Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009E0573

    Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/573/PESK tas- 27 ta’ Lulju 2009 li temenda l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ĠU L 197, 29.7.2009, p. 111–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/12/2010; Impliċitament imħassar minn 32010D0800

    ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2009/573/oj

    29.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 197/111


    POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2009/573/PESK

    tas-27 ta’ Lulju 2009

    li temenda l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta’ Novembru 2006 l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (1) (“RDPK”) li implimentat ir-Riżoluzzjoni 1718 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonjiet Uniti (“UNSCR 1718 (2006)”).

    (2)

    F’dikjarazzjoni tas-26 ta’ Mejju 2009, l-Unjoni Ewropea kkundannat bil-qawwa l-ittestjar ta’ apparat esplussiv nukleari mwettaq mir-RDPK fil-25 ta’ Mejju 2009.

    (3)

    Fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1874 (2009) (“UNSCR 1874 (2009)”) li wessgħat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi imposti mill-UNSCR 1718 (2006), inter alia billi estendiet l-embargo fuq l-armi kontra r-RDPK.

    (4)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 stieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea biex jittrasponu l-UNSCR 1874 (2009) b’mod qawwi u mingħajr dewmien.

    (5)

    L-UNSCR 1874 (2009) tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU u l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu internazzjonali sabiex ma jidħlux f’impenji ġodda għal għotjiet, assistenza finanzjarja u self aġevolanti lir-RDPK u tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jeżerċitaw viġilanza mtejba bil-ħsieb li jitnaqqsu l-impenji attwali. Hija tappella wkoll lill-Istati Membri kollha tan-NU sabiex ma jipprovdux appoġġ finanzjarju pubbliku għall-kummerċ mar-RDPK fejn tali appoġġ finanzjarju jista’ jikkontribwixxi għall-programmi jew attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari jew mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva.

    (6)

    L-UNSCR 1874 (2009) tappella wkoll lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jimpedixxu l-għoti ta’ servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tagħhom, jew għal jew miċ-ċittadini jew l-entitajiet tagħhom organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi jew riżorsi finanzjarji jew oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għal tali programmi jew attivitajiet.

    (7)

    Barra minn hekk l-UNSCR 1874 (2009) tappella lill-Istati kollha, f’konformità mal-awtoritajiet u l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, u konsistenti mal-liġi internazzjonali, biex jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mir-RDPK, fit-territorju tagħhom, inklużi l-portijiet u l-ajruporti, jekk l-Istat ikkonċernat ikollu informazzjoni li tipprovdi bażi raġġjonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħha huma pprojbiti skont l-UNSCR 1718 (2006) jew l-UNSCR 1874 (2009).

    (8)

    Barra minn hekk, l-UNSCR 1874 (2009) tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jispezzjonaw il-bastiment fl-ibħra internazzjonali, bil-kunsens tal-Istat tal-bandiera, jekk huma ikollhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġġjonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija ta’ tali bastimenti tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont l-UNSCR 1718 (2006) jew l-UNSCR 1874 (2009).

    (9)

    L-UNSCR 1874 (2009) tipprevedi li l-Istati Membri tan-NU għandhom jikkonfiskaw u jiddisponu minn oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huwa pprojbit skont l-UNSCR 1718 (2006) jew l-UNSCR 1874 (2009) b’mod li mhuwiex inkonsistenti mal-obbligi tagħhom skont ir-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-konvenzjonijiet internazzjonali.

    (10)

    L-UNSCR 1874 (2009) tipprevedi li l-Istati Membri tan-NU għandhom jipprojbixxu servizzi ta’ bunkering miċ-ċittadini jew mit-territorju tagħhom, jew manutenzjoni oħra ta’ bastimenti, lill-bastimenti tar-RDPK jekk għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li huma qegħdin iġorru oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huwa pprojbit skont l-UNSCR 1718 (2006) jew l-UNSCR 1874 (2009).

    (11)

    L-UNSCR 1874 (2009) tappella lill-Istati Membri tan-NU biex jeżerċitaw viġilanza u jipprevjenu tagħlim jew taħriġ speċjalizzat ta’ ċittadini tar-RDPK fit-territorji tagħhom jew minn ċittadini tagħhom, ta’ dixxipplini li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari sensittivi ta’ proliferazzjoni u għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari tar-RDPK.

    (12)

    F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar ir-RDPK tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 u sabiex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-UNSCR 1874 (2009), il-projbizzjoni dwar il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment lir-RDPK ta’ oġġetti determinati min-Nazzjonijiet Uniti għandha tapplika għal ċerti oġġetti oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva.

    (13)

    Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni għandhom ukoll japplikaw fir-rigward ta’ persuni maħturin mill-Unjoni Ewropea, jew minħabba l-promozzjoni jew l-appoġġ tagħhom ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva jew minħabba li huma jipprovdu servizzi finanzjarji jew jitrasferixxu assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għal dawk il-programmi.

    (14)

    Barra minn hekk, l-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi għandu jiġi applikat fir-rigward ta’ persuni u entitajiet maħturin mill-Unjoni Ewropea, jew minħabba l-promozzjoni jew l-appoġġ tagħhom ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva jew minħabba li huma jipprovdu servizzi finanzjarji jew jitrasferixxu assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għal dawk il-programmi.

    (15)

    Barra minn hekk, biex ikun impedit l-għoti tas-servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tagħhom, jew minn jew għal ċittadini tagħhom jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi jew l-attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-sorveljanza fuq l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ ċerti banek u entitajiet finanzjarji konnessi mar-RDPK

    (16)

    Il-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

    (17)

    Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità Ewropea sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

    Artikolu 1

    Il-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1 għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(c)

    ċerti oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew armi oħrajn tal-qerda massiva. Il-Komunità Ewropea għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom jkunu koperti b’din id-dispożizzjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-akkwist minn ċittadini tal-Istati Membri, jew l-użu ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, ta’ oġġetti u teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 mir-RDPK, kif ukoll il-forniment liċ-ċittadini tal-Istati Membri ta’ taħriġ tekniku, konsulenza, servizzi, assistenza, finanzjament u assistenza finanzjarja msemmijin fil-paragrafu 2 mir-RDPK, għandu wkoll ikun pprojbit, kemm jekk joriġina fit-territorju tar-RDPK kif ukoll jekk le.”;

    2.

    l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 1a

    1.   L-Istati Membri m’għandhomx jidħlu f’impenji ġodda għal għotjiet, assistenza finanzjarja u self aġevolanti lir-RDPK, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, ħlief għal finijiet umanitarji u ta’ żvilupp li jindirizzaw direttament il-bżonn tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni ta’ denuklearizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw ukoll viġilanza bil-ħsieb li jitnaqqsu l-impenji attwali, u jekk possibbli, li jtemmuhom.

    2.   L-Istati Membri m’għandhomx jipprovdu appoġġ finanzjarju pubbliku għall-kummerċ mar-RDPK, inkluż l-għoti ta’ krediti, garanziji jew assigurazzjoni ta’ esportazzjoni, liċ-ċittadini jew l-entitajiet tagħhom involuti f’tali kummerċ, fejn tali appoġġ finanzjarju jista’ jikkontribwixxi għall-programmi jew attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari jew mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva.”;

    3.

    L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu d-dħul fi, jew it-tranżitu mit-territorji tagħhom ta’:

    (a)

    il-persuni maħturin mill-Kumitat jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bħala responsabbli għal-linji ta’ politika tar-RDPK, inkluż permezz ta’ appoġġ jew promozzjoni, fir-rigward ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi u ma’ armi oħra tal-qerda massiva, flimkien mal-membri tal-familji tagħhom, kif elenkat fl-Anness I;

    (b)

    persuni mhux koperti bl-Anness I li huma responsabbli għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, inkluż permezz ta’ appoġġ jew promozzjoni, kif elenkat fl-Anness II;

    (c)

    persuni mhux koperti bl-Anness I jew l-Anness II li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew li jinvolvu ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, kif elenkat fl-Anness III.

    2.   Il-paragrafu 1(a) m’għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ li tali vjaġġar huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja, inklużi obbligi reliġjużi, jew fejn il-Kumitat jikkonkludi li eżenzjoni tippromwovi b’xi mod l-objettivi tal-UNSCR 1718 (2006) jew l-UNSCR 1874 (2009).

    3.   Il-paragrafu 1 m’għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dħul fit-territorju tiegħu.

    4.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn Stat Membru huwa marbut b’obbligu tal-liġi internazzjonali, jiġifieri:

    (i)

    bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

    (ii)

    bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa minn, jew taħt l-awspiċju, tan-Nazzjonijiet Uniti;

    (iii)

    taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet;

    (iv)

    taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt tal-Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    5.   Il-paragrafu 4 għandu jkun meqjus li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru ikun pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    6.   Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 4 jew 5.

    7.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti fil-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar huwa ġustifikat għar-raġunijiet ta’ ħtieġa urġenti umanitarja, jew għar-raġunijiet ta’ attendenza f’laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni Ewropea, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-kariga tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-RDPK.

    8.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 7 għandu jinnotifika bil-miktub lill-Kunsill dwarhom. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma jqajmux oġġezzjoni bil-miktub fi żmien jumejn ta’ ħidma minn meta tiġi rċevuta n-notifika tal-eżenzjoni proposta. Fil-każ li Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    9.   F’każijiet fejn, skont il-paragrafi 4, 5 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew tranżitu fit-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Annessi I, II jew III, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-għan li għalih tkun ingħatat u lill-persuni konċernati b’dan.

    10.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat bid-dħul jew tranżitu fit-territorji tagħhom tal-persuni msemmijin fl-Anness I, jekk tkun ingħatat eżenzjoni.”;

    4.

    Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn:

    (a)

    il-persuni u l-entitajiet maħturin mill-Kumitat jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bħala li huma impenjati jew jipprovdu appoġġ għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi u ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, kif elenkat fl-Anness I;

    (b)

    il-persuni u l-entitajiet mhux koperti bl-Anness I li huma responsabbli għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skont l-ordni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjeta’ jew kkontrollati minnhom, kif elenkat fl-Anness II;

    (c)

    il-persuni u l-entitajiet mhux koperti bl-Anness I jew l-Anness II li jipprovdu servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew li jinvolvu ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skont l-ordni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjeta’ jew kkontrollati minnhom, kif elenkat fl-Anness III,

    għandhom jiġu ffriżati.”;

    5.

    l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 4a

    1.   Sabiex jiġi impedut l-għoti tas-servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew minn jew għal ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom, ta’ kwalunkwe assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw sorveljanza msaħħa tal-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma’:

    (a)

    entitajiet finanzjarji domiċiljati fir-RDPK;

    (b)

    fergħat u sussidjarji fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ta’ entitajiet finanzjarji domiċiljati fir-RDPK, kif elenkati fl-Anness IV;

    (c)

    fergħat u sussidjarji barra mill-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ta’ entitajiet finanzjarji domiċiljati fir-RDPK, kif elenkati fl-Anness V; u

    (d)

    entitajiet finanzjarji li la huma domiċiljati fir-RDPK u lanqas fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri iżda li huma kkontrollati minn persuni u entitajiet domiċiljati fir-RDPK, kif elenkati fl-Anness V,

    sabiex jiġi evitati li tali attivitajiet jikkontribwixxu għall-programmi jew l-attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew armi oħrajn tal-qerda massiva.

    2.   Għall-finijiet ta’ hawn fuq, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu meħtieġa, fl-attivitajiet tagħhom ma’ entitajiet finazjarji mniżżla fil-paragrafu 1, biex:

    (a)

    jeżerċitaw sorveljanza kontinwa fuq l-attivitajiet tal-kontijiet, inkluż permezz tal-programmi tagħhom ta’ miżuri ta’ viġilanza tal-klijenti u skont l-obbligi marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu;

    (b)

    jenħtieġu li l-oqsma ta’ informazzjoni kollha tal-istruzzjonijiet ta’ ħlas li jirrelataw mal-oriġinatur u mal-benefiċjarju tat-tranżazzjoni inkwistjoni jimtlew; u jekk dik l-informazzjoni ma tingħatax, it-tranżazzjoni tinċaħad;

    (c)

    iżommu r-rekords kollha dwar it-tranżazzjonjieti għal perijodu ta’ ħames snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali meta jintalbu;

    (d)

    jekk huma jissusspettaw jew ikollhom bażi raġjonevoli li jissusspettaw li l-fondi huma relatati mal-programmi jew l-attivitajiet tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew armi oħrajn tal-qerda massiva, jirrappurtaw minnufih is-suspetti tagħhom lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) jew awtorita kompetenti oħra maħtura mill-Istat Membru kkonċernat. L-UIF jew tali awtorità oħra kompetenti għandha jkollha aċċess, dirett jew indirett, fuq bażi ta’ żmien f’waqtu għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u ta’ infurzar tal-liġi li tkun teħtieġ biex twettaq din il-funzjoni korrettament, inkluż l-analiżi ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet ta’ suspett.”;

    6.

    L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 5

    1.   F’konformità mal-awtoritajiet u l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, u konsistenti mal-liġi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mir-RDPK fit-territorju tagħhom, inklużi l-portijiet u l-ajruporti tagħhom, jekk għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din il-Pożizzjoni Komuni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-bastiment fl-ibħra internazzjonali, bil-kunsens tal-Istat tal-bandiera, jekk huma għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija ta’ tali bastimenti tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din il-Pożizzjoni Komuni.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mal-ispezzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-ġbir u t-trasmissjoni tad-data rilevanti mill-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, bħall-oriġini, il-kontenut u d-destinazzjoni finali.

    5.   F’każijiet fejn titwettaq l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkonfiskaw u jiddisponu mill-oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment u l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din il-Pożizzjoni Komuni f’konformità mal-paragrafu 14 tal-UNSCR 1874 (2009).

    6.   L-għoti miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri ta’ servizzi ta’ bunkering, servizzi ta’ forniment lill-bastimenti, jew manutenzjoni oħra ta’ bastimenti, lill-bastimenti tar-RDPK għandhom jiġu pprojbiti jekk huma għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġjonevolii biex wieħed jemmen li l-bastimenti qegħdin iġorru oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din il-Pożizzjoni Komuni sakemm l-għoti ta’ tali servizzi mhuwiex meħtieġ għall-finijiet umanitarji jew sakemm il-merkanzija ma ġietx spezzjonata, u kkonfiskata u disponuta jekk ikun meħtieġ, f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 4.”;

    7.

    l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

    “Artikolu 5a

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeżerċitaw viġilanza u jipprevjenu tagħlim jew taħriġ speċjalizzat ta’ ċittadini tar-RDPK, fit-territorji tagħhom jew minn ċittadini tagħhom, ta’ dixxipplini li jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari sensittivi ta’ proliferazzjoni tar-RDPK u għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari.”;

    8.

    L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista li tinsab fl-Anness I u jimplimenta kwalunkwe modifiki għaliha abbażi tad-determinazzjonijiet magħmula mill-Kumitat jew mill-Kunsill tas-Sigurtà.

    2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-listi fl-Annessi II, III, IV u V u jadotta l-modifiki għalihom.”;

    9.

    L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    1.   Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta, jew, jekk meħtieġ, emendata, notevolment fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni, entitajiet jew oġġetti jew persuni, entitajiet jew oġġetti addizzjonali li għandhom ikunu koperti mill-miżuri restrittivi, jew b’kont meħud tar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

    2.   Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 3(1)(b) u (c) u 4(1)(b) u (c) għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari u mill-anqas kull 12-il xahar. Huma m’għandhomx ikomplu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet konċernati jekk il-Kunsill jiddetermina, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom m’għadhomx jintlaħqu aktar.”;

    10.

    l-Anness għandu jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal din il-Pożizzjoni Komuni.

    Artikolu 2

    Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tieħu effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. BILDT


    (1)  ĠU L 322, 22.11.2006, p. 32.


    ANNESS

    “ANNESS

    Anness I

    Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikoli 3(1)(a) u 4(1)(a)

    Anness II

    Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikoli 3(1)(b) u 4(1)(b)

    Anness III

    Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikoli 3(1)(c) u 4(1)(c)

    Anness IV

    Lista ta’ fergħat u sussidjarji msemmija fl-Artikolu 4a(1)(b)

    Anness V

    Lista ta’ fergħat u sussidjarji msemmija fl-Artikolu 4a(1)(c) u (d)”


    Top