘euro’ jew ‘ċenteżmu tal-euro’, it-tnax-il stilla tal-Unjoni Ewropea, ix-xbieha tar-rappreżentazzjoni ġeografika u n-numri, bl-istess mod kif jidhru fuq il-muniti tal-euro;

(ii)

dawk is-simboli li jirrappreżentaw is-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri, bl-istess mod kif inhuma rappreżentati fuq il-muniti tal-euro, b’mod partikolari x-xbiha tal-Kap tal-Istat, l-armi, il-marki taz-zekka, il-marki tal-mastru taz-zekka, l-isem tal-Istat Membru;

(iii)

il-forma jew id-disinn tat-tarf tal-muniti tal-euro; jew

(iv)

is-simbolu tal-euro.

2.   Il-Kummissjoni għandha tindika:

(a)

jekk oġġett metalliku jistax jitqies bħala midalja jew token fis-sens tal-Artikolu 1(c);

(b)

jekk midalja jew token jaqawx fl-ambitu tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, il-kwantitajiet ta’ midalji u tokens prodotti, il-prezz tal-bejgħ, l-ippakkjar, l-iskrizzjonijiet fuq il-midalji u tokens, u r-riklamar li jsir fir-rigward tagħhom.”.

(2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“1.   Il-midalji u t-tokens li fuqhom jidhru t-termini ‘euro’, ‘ċenteżmu tal-euro’ jew is-simbolu tal-euro mingħajr valur nominali assoċjat m’għandhomx ikunu pprojbiti meta d-daqs tagħhom huwa barra mill-istrixxa ta’ referenza, sakemm il-wiċċ m’għandux disinn simili għal wieħed mill-elementi previsti fl-Artikolu 2(1)(c).”.

(3)

L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“Artikolu 4

Derogi b’awtorizzazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu l-użu tat-termini ‘euro’ jew ‘ċenteżmu tal-euro’, jew is-simbolu tal-euro fuq il-wiċċ tal-midalji u tat-tokens, taħt kondizzjonijiet ikkontrollati ta’ użu, sakemm ma hemm l-ebda riskju ta’ konfużjoni. F’każijiet bħal dawn, l-operatur ekonomiku kkonċernat fi Stat Membru għandu jkun identifikabbli b’mod ċar fuq il-wiċċ tal-midalja jew tat-token u, meta l-midalja jew it-token ikollha valur nominali assoċjat, l-indikazzjoni ‘mhijiex valuta legali’ għandha tkun stampata fuq il-wiċċ ta’ fuq jew ta’ taħt tal-midalja jew it-token.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, konformement mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  ĠU C 283, 7.11.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 285.


Top