EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0001

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/1/KE tas- 7 ta’ Jannar 2009 li temenda, għall-finijiet tal-adattament tagħha għall-progress tekniku, id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 9, 14.1.2009, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/1/oj

14.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 9/31


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/1/KE

tas-7 ta’ Jannar 2009

li temenda, għall-finijiet tal-adattament tagħha għall-progress tekniku, id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (1), u b′mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/64/KE hija waħda mid-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE li ġiet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (2).

(2)

Hemm bżonn li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati li jippermettu l-verifika, fil-qafas tal-valutazzjoni preliminari tal-manifattur imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/64/KE, ta' jekk il-materjali użati għall-bini ta' tip ta' vettura jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (3).

(3)

B'mod partikolari, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jivverifikaw għall-fini ta' użu mill-ġdid, riċiklabilità u possibilità ta' rkupru l-eżistenza ta' arranġamenti kuntrattwali bejn il-manifattur tal-vettura kkonċernat u l-fornituri tiegħu u li r-rekwiżiti għal din il-fini li jinsabu f'dawn l-arranġamenti jkunu kkomunikati sew.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Addattament għall-Progress Tekniku – Vetturi bil-Mutur,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2005/64/KE hija emendata billi jiddaħħal paragrafu 4 ġdid kif ġej:

“4.1.

Għall-finijiet ta' valutazzjoni preliminari skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/64/KE, il-manifattur tal-vettura għandu jkollu juri li, permezz ta' arranġamenti kuntrattwali mal-fornituri tiegħu, il-konformità mal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE hija żgurata.

4.2.

Għall-finijiet ta' valutazzjoni preliminari skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/64/KE, il-manifattur tal-vettura għandu jkollu jistabbilixxi proċeduri għall-finijiet li ġejjin:

(a)

biex jiġu kkomunikati r-rekwiżiti applikabbli lill-persunal tiegħu u lill-fornituri kollha tiegħu;

(b)

għall-monitoraġġ u l-iżgurar li l-fornituri jaġixxu skont dawk ir-rekwiżiti;

(c)

biex tinġabar id-dejta rilevanti permezz tal-katina sħiħa ta' forniment;

(d)

biex jiġi ċċekkjat u vverifikat it-tagħrif li jasasl mill-fornituri;

(e)

għal reazzjoni adegwata meta d-dejta li tasal mingħand il-fornituri tindika nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2000/53/KE.

4.3.

Għall-finijiet tal-paragrafu 4.1 u 4.2, il-manifattur tal-vettura għandu jkollu juża, bi qbil mal-entità kompetenti, ISO 9000/14000 jew programm ieħor ta' assikurazzjoni ta' kwalità standardizzata.”

Artikolu 2

B'effett mill-1 ta’ Jannar 2012, jekk ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2005/64/KE kif emendata minn din id-Direttiva ma jkunux irrispettati, l-Istati Membri, fuq raġunijiet relatati mal-possibilità ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u ta' rkupru ta' vetturi bil-mutur, għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tipi ġodda ta' vetturi.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Frar 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu f'konformità ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-4 ta’ Frar 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10.

(2)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

(3)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.


Top