Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0524

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

    ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2009/524/oj

    7.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 176/17


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta' Ġunju 2009

    dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/524/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali għall-ħolqien tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll għall-promozzjoni tal-istabbiltà ekonomika. Aktar ma jkun effikaċi s-suq uniku, aktar se jkun hemm titjib fl-ambjent tan-negozju bir-riżultat li l-kumpaniji jitħeġġew jinvestu u joħolqu l-impjiegi, u aktar se jkun hemm żieda fil-kunfidenza tal-konsumatur u fid-domanda. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa għalhekk kruċjali fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u biex l-irkupru tal-ekonomija Ewropea jiġi ffaċilitat.

    (2)

    Huwa essenzjali li suq uniku li jiffunzjona tajjeb jkollu regoli Komunitarji li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq uniku (minn hawn 'il quddiem “regoli tas-suq uniku”) li jkunu trasposti applikati, infurzati, sorveljati b'mod korrett u armonizzati b'mod sodisfaċenti.

    (3)

    Il-konsultazzjoni u l-analiżi li twettqu biex titħejja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21 (minn hawn 'il quddiem “ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku”)” (1) identifikaw għadd ta' nuqqasijiet li juru li s-suq uniku għad mhuwiex qed jiffunzjona b'mod effiċjenti daqs kemm suppost. F'ħafna oqsma u setturi, jenħtieġ aktar ħidma. Iċ-ċittadini u n-negozji ta' sikwit ma jkunux jistgħu jaħtfu l-ħafna opportunitajiet li joffri s-suq uniku għaliex ir-regoli mhumiex applikati jew infurzat b'mod tajjeb.

    (4)

    Għaldaqstant fir-Reviżjoni tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni ssuġġeriet sett ta' miżuri konkreti biex tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkomplu jibbenefikaw mill-vantaġġi ekonomiċi li s-suq uniku joħloq (2).

    (5)

    Il-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri u dawk li ttieħdu min-naħa tal-Kummissjoni għandhom jikkomplementaw xulxin. Approċċ koordinat u kooperattiv – bi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri – b'għan komuni tat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar imtejba tar-regoli tas-suq uniku, huwa vitali biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. L-approċċ ta' sħubija fil-kuntest ta' din ir-rakkomandazzjoni jmur lil hinn mill-kooperazzjoni diġà stabbilita f'għadd ta' oqsma ta' politika tas-suq uniku. Jirrikjedi l-bini u ż-żamma ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib fi ħdan u bejn l-Istati Membri, u mal-Kummissjoni, fl-oqsma kollha li huma relevanti għas-suq intern. Jimplika wkoll li l-Istati Membri għandhom jassumu responsabbiltà kondiviża u għalhekk rwol aktar proattiv fil-ġestjoni tas-suq uniku.

    (6)

    Ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku, u b'mod partikolari diskussjonijiet sussegwenti mal-Istati Membri, identifikaw xi oqsma bħala kruċjali għall-ksib ta' suq uniku li jiffunzjona b'mod tajjeb, jiġifieri: l-iżgurar ta' koordinament fuq kwistjonijiet tas-suq uniku; it-titjib fil-kooperazzjoni fi ħdan u bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni; it-titjib fit-traspożizzjoni tar-regoli tas-suq uniku; is-sorveljanza ta' swieq u setturi sabiex jiġi identifikat funzjonament potenzjalment ħażin fis-suq; it-titjib fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku; it-tisħiħ fl-infurzar tar-regoli tas-suq uniku u l-promozzjoni tas-soluzzjoni ta' problemi; il-promozzjoni ta' valutazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; li ċ-ċittadini u n-negozji jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq uniku.

    (7)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikorri ħafna fuq soluzzjonijiet li diġà ddaħħlu f'ċerti Stati Membri, u li ġew ppruvati fl-Istati Membri konċernati li fil-prattika jaħdmu tajjeb. Hija fir-responsabbiltà tal-Istat Membru li jagħżel il-prassi l-aħjar imfassla għall-iżgurar tal-implimentazzjon ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, billi jitqies xi jkun l-aktar effikaċi fil-kuntest ta’ dak l-Istat Membru, minħabba l-fatt li proċeduri u prassi li huma effettivi fi Stat Membru wieħed jistgħu ma jkunux daqshekk effettivi fi Stat Membru ieħor.

    (8)

    Ir-riċerka turi li jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-koordinament intern fuq kwistjonijiet tas-suq uniku, għaliex bħalissal l-kompetenzi jinsabu mferrxin bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti (3). Peress li l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku tista’ tinvolvi varjetà sħiħa ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’kull Stat Membru, għandha tittejjeb il-kooperazzjoni effiċjenti bejniethom. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw u jsaħħu funzjoni ta’ koordinament tas-suq uniku fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom, li tista’ tvarja skont l-istrutturi u t-traduzzjonijiet amministrattivi nazzjonali u speċifiċi. L-awtoritajiet responsabbli għal din il-funzjoni għandu jkollhom ir-responsabbiltà globali li jippjanaw, jissorveljaw u jevalwaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (9)

    Kooperazzjoni transkonfinali mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fuq kwistjonijiet tas-suq intern tippermetti l-bini ta’ fiduċja reċiproka u hija ta’ importanza vitali għall-applikazzjoni korretta tar-regoli tas-suq uniku. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li n-netwerks transkonfinali jew is-sistemi tal-informazzjoni elettroniċi stabbiliti mill-Kummissjoni (pereżempju s-sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), RAPEX (4), RASFF (5) jew in-netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi) huma operattivi, billi jdaħħlu fis-seħħ l-arranġamenti adegwati, inklużi l-allokazzjoni tar-riżorsi.

    (10)

    Tabelli ta’ valutazzjoni tas-Suq Intern urew li għad hemm il-ħtieġa ta’ titjib fil-prontezza f’waqtu u fil-kwalità tat-traspożizzjoni tad-Direttivi dwar is-suq uniku. Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi li jaffettwaw is-suq intern (6) (minn hawn ‘il-quddiem “ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2004”) ġiet applikata fuq firxa wiesgħa, u filwaqt li dan irriżulta f’titjib sinifikanti fir-rata tat-traspożizzjoni, partijiet mir-Rakkomandazzjoni għad iridu jiġu applikati b’mod aktar effikaċi. Din ir-Rakkomandazzjoni tfakkar fil-ħtieġa li għad hemm li l-azzjonijiet li ġew irrakkomandati fir-Rrakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2004 jiġu aktar żviluppati, u li din tibqa’ referenza għall-amministrazzjonijiet tal-Istat Membru li qed jittrattaw mat-traspożizzjonijiet. Din ir-Rakkomandazzjoni tibni wkoll fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Ewropa li tikseb ir-Riżultati - L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (7) u fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Reviżjoni tal-proċess Lamfalussy - It-tisħiħ tal-konverġenza tas-sorveljanza (8).

    (11)

    Is-sorveljanza tas-suq hija meħtieġa għall-identifikar tas-setturi fejn is-swieq ma jiffunzjonawx b’mod korrett għall-konsumaturi u n-negozji, u sabiex il-politiki tas-suq uniku jiġu ffokati fuq dawn l-oqsma. Għalhekk, għandha ssir parti integrali fit-tfassil u s-sorveljanza tal-politiki tas-suq uniku (pereżempju permezz tat-tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi). Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istat Membru dwar is-sorveljanza tas-suq u x-xogħol fuq il-ġbir tad-dejta se jtejbu l-kwalità tad-dejta u l-analiżi għall-użu fil-livell nazzjonali u Komunitarju, u se jgħinu biex jintlaħaq qbil fuq kwistjonijiet tas-suq uniku. L-Istati Membri huma mħeġġa jipparteċipaw fl-eżerċizzji tas-sorveljanza tas-suq li jitwettqu mill-Kummissjoni, u biex huma jwettqu eżerċizzji simili fil-livell nazzjonali, adattati għall-ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi.

    (12)

    Diversi studji nazzjonali saħqu fuq l-importanza tat-taħriġ biex l-uffiċjali, inklużi l-imħalfin, fil-livelli nazzjonali, reġjonali kif ukoll lokali tal-amministrazzjoni, jiġu mgħejuna fit-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tar-regoli tas-suq uniku. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn ir-regoli, u l-impatt inġenerali fuq il-kompetittività esterna tal-Komunità, jittieħdu dejjem f’kunsiderazzjoni fl-abbozzar tal-liġijiet nazzjonali. L-importanza tat-taħriġ ġiet ikkonfermata aktar minn studju u riżoluzzjoni ta’ dan l-aħħar li tmexxew mill-Parlament Ewropew, dwar ir-rwol tal-imħallfin nazzjonali u mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2005 dwar il-liġi tal-kompetizzjoni (9), kif ukoll minn Riżoluzzjoni reċenti tal-Kunsill (10). L-uffiċjali għandhom ukoll jingħataw gwida dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u b’mod partikolari dwar ir-regoli tas-suq uniku.

    (13)

    L-infurzar effettiv tar-regoli tas-suq uniku u tal-miżuri xierqa għas-soluzzjoni tal-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji huma ta’ importanza kruċjali biex jgħinu liċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw mil-libertajiet iggarantiti bit-Trattat. Billi jibnu fuq il-kooperazzjoni li diġà nkisbet fil-qasam tas-soluzzjoni tal-problemi, b’mod partikolari permezz tas-SOLVIT (11), l-Istati Membri, bl-appoġġ mill-Kummissjoni, għandhom itejbu l-kapaċità tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi – jew fil-qrati nazzjonali jew inkella permezz ta’ mekkaniżmi mhux ġudizzjali – biex jingħata rimedju effettiv. Huwa importanti li jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għad-diversi problemi li jinħolqu.

    (14)

    Sorveljanza u evalwazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huma importanti għaliex jippermettu verifika dwar kemm fil-prattika regoli tas-suq uniku jiġu applikati b’mod effettiv, u l-identifikar tad-dispożizzjonijiet li jistgħu jżommu liċ-ċittadini u n-negozji milli jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn ir-regoli. Eżerċizzji bħal dawn għandhom jitwettqu b’mod aktar sistematiku fl-Istati Membri kollha.

    (15)

    L-istħarriġ tal-Eurobarometer (12) ta’ dan l-aħħar u t-talbiet indirizzati lejn is-servizzi tal-Kummissjoni għall-informazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi juru li jeħtieġ li jingħata aktar tagħrif liċ-ċittadini u n-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq intern sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet fil-prattika. Barra minn hekk għandu jkun possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji li jiksbu l-għajnuna meta huma jeżerċitaw dawn id-drittijet. Għal dan il-fini, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati, għandhom jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni u konsulenza prattika fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw liċ-ċittadini u n-negozji li jixtiequ jgħixu, jistudjaw, jaħdmu u jistabbilixxu kumpaniji jew jipprovdu merkanzija u servizzi fi Stat Membru ieħor.

    (16)

    L-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni jiddeskrivi miżuri li Stati Membri jistgħu jieħdu sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni u jipprovdi lista ta’ prassi f’ċerti Stati Membri li fuqhom huma bbażati dawn il-miżuri. Huwa meqjus li, filwaqt li ċerti miżuri jistgħu għall-bidu jġorru magħhom l-ispejjeż, għandhom jippermettu li jsir iffrankar, pereżempju bir-razzjonalizzazzjoni tal-prassi amministrattivi nazzjonali, u fuq il-medda t-twila, għandhom iwasslu għal funzjonament aħjar tas-suq uniku u għalhekk jirriżultaw f’benefiċċji għall-konsumaturi u n-negozji.

    (17)

    Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandu jiġi sorveljat f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż permezz tad-diskussjonijiet fil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern (IMAC) abbażi ta’ punti ta’ riferiment u ta’ indikaturi. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq valutazzjoni tal-effetti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni erba’ snin wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni tliet snin wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali dwar azzjonijiet li ttieħdu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni,

    B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    (1)

    Jiżguraw u jsaħħu funzjoni ta’ koordinament tas-suq uniku, jippromwovu koordinament effikaċi fi ħdan u bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-kwistjonijiet tas-suq uniku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jaġixxu bħala punt ta’ riferiment għas-suq uniku fi ħdan l-amministrazzjoni.

    (2)

    Jiffaċilitaw kooperazzjoni attiva bejn l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għal kwistjonijiet tas-suq uniku fl-Istati Membri differenti, u mal-Kummissjoni, permezz ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti.

    (3)

    Jieħdu l-miżuri meħtieġa għat-titjib fit-traspożizzjoni tad-Direttivi li jaffettwaw is-suq uniku.

    (4)

    Jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni fuq is-sorveljanza tas-suq u l-ġbir tad-dejta relatat billi jikkontribwixxu b’mod attiv għall-eżerċizzju fil-livell Komunitarju, u fejn relevanti, billi jikkunsidraw eżerċizzji simili fil-livell nazzjonali.

    (5)

    Jiżguraw li l-awtoritajiet u l-uffiċjali nazzjonali jkollhom għarfien biżżejjed tal-liġi Komunitarja inġenerali u tar-regoli tas-suq uniku b’mod partikolari biex japplikaw ir-regoli tas-suq uniku b’mod effiċjenti u fejn ikun relevanti, iqisu dawn ir-regoli meta jħejju u jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida.

    (6)

    Jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu riżoluzzjoni mħaffa u effikaċi tal-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fis-suq uniku billi inġenerali, jieħdu miżuri li jtejbu l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku, u b’mod partikolari billi jiżguraw li l-ġudikatura jkollha għarfien suffiċjenti tal-liġi Komuntarja inklużi r-regoli tas-suq uniku, u billi jipprovdu biżżejjed appoġġ għall-mekkaniżmi tas-soluzzjoni tal-problemi.

    (7)

    Iwettqu evalwazzjoni u valutazzjoni regolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli tas-suq uniku u filwaqt li jagħmlu hekk iżommu taħt analiżi kwalunkwe użu ta’ eżenzjonijiet jew ta’ derogi pprovduti bir-regoli eżistenti tas-suq uniku.

    (8)

    Itejbu l-forniment ta’ informazzjoni prattika dwar kwistjonijiet tas-suq uniku lin-negozji u ċ-ċittadini.

    (9)

    Jeżaminaw il-miżuri u l-prassi deskritti fl-Anness u, filwaqt li jħarsu t-tradizzjonijiet istituzzjonali nazzjonali tagħhom, jadottaw dawn il-prassi li, se jwasslu jew li jkunu mistennija li se jwasslu għal titjib fil-funzjonament tas-suq uniku u li huma adattati l-aħjar għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (10)

    Jikkooperaw mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħra fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet li ttieħdu fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni fuq bażi regolari u jipprovdu rapport finali lill-Kummissjoni tliet snin wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie McCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  COM(2007) 724 finali, 20.11.2007.

    (2)  Matul il-perjodu bejn l-1992-2006, il-PGD tal-Komunità żdied b'2,15 % u nħolqu 2,75 miljun impjieg addizzjonali, filwaqt li bejn l-1995 u l-2005 il-kummerċ intra-Komunitarju żdied bi 30 % (SEC(2007) 1521, 20.11.2007).

    (3)  Id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni dwar Strumenti għal politika modernizzata tas-suq uniku (SEC(2007) 1518, 20.11.2007).

    (4)  Sistema ta' tagħrif imħaffef għal prodotti ta' ħsara li mhumiex tal-ikel.

    (5)  Sistema ta' tagħrif imħaffef għall-ikel u l-għalf.

    (6)  ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 264.

    (7)  COM(2007) 502 finali, 5.9.2007.

    (8)  COM(2007) 727, 20.11.2007.

    (9)  Rapport tal-PE dwar ir-rwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjali Ewropea (INI/2007/2027, 9.7.2008); Ir-Rapport tal-PE fuq ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2004, (INI/2005/2209, 20.3.2006).

    (10)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f'laqgħa fil-Kunsill 14757 tat-28 ta' Ottubru 2008.

    (11)  Il-Kummissjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Effective Problem Solving in the Internal Market (“SOLVIT”), (COM(2001) 702 finali, 27.11.2001.

    (12)  http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/index_en.htm#061204


    ANNESS

    Miżuri u prassi għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku

    1.   MIŻURI LI JIŻGURAW KOORDINAMENT AĦJAR DWAR KWISTJONIJIET TAS-SUQ UNIKU

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jassenjaw lil awtorità ġdida jew eżistenti fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali r-responsabbiltà għall-koordinament fuq kwistjonijiet tas-suq uniku;

    (b)

    jiżguraw koordinament bejn il-ministeri u l-aġenziji tal-gvern fuq kwistjonijiet tas-suq uniku;

    (ċ)

    jiżguraw fuq naħa l-koordinament bejn il-ministeri u l-aġenziji tal-gvern, u fuq l-oħra bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll bejn l-awtoritajiet reġjonali u bejn l-awtoritajiet lokali;

    (d)

    jiżguraw li l-ministeri u l-aġenziji relevanti u l-istituzzjonijiet l-oħra jqisu r-regoli tas-suq uniku;

    (e)

    jaħsbu biex jagħqdu flimkien taħt awtorità unika r-responsabbiltajiet għal għadd ta’ attivitajiet relatati mas-suq intern, filwaqt li jqisu l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni nazzjonali;

    (f)

    jippjanaw, jissorveljaw u jevalwaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Responsabbiltà għall-koordinament fuq kwistjonijiet tas-suq uniku

    Xi entitajiet tal-gvern diġa qarrbu lejn l-eżerċitar ta’ funzjonament ta’ koordinament mas-suq uniku Jikkoperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra dwar kwistjonijiet tas-suq uniku, jiżguraw kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tas-suq uniku, u huma responsabbli għal għadd ta’ attivitajiet tas-suq uniku;

    Kooperazzjoni interministerjali

    Gruppi ta’ ħidma interministerjali fuq kwistjonijiet relatati mas-suq uniku jagħqdu flimkien ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet relevanti;

    Koordinament vertikali

    Jeżistu netwerks speċjali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew tas-sorveljanza tas-suq, li jorbtu flimkien l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Dawn in-netwerks jiddisponu minn bażijiet tad-dejta jew siti web komuni;

    Rappreżentanti reġjonali u lokali huma involuti, f’suġġetti ta’ interess għalihom, fil-ħidma tal-gruppi interministerjali;

    Viżibbilità politika

    Diskussjonijiet dwar politika fuq kwistjonijiet tas-suq uniku jsiru fuq bażi regolari, pereżempju fis-sottokumitati nazzjonali tal-Kunsill tal-Ministri;

    Il-Parlament nazzjonali huwa involut b’mod attiv fl-analizzar ta’ kwistjonijiet tas-suq uniku, pereżempju bit-tħejjija ta’ rapporti jew bit-twettiq ta’ inkjesti fuq dawn il-kwistjonijiet;

    Appoġġ

    Entità tal-gvern tiżgura kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tas-suq uniku billi, fost l-oħrajn, twettaq l-iskrinjar tal-abbozzi leġiżlattivi nazzjonali;

    Rekonċiljar tal-attivitajiet tas-suq uniku

    Ċerti entitajiet tal-gvern huma responsabbli għal għadd ta’ attivitajiet relatati mas-suq uniku, bħas-SOLVIT, l-IMI, in-notifiki għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34/KE (1) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (2), il-koordinament tal-istabbiliment ta’ Punti ta’ Kuntatt Uniku taħt il-Pakkett tal-Merekanzija.

    2.   MIŻURI GĦAT-TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI U MAL-KUMMISSJONI

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    fuq bażi permanenti jipprovdu: taħriġ relevanti fil-lingwa, IT u taħriġ ieħor, u jżidu l-għarfien dwar in-netwerks eżistenti u fir-rigward tar-regoli relevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta, jagħmlu n-netwerks Komunitarji (pereżempju s-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), RAPEX, RASFF, in-netwerks tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u oħrajn) kompletament operattivi fil-livell nazzjonali;

    (b)

    jorganizzaw – pereżempju, permezz ta’ netwerks eżistenti – skambji bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ uffiċjali responsabbli għal kwistjonijiet tas-suq uniku;

    (ċ)

    jiżguraw li l-kooperazzjoni attiva bejn l-awtoritajiet responsabbli għal kwistjonijiet tas-suq uniku fl-Istati Membri differenti tifforma parti mill-kultura amministrattiva nazzjonali;

    (d)

    jieħdu l-miżuri organizzattivi biex jiżguraw li l-Istati Membri jkunu jistgħu jwieġbu fil-pront għat-talbiet tal-Kummissjoni għal informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku fil-livell nazzjonali, u b’mod partikolari fil-kuntest tal-proġett Pilota tal-UE (3) u l-proċedimenti ta’ ksur.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali

    Teżisti kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi Nordiċi u tal-Baltiku fuq is-sorveljanza tas-suq, l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123/KE tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern u fuq kwistjonijiet oħra tas-suq uniku. (4)

    Il-kooperazzjoni hija stabbilita bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-oqsma tal-akkwist pubbliku (pereżempju permezz tan-Netwerk għall-Akkwist Pubbliku), u s-sorveljanza tas-suq. L-awtoritajiet nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq fil-qasam tal-ħarsien tas-sikurezza tal-prodotti (mhux tal-ikel) għall-konsumatur jikkooperaw mill-qrib permezz tan-netwerk PROSAFE, u s-sistema tal-ICSMS tiffaċilita s-sorveljanza tas-suq tal-prodotti tekniċi;

    Skambji amministrattivi

    L-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni huma involuti fl-iskambji tal-uffiċjali nazzjonali fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni:

    Bosta awtoritajiet nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur jipparteċipaw fi skambji ta’ uffiċjali, fil-kuntest tan-netwerk għas-Sikurezza tal-Konsumatur skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/95/KE (5) u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2006/2004 (6);

    Appoġġ finanzjarju u ta’ rizorsi umani

    Ġew innominati timijiet separati biex jistabbilixxu netwerk għall-Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI) u ngħataw biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji biex jiżviluppaw l-IMI madwar l-Istati Membri tagħhom kollha;

    Taħriġ

    Rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, wara li jkunu segwew taħriġ tal-Kummissjoni, iħarrġu membri oħra fin-netwerk tal-IMI fil-livell nazzjonali. Dan il-prassi jaħdem tajjeb meta r-rwol tat-taħriġ jiddaħħal fid-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali.

    3.   MIŻURI LI JTEJBU T-TRASPOŻIZZJONI TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jitħejjew minn qabel b’mod effikaċi u fil-livell nazzjonali għat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttivi tas-suq uniku;

    (b)

    jiżguraw li l-uffiċjali kollha konċernati jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jiffaċilitaw li l-uffiċjali responsabbli għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ Direttiva fil-livell nazzjonali huma wkoll involuti matul in-negozjati fuq dik id-Direttiva;

    (ċ)

    itejbu l-kooperazzjoni bejn l-amminstrazzjoni nazzjonali u parlamenti nazzjonali, regjonali u devolvuti, kif ukoll awtoritajiet reġjonali u lokali involuti fit-traspożizzjoni, u jipprovdulhom, fejn meħtieġ, l-informazzjoni kollha relevanti relatata man-negozjati u l-proċess tat-traspożizzjoni;

    (d)

    jipprovdu informazzjoni lill-partijiet interessati matul il-proċess tat-traspożizzjoni, fejn dan ikun utli, dwar proposti leġiżlattivi għas-suq uniku li jistgħu jkunu ta’ interess għan-negozji u ċ-ċittadini;

    (e)

    jevitaw iż-żieda ta’ dispożizzjonijiet supplementarji li mhumiex meħtieġa għat-traspożizzjoni ta’ Direttiva (7);

    (f)

    jiffaċilitaw id-djalogu mal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq uniku billi jużaw varjetà ta’ mezzi, bħalma huma tabelli ta’ korrelazzjoni, li jimmiraw għaż-żieda fit-trasparenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex din tkun aktar faċli għall-utent.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Tħejjija bikrija

    Jitħejjew valutazzjonijiet nazzjonali tal-impatt meta Direttiva titressaq għad-diskussjoni mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu analiżi dettaljata tal-impatt għall-Istat Membru konċernat u l-implikazzjonijiet tat-traspożizzjoni potenzjali jew tal-applikazzjoni. Jiġu aġġornati matul il-proċess kollu tat-traspożizzjoni.

    Kontinwità

    Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-uffiċjali involuti fin-negozjar, it-traspożizzjoni u l-infurzar tad-Direttiva tkun żgurata. Il-ħtieġa għal kontinwità bħal din tiġi enfasizzaa fil-linji gwida nazzjonali għat-traspożizzjoni;

    Kooperazzjoni mal-parlamenti

    L-informazzjoni dwar l-iżviluppi li jirrigwardaw it-traspożizzjoni tad-Direttivi Komunitarji tintbagħat lill-parlamenti nazzjonali fi stadju bikri u fuq bażi regolari, fost oħrajn permezz ta’ tabella ta’ valutazzjoni trimestrali dwar it-traspożizzjoni.

    Kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali

    L-uffiċjali minn awtoritajiet reġjonali jew devolvuti huma involuti fil-ħidma tal-gruppi ta’ koordinament għat-traspożizzjoni interministerjali.

    Jiġu organizzati t-taħriġ u l-konferenzi dwar il-proċess tat-traspożizzjoni għall-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha kif ukoll għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi;

    Komunikazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-pubbliku permezz tal-Internet għandu aċċess għal bażi tad-dejta simplifikata tat-traspożizzjoni. Informazzjoni dwar il-progress fit-traspożizzjoni hija disponibbli fuq is-siti web tal-Ministeri u lista tad-Direttivi li mhumiex trasposti tiġi ppubblikata fuq l-Internet;

    L-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproduċu gwida għaċ-ċittadini dwar il-liġijiet ġodda tat-traspożizzjoni fi żmien talanqas 12-il ġimgħa qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

    L-evitar ta’ “rekwiżit addizzjonali mhux neċessarji”

    Jeżistu proċeduri speċifiċi għall-ġestjoni u l-kontroll tar-riskju li meta jiġu trasposti d-Direttivi, jiżdiedu miżuri li ċarament ma jkunux meħtieġa pereżempju kumitat maħtur mill-gvern iwettaq kontroll sistematiku tal-abbozzi nazzjonali tat-traspożizzjoni, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttivi;

    Tabelli ta’ korrelazzjoni

    It-tabelli ta’ korrelazzjoni jintużaw għal finijiet ta’ informazzjoni u ta’ skrinjar.

    4.   MIŻURI BIEX IS-SWIEQ U S-SETTURI JIĠU SORVELJATI AĦJAR SABIEX JIĠI IDENTIFIKAT FUNZJONAMENT POTENZJALMENT ĦAŻIN FIS-SUQ

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jiġbru tagħrif kwalitattiv u kwantitattiv dwar swieq jew setturi li qed jiġu sorveljati, pereżempju mill-analiżi tas-suq li titwettaq minn akkademiċi, konsulenti jew partijiet interessati, jew mid-dejta li tinġabar mill-uffiċċji tal-Istatistika Nazzjonali u minn entitajiet li jittrattaw ma’ ilmenti;

    (b)

    jidentifikaw sorsijiet lokali ta’ informazzjoni u jiffaċilitaw l-ingaġġ ta’ partijiet interessati lokali fil-proċess tas-sorveljanza tas-suq; pereżempju billi jorganizzaw konsultazzjonijiet jew laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati lokali ewlenin;

    (ċ)

    jieħdu sehem fil-ħidma ta’ sorveljanza fuq aspetti speċifiċi, bħall-analiżi dwar il-kompetizzjoni, il-valutazzjonijiet regolatorji jew il-ġbir tad-dejta biex jitkejjel kif is-swieq jiffunzjonaw għall-konsumaturi (pereżempju permezz tal-ġbir regolari tal-prezzijiet medji tal-prodotti u s-servizzi paragunabbli tal-konsumatur, il-klassifikazzjoni tal-ilmenti tal-konsumatur, u l-iżvilupp ta’ indikaturi xierqa biex titkejjel il-kwalità tal-infurzar).

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Ġbir tal-informazzjoni

    L-Istati Membri jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar swieq jew setturi sorveljati (pereżempju fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-sorveljanza tas-suq dwar il-kummerċ tal-konsumatur);

    Aspetti speċifiċi dwar is-sorveljanza

    Is-sorveljanza ssir ukoll minn konsumatur (pereżempju Indiċi tal-Kundizzjoni tal-Konsumatur li tikklassifika 57 suq bejniethom stess jiġi ppubblikat kull sena, u l-metodoloġija tiegħu ġiet segwita fi Stati Membri oħra) jew perspettiva tal-kompetizzjoni (pereżempju sorveljanza tas-settur nazzjonali tal-konsumaturi minn perspettiva tal-kompetizzjoni);

    Sorveljanza fil-livell nazzjonali

    Twettaq eżerċizzju pilota tal-iskrining f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, biex isir magħruf jekk il-metodoloġija tal-Kummissjoni tistax tintuża fil-livell tal-pajjiż u biex tingħata orjentazzjoni għal aktar analiżi fil-fond fl-Istati Membri.

    5.   MIŻURI LI JTEJBU L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU

    L-Istat Membri huma mistiedna jieħu dawn il-miżuri li ġejjin li jikkonċernaw uffiċjali responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku:

    (a)

    jipprovdu taħriġ dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u r-regoli tas-suq uniku b’mod partikolari meta jidħlu f’impjieg;

    (b)

    jistabbilixxu programmi sostnuti ta’ taħriġ “fuq il-post tax-xogħol” dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u b’mod partikolari dwar ir-regoli tas-suq uniku;

    (ċ)

    jipprovdu gwida u konsulenza prattika dwar ir-regoli tas-suq uniku u l-applikazzjoni tagħhom.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Taħriġ

    Jiġi organizzat taħriġ obbligatorju għall-uffiċjali dwar il-liġi Komunitarja, pereżempju l-liġi Komunitarja tkun parti obbligatorja mill-fażi tat-tħejjija għal aċċess għall-karriera fl-amministrazzjoni pubblika; jiġu organizzati seminars obbligatorji dwar kwistjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż introduzzjoni dwar kwistjonijiet Komunitarji;

    Taħriġ sostnut “fuq il-post tax-xogħol”

    Jiġi organizzat taħriġ fuq kwistjonijiet Komunitarji u tas-suq uniku permezz ta’ moduli ta’ taħriġ onlajn; jitħejjew bulettini regolarment; isiru konferenzi jew sessjonijiet regolari tat-taħriġ fi ħdan l-amministrazzjoni nazzjonali;

    Jeżistu programmi speċifiċi ta’ taħriġ għall-uffiċjlai dwar is-suq intern;

    Gwida u konsulenza prattika

    Gwida speċifika dwar is-suq intern tgħin lill-uffiċjali jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom; qed jiġu żviluppati wkoll linji gwida dettaljati dwar ir-rikonoxximent reċiproku wara l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Merkanzija;

    Ħelpdesk deżinjat li jittratta dwar il-mistoqsijiet tal-uffiċjali relatati mas-suq uniku;

    Tiġi ppubblikata gwida ta’ spjegazzjoni dwar kif wiħed jifhem u jinterpreta att legali fuq is-siit web nazzjonali tal-ministeri li jipprovdu informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni;

    Edukazzjoni u testijiet dwar il-liġi Komunitarja u r-regoli tas-suq uniku

    Il-liġi Komunitarja tifforma parti obbligatorja fl-edukazzjoni tal-liġi

    L-uffiċjali huma marbuta jgħaddu minn eżami li jinkludi r-regoli tal-liġi Komunitarja u tas-suq uniku biex jidħlu f’impjieg mal-amminstrazzjoni pubblika.

    6.   MIŻURI LI JSAĦĦU L-INFURZAR TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU U JIPPROMWOVU L-MEKKANIŻMI GĦAS-SOLUZZJONI TA’ PROBLEMI

    (1)   Mekkaniżmi mhux ġudizzjali għas-soluzzjoni ta’ problemi

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jiżguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u li ma jiswewx ħafna flus ikunu disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR);

    (b)

    jipparteċipaw fi u jikkontrwibixxu b’mod attiv favur – speċjalment permezz ta’ riżorsi suffiċjenti – il-funzjonament u l-iżvilupp ulterjuri tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi fil-livell Komunitarji, bħas-SOLVIT u l-Proġett pilota tal-UE;

    (ċ)

    jipprovdu informazzjoni biżżejjed liċ-ċittadini u n-negozji - fuq siti web relatati mas-suq uniku - dwar problemi eżistenti għall-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi fil-livell nazzjonali u Komunitarju;

    (d)

    jindirizzaw ir-raġunijiet sottostanti għall-problemi li jikkaġunaw l-użu tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi.

    (2)   Ġudikatura nazzjonali

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jipprovdu t-taħriġ bażiku għall-imħallfin dwar il-liġi Komunitarja inġenerali u b’mod partikolari dwar ir-regoli tas-suq uniku meta jidħlu f’impjieg, u programmi sostnuti ta’ taħriġ “fuq il-post tax-xogħol”, inkluż permezz tan-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjali (8) li jorganzza u jiffinanzja l-iskambju tal-imħallfin;

    (b)

    jiżguraw aċċess faċli biex tiġi kkompletata u aġġornata l-informazzjoni dwar leġiżlazzjoni Komunitarja relatata mas-suq uniku u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, inkluż permezz tal-portal Komunitarju tal-ġejjieni Ġustizzja-e (9) li se jipprovdi “sors (elettroniku) fl-istess ħin u fl-istess post” għall-informazzjoni dwar il-ġustizzja Ewropea u l-aċċess għal proċeduri ġudizzjali Ewropej;

    (ċ)

    iħeġġu l-qrati u t-tribunali nazzjonali biex jiġbru l-informazzjoni disponibbli fuq sentenzi nazzjonali importanti fil-qasam tas-suq uniku, b’mod partikolari s-sentenzi nazzjonali li japplikaw is-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Mekkaniżmi ADR

    Netwerk ta’ qrati żgħar għal affarijiet ċivili, intenzjonati għal tilwimiet żgħar, qed jopera bil-għan li jwassal għal deċiżjoni aktar malajr, u b’mod aktar effiċjenti u li jiswa anqas. Jiġbor fih ir-riżoluzzjoni ġudizzjali kif ukoll mhux ġudizzjali ta’ tilwim

    Parteċipazzjoni fil-mekkaniżmi ADR tal-Komunità

    Fil-każ li l-kooperazzjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti ma kinitx sodifaċenti, iċ-ċentri tas-SOLVIT jressqu każ għal-livell ogħla fi ħdan amministrazzjoni bħala t-tieni tentattiv biex jipprovaw isibu soluzzjoni;

    Informazzjoni dwar mekkaniżmi ADR

    Il-promozzjoni tas-SOLVIT issir permezz tal-kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ grupp ta’ partijiet interessati u billi jintbagħtulhom skedi informattivi;

    Taħriġ

    Il-Ministeru għall-Ġustizzja jorganizza korsijiet speċjali ta’ taħriġ li jkopru r-regoli tas-suq intern għall-imħallfin;

    Il-programmi ta’ taħriġ għall-imħallfin li qed jitħarrġu fil-liġi Komunitarja huma obbligatorji;

    Aċċess faċli għall-informazzjoni

    Jitħejjew sommarji tal-każistika tal-Komunità minn unità speċifika f’Ministeru nazzjonali li tispeċjalizza fir-regoli tas-suq uniku għall-użu tal-ġudikatura;

    Sommarji ta’ sentenzi sinfikanti jiġu ppubblikati f’bulettin legali;

    Kondiviżjoni ta’ sentenzi nazzjonali relatati mal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku

    Il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jirrappurtaw fuq sentenzi importanti li jirrigwardaw il-liġi Komunitarja u fuq deċiżjonijiet dwar sentenzi preliminari, u dawn jiġu ppubblikati f’bulettin.

    7.   MIŻURI LI JIPPROMWOVU VALUTAZZJONI REGOLARI TAL-LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jiżviluppaw approċċ sistematiku għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta r-regoli tas-suq uniku sabiex jiġu identifikati kwalunkwe inkonsistenzi fl-applikazzjoni tagħha, inkluż permezz tal-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati, komunikazzjoni tar-riżultati dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi, eċċ.;

    (b)

    jirrevdu, fejn dan ikun fattibbli, ir-regoli nazzjonali eżistenti u l-prassi amminstrattivi, biex jidentifikaw dispożizzjonijiet li jistgħu jżommu liċ-ċittadini milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq uniku; u jadattaw il-qafas regolatorju nazzjonali fejn meħtieġ;

    (ċ)

    jieħdu miżuri organizzattivi biex jiżguraw sorveljanza mill-qrib tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u f’dak il-kuntest jivvalutaw regolarment jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prassi amministrattivi humiex kompatibbli mar-regoli tas-suq uniku.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni

    Jiġu żviluppati rapporti ex-post tal-Valutazzjoni tal-Impatt għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tad-Direttivi tas-suq uniku;

    Qed jiġi żviluppat proċess sistematiku għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, bil-għan ta’ diskussjoni dwar kif (u jekk) jiġu implimentati l-pakketti magħżula tar-regoli interkonnessi tas-suq uniku u l-impatt tagħhom fuq in-negozju;

    Reviżjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali

    Jitwettqu reviżjonijiet komprensivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi.

    Verifikar dwar l-impat tas-sentenzi preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja

    L-awtoritajiet nazzjonali janalizzaw b’mod sistematiku jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tiġi emendata wara s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    8.   MIŻURI LI PERMEZZ TAGĦHOM IĊ-ĊITTADINI U N-NEGOZJI JIĠU MGĦARRFA AĦJAR DWAR ID-DRITTIJIET TAGĦHOM FIS-SUQ UNIKU.

    L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

    (a)

    jippromovu u jżidu l-għarfien dwar is-servizzi tal-informazzjoni tal-Kummissjoni (10) fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll esternament fil-livelli nazzjonali, reġjoni u lokali, f’konformità mal-ħidma tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar is-Servizzi ta’ Assistenza dwar is-Suq Uniku (SMAS);

    (b)

    jiżguraw koordinament imsaħħaħ bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għas-servizzi tal-informazzjoni tal-Komunità;

    (ċ)

    jagħmlu disponibbli f’lingwi oħra informazzjoni prattika dwar id-drittijiet u l-obbligi, u li tkun aċċessibbli faċilment fuq sit web tal-Internet; u jintroduċu kontroreferenzi ċari bejn il-portali relevanti kollha nazzjonali u Komunitarji b’informazzjoni relatata mas-suq uniku, u b’mod partikolari permezz tal-portal “L-Ewropa Tiegħek”;

    (d)

    jorganizzaw kampanji u programmi ta’ informazzjoni dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tas-suq uniku.

    Prassi eżistenti f’ċerti Stati Membri relatati mal-miżuri li ġew issuġġeriti

    Promozzjoni tas-servizzi Komunitarji tal-informazzjoni

    Tingħata informazzjoni mmirata għall-gruppi ta’ partijiet interessati l-aktar konċernati permezz tal-Internet, ktibiet, fuljetti, seminars u kampanji għaż-żieda fl-għarfien;

    Koordinament fil-livell nazzjonali tas-servizz tal-informazzjoni tal-Kummissjoni

    Grupp ta’ koordinament ilaqqa’ flimkien Europe Direct, In-Netwerk Ewropa Intrapriża, Eurojus, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur (ECC Net) u l-punti ta’ kuntatt ta’ FIN-NET;

    Informazzjoni faċilment aċċessibbli

    Ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni u konsulenza relatati mas-suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozji barranin, u għal persuni nazzjonali li jixtiequ jmorru lil hinn minn pajjiżhom, huwa disponibbli fuq portali orizzontali tal-gvern elettroniku, siti web nazzjonali ffukati fuq kwistjonijiet Komunitarji, jew fuq siti web speċifiċi mmirati għan-negozji jew għaċ-ċittadini;

    Qed jiġi ppjanat sors nazzjonali onlajn ta’ tagħrif dwar is-suq uniku. Se jkun sponsorjat minn awtorità waħdanija tal-gvern u jitħaddem mill-awtoritajiet l-oħra kollha konċernati;

    Kampanji ta’ informazzjoni

    Qed tiġi żviluppata kampanja ta’ informazzjoni dwar is-suq uniku, li se tinkludi l-għoti ta’ materjali ppubblikati, korsijiet ta’ taħriġ u lekċers miftuħa li jgħarrfu liċ-ċittadini u n-negozji dwar l-opportunitajiet tas-suq uniku.


    (1)  Id-Direttiva tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

    (2)  Ir-Regolament tas-7 ta’ Diċembru 1998 dwar il-ħidma tas-suq intern b’relazzjoni mal-moviment liberu tal-oġġetti fost l-Istati Membri (ĠU L 337, 12.12.1998, p. 8).

    (3)  Il-fażi ta’ ttestjar tal-“Proġett Pilota tal-UE”, li jimmira biex jikseb tweġibiet aktar malajr għal inkjesti u ilmenti dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja, permezz ta’ metodu ta’ ħidma aktar informali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, tvarat f’April 2008 bil-parteċipazzjoni ta’ 15-il Stat Membru.

    (4)  ĠU L 376, 17.12.2006, p. 36.

    (5)  OJ L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (6)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

    (7)  Bla ħsara għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu rekwiżiti minimi fid-Direttivi li jirriżultaw minn kompetenzi kondiviżi f’konformità mat-Trattat tal-KE (b’mod partikolari l-Artikolu 137 TKE).

    (8)  http://www.ejtn.net/www/en/html/index.htm

    (9)  Il-portal Ewropew Ġustizzja-e se jitvara fl-14 ta’ Diċembru 2009

    (10)  Bħal, fost oħrajn, Europe Direct, Servizz ta’ Orjentazzjoni għaċ-Ċittadini, L-Ewropa Tiegħek, EURES, Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, in-Netwerk Europea Intrapriża.


    Top