Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0044

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2009 tat- 18 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar tal-euro

    ĠU L 17, 22.1.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/01/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/44/oj

    22.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 17/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 44/2009

    tat-18 ta' Diċembru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar tal-euro

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Europej, u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 123(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Europew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Europew (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (3) jobbliga lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet oħra relatati kollha sabiex jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti ta’ flus u l-muniti kollha tal-euro li huma rċevew u li dwarhom huma jkunu jafu jew għandhom raġunijiet suffiċjenti biex jaħsbu li huma foloz u biex jgħadduhom lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    (2)

    Huwa importanti li tiġi garantita l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ pagament u aġenti ekonomiċi oħrajn li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna tal-karti ta’ flus u tal-muniti għandhom jikkontrollaw l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro li jirċievu qabel ma joħorġuhom fiċ-ċirkolazzjoni, sakemm ma joriġinawx minn istituzzjonijiet jew persuni oħra li huma wkoll suġġetti għall-obbligi ta’ kontroll jew jekk inġabru minn awtoritajiet awtorizzati li joħorġuhom. L-aġenti ekonomiċi l-oħra, bħan-negozjanti u l-każinò għandhom ikunu soġġetti ugwalment għal dawn l-obbligi meta huma jfornu f’kapaċità anċillari magni awtomatiċi tal-bank (magni għad-distribuzzjoni ta’ flus kontanti), iżda mhux ser ikunu kkonċernati b’attivitajiet li jmorru lil hinn minn dawn sekondarji. Madankollu, dawn l-aġenti ekonomiċi jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw l-organizazzjoni interna tagħhom biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligu li jwettqu kontrolli ta’ awtentiċità. Fir-rigward tal-karti ta’ flus, il-proċeduri ddefiniti għall-Istati Membri li jkunu adottaw l-euro bħala l-munita unika tagħhom jistgħu ugwalment jikkonċernaw l-adegwatezza tal-karti ta’ flus ivverifikati għaċ-ċirkolazzjoni.

    (3)

    Sabiex tiġi vverifikata l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro, l-ewwelnett huwa meħtieġ li t-tagħmir użat għal dan il-fini jiġi aġġustat adegwatament. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-kwantitajiet ta’ karti ta’ flus foloz u ta’ muniti foloz meħtieġa għall-aġġustamenti tat-tagħmir użat għall-kontrolli ta’ awtentiċità jkunu disponibbli fil-post fejn it-tagħmir jiġi ttestjat. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu awtorizzati t-trasferimenti tal-karti ta’ flus u muniti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Europea.

    (4)

    Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Europew (CTSE) ġie stabbilit formalment fi ħdan il-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/861/KE (4) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005/37/KE (5). Id-dispożizzjoni li tipprevedi li s-CTSE jikkomunika data lill-Kummissjoni m’għadhiex meħtieġa.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi

    Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 huwa b’dan emendat kif ġej:

    1.

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt c) huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “(c)

    “istituzzjonijiet ta’ kreditu” għandhom ifissru l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt 1(a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-eżerċizzju tagħhom (*).

    (*)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.”;"

    (b)

    għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(g)

    “fornituri ta’ servizzi ta’ pagament”, għandhom ifissru l-fornituri ta’ sevizzi ta’ pagament msemmija fl-Artikolu 1(1), tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (**).

    (**)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.”;"

    2.

    l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

    “Obbligu tat-trasmissjoni ta’ karti ta’ flus iffalsifikati”;

    (b)

    is-sentenzi li ġejjin għandhom jiżdiedu fit-tmiem tal-paragrafu 2:

    “Biex tkun iffaċilitata l-verifika tal-awtentiċità tal-karti ta’ flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, għandhom ikunu permessi t-trasferimenti ta’ karti ta’ flus foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni Europea. Matul it-trasport, il-karti ta’ flus foloz għandhom ikunu akkumpanjati f’kull ħin minn ordnijiet ta’ trasport li għal dan il-għan jaslu minn awtoritajiet, istituzzjonijiet u korpi msemmijin hawn fuq.”;

    (ċ)

    is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fit-tmiem tal-paragrafu 3:

    “Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jittrasmettu lis-CAN, u, jekk ikun il-każ, lill-BĊE, biex jeżaminaw jew jivverifikaw, parti minn lott ta’ dawn il-karti ta’ flus.”.

    3.

    l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

    “Obbligu tat-trasmissjoni ta’ muniti ffalsifikati”;

    (b)

    is-sentenzi li ġejjin għandhom jiżdiedu fit-tmiem tal-paragrafu 2:

    “Sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-awtentiċità tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, huma awtorizzati t-trasferimenti ta’ muniti foloz bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Europea. Matul it-trasport, il-muniti foloz għandhom ikunu akkumpanjati f’kull ħin minn ordnijiet ta’ trasport li għal dan il-għan jaslu minn awtoritajiet, istituzzjonijiet u korpi msemmijin hawn fuq.”;

    (c)

    is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fit-tmiem tal-paragrafu 3:

    “Madankollu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jittrasmettu lis-CNAP, u, jekk ikun il-każ, lis-CTSE, parti minn lott ta’ dawn il-muniti biex jeżaminawh jew jittestjawh.”;

    (d)

    il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “4.   Is-CTSE għandu janalizza u jikklassifika kull tip ġdid ta’ munita euro ffalsifikata. Għal dan il-għan, is-CTSE għandu jkollu aċċess għad-data teknika u ta’ statistika miżmuma fil-BĊE dwar muniti tal-euro ffalsifikati. Is-CTSE għandu jgħaddi r-riżultati finali rilevanti tal-analiżi tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, skont l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi, lill-BĊE. Il-BĊE għandu jgħaddi dan ir-riżultat lill-Europol, f’konformità mal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3.”.

    4.

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

    “Obbligi relattivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti”;

    (b)

    il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, fil-limitu tal-attività ta’ pagament tagħhom, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ pagament, kif ukoll l-aġenti ekonomiċi l-oħra kollha li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti, li jinkludu:

    l-istituzzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu fl-iskambju ta’ karti ta’ flus u muniti ta’ kambji differenti, bħal uffiċji tal-kambju,

    it-trasportaturi ta’ fondi,

    l-aġenti ekonomiċi l-oħra, bħan-negozjanti u l-każinò, involuti b’mod sekondarju fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus permezz ta’ magni bankarji awtomatiċi (magni għad-distribuzzjoni ta’ flus kontanti), fil-limitu ta’ dawn l-attivitajiet sekondarji.

    għandu jkollhom l-obbligu li jiżguraw l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro li jirċievu u jkun bi ħsiebhom li jqiegħdu mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni u li joqogħdu attenti biex jinstabu flus foloz.

    Għall-karti ta’ flus tal-euro, dan il-kontroll għandu jsir f’konformità mal-proċeduri ddefiniti mill-BĊE (***).

    L-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom l-obbligu li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro kollha li jkunu rċevew li jkunu jafu, jew li għandhom biżżejjed raġunijiet għalfejn jaħsbu li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    (***)  Ara l-Qafas għall-kxif ta’ karti tal-flus foloz u ssortjar skond il-kondizzjoni tal-karti tal-flus minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u cash handlers professjonali oħra, disponibbli fis-sit tal-Internet tal-BĊE hawnhekk: http://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/recyclingeurobanknotes2005mt.pdf”;"

    (c)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   B’deroga mid-dispożizzjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, fl-Istati Membri li m’għandhomx l-euro bħala l-munita unika tagħhom, il-kontroll tal-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro għandu jsir:

    jew minn persunal imħarreġ;

    jew minn magna għat-trattament ta’ karti ta’ flus u muniti li tidher fil-lista ppubblikata mill-BĊE (****) għall-karti ta’ flus jew mill-Kummissjoni għall-muniti (*****).

    (****)  Il-lista pubblikata mill-BĊE hija disponibbli fis-sit tal-Internet hawnhekk: http://www.ecb.int/euro/cashhand/devices/results/html/index.fr.html"

    (*****)  Il-lista pubblikata mill-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit tal-Internet hawnhekk: http://ec.europa.eu/anti_fraud/pages_euro/euro-coins/machines.pdf”;"

    (d)

    il-paragrafu 3 jiġi sostitwit bit-test li ġej:

    “3.   Mingħajr preġudizzju għad-dati stabbiliti mill-BĊE għall-applikazzjoni tal-proċeduri definiti minnu, l-Istati Membri għandhom jadottaw, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-BĊE b’dan minnufih.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Europea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha konformement mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BARNIER


    (1)  ĠU C 27, 31.1.2008, p. 1.

    (2)  L-Opinjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija bħala riżultat ta’ konsultazzjoni mhux obbligatorja.

    (3)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigwrad ta’ muniti foloz ta’ l-euro (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 44).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni ta’ l-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti ta’ l-euro mill-iffalsifikar (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73).


    Top