EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0060

Direttiva 2008/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar il-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi tat-tagħbija għat-tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Verżjoni kodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

ĠU L 198, 30.7.2009, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0167

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/60/oj

30.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/15


DIRETTIVA 2008/60/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar il-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi tat-tagħbija għat-tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija

(Verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Mixjin skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 74/152/KEE tal-4 ta’ Marzu 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi għat-tagħbija tat-tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (3) ġiet emendata b’mod sostanzjali diversi drabi (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, id-Direttiva msemmija għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Id-Direttiva 74/152/KEE hija waħda mid-Direttivi separati li għandhom x’jaqsmu mas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip KE maħsuba fid-Direttiva tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija, kif sostitwita mid-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati (5) u li stabbiliet preskrizzjonijiet tekniċi dwar id-disinn u l-kostruzzjoni ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresterija, dwar il-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaforma tat-tagħbija. Dawn il-preskrizzjonijiet tekniċi kkonċernaw l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jippermettu l-applikazzjoni tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip KE prevista mid-Direttiva 2003/37/KE. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/37/KE fir-rigward ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet ta’ dawn il-vetturi japplikaw għal din id-Direttiva.

(3)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   “Muturi tal-ħart agrarji jew tal-foresterija” tfisser kull vettura bil-mutur, mgħammra bir-roti jew caterpillar tracks u li jkollha mill-inqas żewġ fusijiet, li l-funzjoni prinċipali tagħha tkun li jkollha s-saħħa tal-ġibda u li tkun iddisinjata b’mod speċjali biex tiġbed, timbotta, iġġorr jew tħaddem ċerti għodda, makkinarju jew karri maħsuba biex jintużaw għall-agrikoltura jew il-foresterija. Din tista’ tkun mgħammra biex iġġorr xi tagħbija jew passiġġieri.

2.   Din id-Direttiva għandha tgħodd biss għal tratturi definiti fil-paragrafu 1 li jkunu ffittjati b’tyres pnewmatiċi u li jkollhom veloċità massima skont id-disinn ta’ bejn 6 u 40 km/siegħa.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE jew l approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal xi trattur għal raġunijiet li jirrigwardaw il-veloċità massima skont id-disinn jew il-pjattaformi tat-tagħbija jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux joħorġu d-dokument previst fl-Artikolu 2, punt (u), tad-Direttiva 2003/37/KE għal tip ta’ trattur li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li joħorġu approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta’ trattur li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

L-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, jew jipprojbixxu l-bejgħ, id-dħul fis-servizz għall-ewwel darba jew l-użu tat-tratturi għal raġunijiet li jirrigwardaw il-veloċità massima skont id-disinn jew il-pjattaformi tat-tagħbija jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

1.   L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi t-twaħħil tal-pjattaformi tat-tagħbija jew jeħtieġ li t-tratturi ikunu mgħammra b’waħda jew aktar minn dawn il-pjattaformi.

2.   L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi it-tagħbija fuq il-pjattaformi tat-tagħbija tal-prodotti li huma jippermettu li jkunu mgħobbija fuq karri użati għall-għanijiet agrarji jew forestali. Fil-limiti stabbiliti mill-fabbrikant, tagħbija massima ta’ mill-inqas 80 % tal-piż tat-trattur li jkun jaħdem tajjeb tkun awtorizzata.

Artikolu 5

L-emendi meħtieġa biex ir-rekwiżiti tal-Anness I ikunu adattati għall-progress tekniku għadhom ikunu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2003/37/KE.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Id-Direttiva 74/152/KEE, kif emendata mid-Direttivi mniżżla fl-Anness II, il-parti A, hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 37.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 74) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2009.

(3)  ĠU L 84, 28.3.1974, p. 33.

(4)  Anness II, parti A.

(5)  ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.


ANNESS I

1.   Veloċità massima skond id-disinn

1.1.

Għat-testijiet biex ikun approvat it-tip, il-veloċità medja għandha tkun imkejla fuq linja dritta, li t-trattur għandu jsuq fuqha fiż-żewġ direzzjonijiet minn flying start. Il-ħamrija tal-art għandha tkun stabilizzata; l-art għandha tkun lixxa u mill-inqas 100 metru twila; iżda din jista’ jkollha għoljiet ta’ mhux aktar minn 1.5 %.

1.2.

Matul it-test, it-trattur m’għandux ikollu tagħbija u jkun f’kundizzjoni tajba mingħajr ballast weights jew apparat speċjali u l-pressjoni tal-arja tar-roti għandha tkun dik speċifikata għall-użu fit-triq.

1.3.

Matul it-test it-trattur jintrama’ b’roti ġodda pnewmatiċi li għandhom l-ikbar raġġ ta’ tidwir maħsub mill-manufattur għat-trattur.

1.4.

Il-gear ratio użat matul it-test għandu jkun dak li jipproduċi l-veloċità massima tal-vettura u t-throttle għandha tkun miftuħa kollha.

1.5.

Biex jitqiesu diversi żbalji inevitabbli minħabba, b’mod partikolari, it-teknika tal-kejl u ż-żieda fil-veloċità li taħdem biha l-magna b’tagħbija parzjali, veloċità mkejla li taqbeż il-veloċità massima skont id-disinn bi 3 km/siegħa għandha tkun aċċettabbli għat-test tal-approvazzjoni tat-tip.

1.6.

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti għall-approvazzjoni tat-tip tat-tratturi jistgħu jikkalkolaw il-veloċità teoretika massima, il-fabbrikant għandu jispeċifika bħala gwida l-gear ratio, il-moviment ‘il quddiem attwali tar-roti powered ekwivalenti għal dawra waħda sħiħa, u l-rpm (tidwir kull minuta) b’poter massimu ta’ output bit-throttle mifuħ kollu u l-ispeed governor, jekk ikun imwaħħal, aġġustat kif stabbilit mill-fabbrikant.

2.   Pjattaformi tat-tagħbija

2.1.

Iċ-ċentru tal-gravità tal-pjattaforma għandu jkun bejn il-fusijiet.

2.2.

Il-qisien tal-pjattaformi għandhom ikunu tali sabiex:

ma jeċċedix 1.4 darbiet tal-parti ta’ quddiem jew il-parti ta’ wara tat-trattur, skont liema tkun l-ikbar.

ma teċċedix il-wisa’ massima globali tat-trattur mgħammar bl-apparat.

2.3.

Il-pjattaforma għandha titpoġġa simettrikament meta mqabbla mal-pjan medjan lonġitudinali tat-trattur.

2.4.

L-għoli ‘l fuq mill-art tal-pjattaforma m’għandux ikun aktar minn 150 ċm.

2.5.

It-tip tal-pjattaforma u l-mod kif din tkun imwaħħla għandhom ikunu hekk li, b’tagħbija normali, il-firxa tal-viżjoni tas-sewwieq tibqa’ tajba u d-diversi apparat tassattiv tad-dawl u tas-sinjali tad-dawl jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjoni tagħhom kif xieraq.

2.6.

Il-pjattaforma tat-tagħbija għandha tkun li tista’ tinqala’; din għandha tkun imwaħħla mat-trattur b’tali mod li jkun evitat kull riskju li din tista’ tinqala’ aċċidentalment.


ANNESS II

Parti A

Direttiva mħassra flimkien mal-emendamenti suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 7)

Direttiva 74/152/KEE Tal-Kunsill

(ĠU L 84, 28.3.1974, p. 33)

 

Direttiva 82/890/KEE tal-Kunsill

(ĠU L 378, 31.12.1982, p. 45)

Rigward ir-referenzi magħmula fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 74/152/KEE biss

Direttiva 88/412/KEE tal-Kummissjoni

(ĠU L 200, 26.7.1988, p. 31)

 

Direttiva 97/54/KE tal-ParlamentEwropew u tal-Kunsill

(ĠU L 277, 10.10.1997, p. 24)

Rigward ir-referenzi magħmula fl-Artikolu 1, l-ewwel inċiż għad-Direttiva 74/152/KEE biss

Direttiva 98/89/KE tal-Kummissjoni

(ĠU L 322, 1.12.1998, p. 40)

 

Parti B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 7)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

74/152/KEE

fit-8 ta’ Settembru 1975.

82/890/KEE

fit-22 ta’ Ġunju 1984.

88/412/KEE

30 ta’ Settembru 1988 (1)

97/54/KE

fit-22 ta’ Settembru 1998.

fit-23 ta’ Settembru 1998.

98/89/KE

31 ta’ Diċembru 1999 (2)


(1)  Skont Artikolu 2 tad-Direttiva 88/412/KEE:

“1.   Mill-1 ta’ Ottubru 1988 l-ebda Stat Membru ma jista’:

jirrifjuta, rigward tip ta’ trattur, li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, li joħroġ id-dokument imsemmi fl-Artikolu 10(1), l-aħħar inċiż, tad-Direttiva 74/150/KEE, jew li jagħti l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

jipprojbixxi d-dħul fis-servizz tat-tratturi,

jekk il-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi tat-tagħbija ta’ dan it-tip ta’ trattur jew tratturi huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   Mill-1 ta’ Ottubru 1989 l-Istati Membri:

ma jistgħux joħorġu aktar id-dokument imsemmi fl-Artikolu 10(1), l-aħħar inċiż, tad-Direttiva 74/150/KEE għal xi tip ta’ trattur li l-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi tat-tagħbija tiegħu mhumiex skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva,

jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali rigward xi tip ta’ trattur li l-veloċità massima skont id-disinn u l-pjattaformi tat-tagħbija tiegħu mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”.

(2)  Skont Artikolu 2 tad-Direttiva 98/89/KE:

“1.   Mill-1 ta’ Jannar 2000 l-ebda Stat Membru ma jista:

jirrifjuta, rigward xi tip ta’ trattur, li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, li joħroġ id-dokument imsemmi fl-Artikolu 10(1), l-aħħar inċiż, tad-Direttiva 74/150/KEE, jew li jagħti l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

jipprojbixxi d-dħul fis-servizz tat-tratturi,

jekk dawk it-tratturi iħarsu l-ħtieġijiet tad-Direttiva 74/152/KEE, kif emendata permezz ta’ din id-Direttiva.

2.   Mill-1 ta’ Ottubru 2004, l-Istati Membri:

ma jistgħux joħorġu aktar id-dokument imsemmi fl-Artikolu 10(1), l-aħħar inċiż, tad-Direttiva 74/150/KEE ta’ tip ta’ trattur jekk dan ma jħarisx il-ħtiġijiet tad-Direttiva 74/152/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva,

jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali rigward xi tip ta’ trattur jekk dan ma jħarisx il-ħtiġijiet tad-Direttiva 74/152/KEE kif emendata b’din id-Direttiva.”


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 74/152/KEE

Direttiva 98/89

Din id-Direttiva

Artikoli 1

 

Artikoli 1

 

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikoli 3 sa 5

 

Artikoli 3 sa 5

Artikolu 6(1)

 

Artikolu 6(2)

 

Artikolu 6

 

Artikolu 7

 

Artikolu 8

Artikolu 7

 

Artikolu 9

Anness

 

Anness I

 

Anness II

 

Anness III


Top