Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0059

    Direttiva 2009/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar il-mirja li juru wara ta’ tratturi bir-roti tal-agrikoltura jew tal-foresterija (Verżjoni kodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

    ĠU L 198, 30.7.2009, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32013R0167

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/59/oj

    30.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/9


    DIRETTIVA 2009/59/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Lulju 2009

    dwar il-mirja li juru wara ta’ tratturi bir-roti tal-agrikoltura jew tal-foresterija

    (Verżjoni kodifikata)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 74/346/KEE tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-mirja li juru wara ta’ tratturi bir-roti tal-agrikoltura jew tal-foresterija (3) ġiet emendata kemm–il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

    (2)

    Id-Direttiva 74/346/KE hija waħda mid-Direttivi separati dwar is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip KE prevista mid-Direttiva 74/150/KEE tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, kif sostitwita permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/37/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u elementi tekniċi separati (5) u tistabilixxi preskrizzjonijiet tekniċi dwar id-disinn u l-kostruzzjoni ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, rigward il-mirja li juru wara. Dawn il-preskrizzjonijiet tekniċi huma dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jippermettu l-applikazzjoni tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip KE stabbilita fid-Direttiva 2003/37/KE għal kull tip ta’ trattur. Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2003/37/KE dwar tratturi għall-agrikoltura jew għall-forestrija, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u elementi tekniċi separati japplikaw għal din id-Direttiva.

    (3)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness II, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1.   “Trattur tal-agrikoltura jew tal-foresterija” ifisser kull vettura bir-roti jew bi tracks mingħajr tarf li jkollha mill-anqas żewġ fwies, li l-funzjoni prinċipali tagħha tkun il-qawwa tal-ġibda u li tkun iddisinjata speċifikament biex tiġbed, iġġorr jew tħaddem ċerti għodda, makkinarju jew karrijiet maħsubin għall-agrikoltura jew għall-foresterija. Din tista’ tkun mgħammra biex iġġorr tagħbija u passiġġieri.

    2.   Din id-Direttiva tapplika biss għal tratturi definiti fil-paragrafu 1 li jkunu armati b’tajers pnewmatiċi u li jkollhom veloċità massima skont id-disinn ta’ bejn is-6 u l-40 km/siegħa.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li joħorġu approvazzjoni tat-tip KE jew li joħorġu id-dokument previst fl-Artikolu 2, punt (u) tad-Direttiva 2003/37/KE jew li joħorġu approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta’ trattur minħabba raġunijiet marbuta mal-mirja li juru wara, jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

    2.   L-Istati Membri ma jistgħux joħorġu d-dokument previst fl-Artikolu 2, punt (u), tad-Direttiva 2003/37/KE għal tip ta’ trattur li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

    L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li joħorġu approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta’ trattur li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta r-reġistrazzjoni jew jipprojbixxi l-bejgħ, id-dħul inizjali fis-servizz jew l-użu ta’ tratturi minħabba raġunijiet relatati mal-mirja li juru wara, jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

    Artikolu 4

    L-emendi meħtieġa għall-adattament tar-rekwiżiti tal-Anness I, sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva Nru 2003/37/KE.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 6

    Id-Direttiva 74/346/KEE, kif emendata bid-Direttivi elenkati fl-Anness II, Parti A, hija imħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi elenkati fl-Anness II, Parti B.

    Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ERLANDSSON


    (1)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 31.

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Settembru 2007 (ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 67) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2009.

    (3)  ĠU L 191, 15.7.1974, p. 1.

    (4)  Ara l-Anness II, Parti A.

    (5)  ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.


    ANNESS I

    1.   DEFINIZZJONIJIET

    1.1.

    “Mera li turi wara” tfisser kull apparat li hu maħsub biex jagħti, fil-medda tal-viżjoni li hija ġeometrikament definita fil-punt 2.5 hawn isfel, vista ċara ta’ wara li, f’limiti raġonevoli, mhix ostakolata b’xi partijiet ta’ komponenti tat-trattur jew mill-okkupanti tat-trattur innifsu. Il-mirja addizzjonali u l-mirja li juru wara maħsubin biex jikkontrollaw l-inġenji waqt li jkun qed isir xogħol fl-għelieqi m’għandhomx neċessarjament ikunu miftuħa għall-approvazzjoni tat-tip li tingħata lill-komponenti imma għandhom jiġu lokalizzati skont ir-rekwiżiti tal-issettjar li jinstabu fl-punti 2.3.3. sa 2.3.5.

    1.2.

    “Mera ta’ ġewwa li turi wara” tfisser apparat kif definit fil-punt 1.1 li qiegħda mwaħħla ġewwa l-kabina jew il-qafas ta’ trattur.

    1.3.

    “Mera fuq barra li turi wara” tfisser apparat kif definit fil-punt 1.1 li qiegħda mwaħħla fuq kull parti mill-wiċċ ta’ barra ta’ trattur.

    1.4.

    “Klassi ta’ mirja li juru wara” ifissru l-mirja kollha li juru wara li għandhom waħda jew iżjed karatteristika jew funzjoni komuni. Mirja ta’ ġewwa li juru wara jaqgħu taħt klassi I, mirja ta’ barra li juru wara taħt klassi II.

    2.   REKWIŻITI GĦAT-TWAĦĦIL

    2.1.   Ġenerali

    2.1.1.

    Tratturi jistgħu jitwaħħlu b’mirja li juru wara tal-klassijiet I u II biss li jkollhom il-marka tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE msemmija fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/97/KE tal-10 ta’ Novembru 2003 dwar l-appromissazzjonital-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni skont it-tip tal-viżjoni indiretta u tal-vetturi mgħammra b’dawn il-mezzi, li temenda d-Direttiva 70/156/KEE u tħassar id-Direttiva 71/127/KEE (1).

    2.1.2.

    Mirja li juru wara għandhom jitwaħħlu b’tali mod li jibqgħu sodi taħt kondizzjonijiet normali tas-sewqan.

    2.2.   In-numru

    Kull trattur għandu jkun mgħammar b’mill-anqas mera ta’ barra waħda li turi wara mwaħħla man-naħa tax-xellug tat-trattur fl-Istati Membri li fihom il-karozzi jsuqu fuq il-lemin u man-naħa tal-lemin tat-trattur fl-Istati Membri li fihom il-karozzi jsuqu fuq ix-xellug.

    2.3.   Il-pożizzjoni

    2.3.1.

    Il-mera ta’ barra li turi wara għandha titwaħħal b’mod li x-xufier, meta jkun qiegħed bil-qiegħda fis-sedil tax-xufier f’pożizzjoni normali tas-sewqan, ikollu vista ċara ta’ dik il-parti tat-triq definita fil-punt 2.5.

    2.3.2.

    Il-mera ta’ barra li turu wara trid tkun tidher mill-parti tal-windscreen li tintmesaħ mill-wiper tal-windscreen jew mit-twieqi tal-ġenb jekk il-trattur għandu mera ta’ barra.

    2.3.3.

    Il-mera li turi wara ma tridx toħroġ ‘il barra mill-parti ewlenija tat-trattur jew il-kombinazzjoni tat-trattur u l-karru ħafna aktar milli hemm bżonn biex tilħaq l-meded ta’ viżjoni msemmija fil-punt 2.5.

    2.3.4.

    Fejn it-tarf ta’ isfel tal-mera ta’ barra li turi wara huwa anqas minn 2 m ‘il fuq mill-art meta t-trattur huwa mgħobbi, din il-mera li turi wara ma tridx tipproġetta aktar minn 0.20 m barra l-wisa’ kollu tat-trattur jew il-kombinazzjoni tat-trattur u l-karru imkejla mingħajr il-mirja li juru wara.

    2.3.5.

    Bla ħsara għar-rekwiżiti tal-punti 2.3.3 u 2.3.4, mirja li juru wara jistgħu jipproġettaw barra l-wisa’ massimu permess tat-trattur.

    2.4.   Aġġustament

    2.4.1.

    Kull mera ta’ ġewwa li turi wara għandha tkun tista’ tiġi aġġustata mix-xufier mill-pożizzjoni tiegħu tas-sewqan.

    2.4.2.

    Is-sewwieq għandu jkun jista’ jirranġa l-mera esterna li turi wara bla ma jiċċaqlaq mill-post tas-sewwieq. Il-mera tista’, iżda, tissakkar fil-pożizzjoni minn barra.

    2.4.3.

    Ir-rekwiżiti tal-punti 2.4.2 ma japplikawx għall-mirja ta’ barra li juru wara li, wara li jkunu mċaqilqa, jmorru lura lejn il-pożizzjoni oriġinali tagħhom awtomatikament jew jistgħu jitqiegħdu lura għall-pożizzjoni oriġinali tagħhom mingħajr l-użu ta’ għodda.

    2.5.   Meded ta’ viżjoni

    2.5.1.   Stati Membri li fihom il-karozzi jsuqu fuq il-lemin

    Il-medda ta’ viżjoni tal-mera ta’ barra li turi wara tax-xellug għandha tkun tali li x-xufier jista’ jara fuq wara għall-anqas dik il-parti livell tat-triq, ‘il bogħod sal-orizzont, li hija fuq ix-xellug tal-pjan parallel mal-pjan lonġitudinali medjan vertikali u li tgħaddi mill-aktar punt fuq ix-xellug tal-wisa’ kollu tat-trattur jew il-kombinazzjoni tat-trattur u l-karru.

    2.5.2.   Stati Membri li fihom il-karozzi jsuqu fuq ix-xellug

    Il-medda ta’ viżjoni tal-mera ta’ barra li turi wara tal-lemin għandha tkun tali li x-xufier jista’ jara fuq wara għall-inqas dik il-parti livell tat-triq, ‘il bogħod sal-orizzont, li hija fuq il-lemin tal-pjan parallell mal-pjan lonġitudinali medjan vertikali u li tgħaddi mill-aktar punt fuq il-lemin tal-wisa’ kollu tat-trattur jew il-kombinazzjoni tat-trattur u l-karru.


    (1)  ĠU L 25, 29.1.2004, p. 1.


    ANNESS II

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

    (imsemmija fl-Artikolu 6)

    Direttiva tal-Kunsill 74/346/KEE

    (ĠU L 191, 15.7.1974, p. 1)

     

    Direttiva tal-Kunsill 82/890/KEE

    (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 45)

    kif jirrigwarda biss ir-referenzi magħmula fl-Artikolu 1(1) għad-Direttiva 74/346/KEE

    Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/54/KE

    (ĠU L 277, 10.10.1997, p. 24)

    kif jirrigwarda biss ir-referenzi magħmula fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 għad-Direttiva 74/346/KEE

    Direttiva tal-Kummissjoni 98/40/KE

    (ĠU L 171, 17.6.1998, p. 28)

     

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

    (imsemmija fl-Artikolu 6)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    Data ta’ applikazzjoni

    74/346/KEE

    fit-2 ta’ Jannar 1976

    82/890/KEE

    fit-22 ta’ Ġunju 1984

    97/54/KE

    fit-22 ta’ Settembru 1998

    fit-23 ta’ Settembru 1998

    98/40/KE

    30 ta’ April 1999 (1)


    (1)  Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/40/KE:

    “1.   Mill-1 ta’ Mejju 1999, l-ebda Stat Membru ma jista’:

    jirrifjuta fir-rigward ta’ xi tip ta’ trattur, li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, biex joħroġ dokument li jkun imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 74/150/KEE, jew biex jagħti l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

    jipprojbixxi d-dħul fis-servizz tat-tratturi, jekk dawk it-tratturi jilħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva 74/346/KEE, kif emendat minn din id-Direttiva.

    2.   Mill-1 ta’ Ottubru 1999, l-Istati Membri:

    ma jistgħux joħorġu aktar id-dokument imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 74/150/KEE għat-tip tat-trattur li ma jilħaqx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 74/347/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva,

    jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali fir-rigward tat-tip ta’ trattur li ma jilħaqx ir-rikweżiti tad-Direttiva 74/346/KEE, kif emendat minn din id-Direttiva.”


    ANNESS III

    Tabella Ta’ Korrelazzjoni

    Direttiva 74/346/KEE

    Direttiva 98/40/KE

    Din id-Direttiva

    Artikoli 1 sa 4

     

    Artikoli 1 sa 4

     

    Artikoli 2

    Artikoli 2

    Artikoli 3 u 4

     

    Artikoli 3 u 4

    Artikolu 5(1)

     

    Artikolu 5(2)

     

    Artikolu 5

     

    Artikolu 6

     

    Artikolu 7

    Artikolu 6

     

    Artikolu 8

    Anness

     

    Anness I

     

    Anness II

     

    Anness III


    Top