Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0846

    2009/846/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Ottubru 2009 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim amministrattiv bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS fuq is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

    ĠU L 306, 20.11.2009, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/846/oj

    Related international agreement

    20.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 306/39


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 ta’ Ottubru 2009

    dwar il-konklużjoni ta’ ftehim amministrattiv bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS fuq is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

    (2009/846/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, il-governanza pubblika taż-żewġ programmi tibbaża fuq il-prinċipju ta’ tqassim strett tal-kompetenzi bejn il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS maħluqa bir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 tal-Kunsill (2), u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, bil-Kummissjoni tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-programmi.

    (2)

    L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, li jirrigwarda l-governanza tal-aspetti tas-sigurtà tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita, jipprovdi b’mod partikolari li l-Kummissjoni tassigura l-ġestjoni tal-aspetti kollha li jirrigwardaw is-sigurtà taż-żewġ sistemi li jirriżultaw minn dawn il-programmi.

    (3)

    L-Artikolu 16 tal-istess Regolament jipprovdi li l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS tassigura, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-programmi u f’konformità mal-linji gwida fformulati mill-Kummissjoni, l-approvazzjoni tas-sigurtà u l-operat taċ-ċentru tas-sigurtà Galileo.

    (4)

    Il-kompiti fdati kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Awtorità Ewropea tas-Sorveljanza tal-GNSS mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq fil-qafas tal-programmi Galileo u EGNOS jimplikaw l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn dawn iż-żewġ entitajiet. Dawn jimplikaw ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, bil-Kummissjoni bħala intermedjarju, bejn l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS minn naħa waħda, u l-Aġenzija Spazjali Ewropea, il-Kunsill u l-Istati Membri min-naħa l-oħra.

    (5)

    Permezz tad-Deċiżjoni tagħha 2001/844/KE, KEFA, Euratom (3), il-Kummissjoni emendat ir-regolament intern tagħha biex iżżid miegħu r-regoli li jiddefinixxu l-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà li għandhom jiġu osservati, b’mod partikolari rigward informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea.

    (6)

    L-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1321/2004 jipprovdi li l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS tapplika l-prinċipji ta’ sigurtà li jinsabu fid-Deċiżjoni 2001/844/CE, KEFA, Euratom. Dan japplika b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ informazzjoni klassifikata.

    (7)

    Bħalissa m’hemm l-ebda qafas li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS, u lanqas, permezz tal-Kummissjoni, bejn l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS minn naħa waħda, l-Aġenzija Spazjali Ewropea, il-Kunsill u l-Istati Membri min-naħa l-oħra.

    (8)

    Huwa għalhekk meħtieġ li jsir ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata. Ftehim bħal dan ġie nnegozjat bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS u għandu għalhekk jiġi approvat u ffirmat.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata huwa approvat.

    It-test tal-ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea huwa awtorizzat jiffirma l-ftehim f’isem il-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.


    ANNESS

    Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Kummissjoni”, irrappreżentata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport,

    minn naħa waħda, u

    L-AWTORITÀ EWROPEA TA’ SORVELJANZA TAL-GNSS,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ASG”, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha,

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħin “Partijiet” jew “Parti”,

    WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo),

    WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-istrutturi ta’ ġestjoni tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita,

    WARA LI KKUNSIDRAW id-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 tal-Kummissjoni li temenda ir-regoli ta’ proċedura interni tagħha,

    BILLI fil-kuntest tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo, hemm ħtieġa kontinwa ta’ skambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-partijiet,

    BILLI konsultazzjonijiet u kooperazzjoniet tajbin u effikaċi jistgħu jeħtieġu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata mill-Partijiet, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet,

    KONXJI mill-fatt li tali aċċess u tali skambju ta’ informazzjoni klassifikata jeħtieġu miżuri ta’ sigurtà xierqa,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, b’dawn li ġejjin wieħed jifhem:

    (a)   “informazzjoni klassifikata”: kull informazzjoni (jiġifieri għarfien li jista’ jiġi kkomunikat fi kwalunkwe forma) jew kull materjal, inklużi dokumenti, li Parti tqis li għandhom jiġu mħarsa minn żvelar mhux awtorizzat u li ġew indikati bħala tali skont klassifikazzjoni ta’ sigurtà;

    (b)   “Parti li tipprovdi l-informazzjoni”: il-parti li minnha tkun ġejja l-informazzjoni klassifikata li tiġi kkomunikata jew żvelata lill-Parti l-oħra, il-Parti riċevitriċi;

    (c)   “Parti riċevitriċi”: il-parti li tirċievi l-informazzjoni klassifikata mill-Parti l-oħra, il-Parti li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata;

    (d)   “regolamenti tas-sigurtà”: id-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001, kif inhi applikabbli għal kull Parti, u l-proċeduri u r-regolamenti interni ta’ kull Parti.

    Artikolu 2

    Dan il-ftehim japplika għall-informazzjoni klassifikata kkomunikata minn Parti lil oħra jew skambjata bejniethom b’mod konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà rispettivi tagħhom għall-ħtiġijiet tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (Galileo u EGNOS).

    Artikolu 3

    Kull Parti:

    (a)

    tiżgura l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata koperta minn dan il-ftehim li tiġi kkomunikata minn Parti għal oħra jew skambjata bejniethom;

    (b)

    tiżgura li l-informazzjoni klassifikata li tiġi kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim, iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà li tkun tatha l-Parti li tipprovdi l-informazzjoni. Il-Parti riċevitriċi tiżgura l-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ din l-informazzjoni klassifikata skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti ta’ sigurtà tagħha li jirrigwardaw l-informazzjoni klassifikata wara li tkun irċeviet klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 9;

    (c)

    tastjeni milli tagħmel użu minn din l-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għal finijiet li mhumiex dawk li ġew stabbiliti mill-Parti li tkun ipprovdietha;

    (d)

    tastjeni milli tiżvela informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim lil Partijiet terzi, ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 4, il-paragrafi 4 u 5, mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni;

    (e)

    ma tawtorizzax l-aċċess għal din l-informazzjoni klassifikata ħlief lil persuni li jkollhom bżonn li jkunu jafuha u, skont il-każ, ikollhom awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-livell meħtieġ.

    Artikolu 4

    1.   L-informazzjoni klassifikata tista’ tiġi kkomunikata jew żvelata, f’konformità mal-prinċipju ta’ kontroll tal-oriġinatur, mill-Parti li tipprovdi l-informazzjoni lill-Parti riċevitriċi.

    2.   L-iżvelar jew il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata lil Partijiet terzi li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 jsir fuq deċiżjoni tal-Parti riċevitriċi, wara li l-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-miktub, f’konformità mal-prinċipju ta’ kontroll tal-oriġinatur, kif inhu definit permezz tar-regolament ta’ sigurtà tagħha.

    3.   Permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, żvelar awtomatiku lil Partijiet terzi li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 huwa possibbli biss jekk ikunu ġew stabbiliti u miftiehma proċeduri bejn il-partijiet għal ċerti kategoriji ta’ informazzjoni relatati mal-ħtiġijiet operattivi tagħhom.

    4.   L-informazzjoni klassifikata li toħroġ mingħand l-ASG tista’ tkun żvelata b’mod awtomatiku mill-Kummissjoni lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (“ASE”), lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tfittex li tidħol fi ftehimiet u arranġamenti mal-ASE, mal-Kunsill u mal-Istati Membri rispettivament, sabiex tippermetti l-iżvelar awtomatiku lill-ASG ta’ informazzjoni klassifikata li toħroġ mingħand l-ASE, il-Kunsill u l-Istati Membri.

    Artikolu 5

    1.   Il-partijiet għandhom jiżguraw li jkollhom sistema ta’ sigurtà u li jimplimentaw miżuri ta’ sigurtà li jissodisfaw il-prinċipji fundamentali u l-istandards minimi ta’ sigurtà pprovduti mir-regolamenti ta’ sigurtà rispettivi tagħhom u li jinsabu fl-arranġamenti li għandhom jiġu implimentati skont l-Artikolu 9, b’mod li jkun applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

    2.   Il-partijiet għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata imsemmija f’dan il-Ftehim u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ interess komuni. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 9 għandhom iwettqu konsultazzjonijiet u spezzjonijiet reċiproċi ta’ sigurtà sabiex jivvalutaw l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà taħt ir-responsabbiltà tagħhom li għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu msemmi.

    3.   Qabel il-komunikazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassfikata soġġetta għal dan il-Ftehim bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli msemmija fl-Artikolu 9 jiddikjaraw li jaqblu li jivvalutaw li l-Parti riċevitriċi hija f’pożizzjoni li tiżgura l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni msemmija f’konformità mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu msemmi.

    Artikolu 6

    Il-partijiet jiżguraw li kull persuna li, fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħha, tkun teħtieġ li taċċessa jew, minħabba d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħha, jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni klassifikata kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim, ikollha, jekk ikun meħtieġ, awtorizzazzjoni xierqa tas-sigurtà qabel ma tingħata permess li taċċessa din l-informazzjoni klassifikata.

    Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà għandhom l-għan li jiddeterminaw jekk persuna, meta wieħed jikkunsidra l-lealtà u l-fedeltà tagħha, jistax ikollha aċċess għal informazzjoni klassifikata.

    Artikolu 7

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

    (a)

    f’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, il-korrispondenza kollha tintbagħat fl-uffiċċju ċentrali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, f’dan l-indirizz:

    Commission européenne

    Secrétariat général

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    (b)

    f’dak li jirrigwarda l-ASG, il-korrispondenza kollha tintbagħat f’dan l-indirizz:

    GSA

    Local Security Officer

    Rue de la Loi 56/Wetstraat 56

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-korrispondenza ta’ Parti li għaliha għandhom aċċess biss ċerti aġenti, korpi jew servizzi kompetenti ta’ din il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tkun indirizzata u aċċessibbli biss għal ċerti aġenti, korpi jew servizzi kompetenti tal-Parti l-oħra maħturin b’mod speċifiku bħala riċevituri, skont il-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju tal-ħtieġa li jkollhom għarfien. Jekk dan ikun il-każ:

    (a)

    F’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, din il-korrispondenza tintbagħat b’mod dirett mill-ASG lill-uffiċċju lokali li jservi lill-aġenti, lill-korpi jew lis-servizzi kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni, jew permezz tal-[uffiċċju ċentrali tas-Segretarjat Ġenerali] tal-Kummissjoni, f’każ li l-aġenti, il-korpi jew is-servizzi riċevituri m’għandhomx uffiċċju lokali;

    (b)

    F’dak li jirrigwarda l-ASG, din il-korrispondenza tintbagħat permezz tad-dipartiment tas-sigurtà tal-ASG.

    Artikolu 8

    Id-Direttur Eżekuttiv tal-ASG u d-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 9

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, qegħdin jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ta’ sigurtà bejn l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 sabiex jiġu stabbiliti l-istandards ta’ protezzjoni ta’ sigurtà u ta’ salvagwardja reċiproka tal-informazzjoni klassifikata kkomunikata u skambjata taħt dan il-Ftehim.

    2.   Id-dipartiment tas-sigurtà tal-ASG, taħt l-awtorità u għan-nom tad-Direttur Eżekuttiv tal-ASG, jelabora d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata kkomunikata lill-ASG jew skambjata magħha skont dan il-Ftehim.

    3.   Id-Direttorat tas-sigurtà tal-Kummissjoni, li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet ta’ sigurtà, jelabora d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni u fil-bini tagħha.

    4.   Għall-ASG, id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-kunsill tal-amministrazzjoni tal-ASG.

    Artikolu 10

    L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 9 jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti jekk ikun magħruf jew jekk ikun hemm xi suspett li informazzjoni klassifikata koperta minn dan il-Ftehim tkun kompromessa, inkluża n-notifikazzjoni lill-Parti l-oħra dwar is-sitwazzjoni u dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu.

    Artikolu 11

    Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 12

    Kwalunkwe tilwima bejn il-Kummissjoni u l-ASG li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun l-oġġett ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

    Artikolu 13

    1.   Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar mid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri interni meħtieġa huma lesti.

    2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-oħra bi kwalunkwe bidla li tkun saret fir-regolament li tista’ tikkomprometti l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata koperta minn dan il-Ftehim.

    3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi eżaminat mill-ġdid fuq talba ta’ Parti jew tal-oħra bl-għan li jsiru xi tibdiliet possibbli.

    4.   Kull bidla f’dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Din tidħol fis-seħħ permezz ta’ notifika reċiproka, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

    5.   Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż għal perjodu indefinit. Jista’ jintemm fi kwalunkwe ħin minn Parti permezz ta’ notifika bil-miktub ta’ terminazzjoni indirizzata lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi notifika tagħha. Madankollu, din ma taffettwax l-obbligi diġà kkuntrattati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim tibqa’ protetta skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim sakemm il-Parti riċevitriċi tagħtiha lura lill-Parti li tkun ipprovdietha, fuq talba ta’ din tal-aħħar.

    6.   Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji fil-lingwa Ingliża.

    B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati bix-xieraq rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Id-Direttur Ġenerali

    Matthias RUETE

    Għall-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS

    Id-Direttur Eżekuttiv

    Pedro PEDREIRA


    Top