Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0815

    2009/815/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, jikkonsistu minn, jew prodotti mill-qamħirrum modifikat ġenetikament 59122xNK603 (DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8386) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 289, 5.11.2009, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/08/2018; Imħassar b' 32018D1110 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/815/oj

    5.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/29


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-30 ta’ Ottubru 2009

    li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, jikkonsistu minn, jew prodotti mill-qamħirrum modifikat ġenetikament 59122xNK603 (DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8386)

    (It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/815/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-26 ta’ Awwissu 2005, Pioneer Overseas Corporation, ressqet applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li jiġu prodotti mill-qamħirrum 59122xNK603 (“l-applikazzjoni”).

    (2)

    L-applikazzjoni tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti oħrajn li fihom jew jkkonsistu mill-qamħirrum 59122xNK603 għall-istess użi bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. Għalhekk, skont l-Artikoli 5(5) u 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, din tinkludi d-dejta u t-tagħrif meħtieġa mill-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) u tagħrif u konklużjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-prinċipji stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE. Din tinkludi wkoll pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali konformi mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE.

    (3)

    Fil-25 ta’ Novembru 2008, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“EFSA”) tat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u kkonkludiet li mhuwiex probabbli li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum 59122xNK603 kif deskritt fl-applikazzjoni (“il-prodotti”) ikollu effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ambjent fil-kuntest tal-użi intenzjonati tagħhom (3). Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA qieset il-mistoqsijiet speċifiċi kollha u t-tħassib li tqajjem mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 6(4) u 18(4) ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ ambjentali, li jikkonsisti fi pjan ta’ sorveljanza ġenerali, imressaq mill-applikant huwa konformi mal-użu maħsub għall-prodotti.

    (5)

    Wara li tqiesu dawk il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata l-awtorizzazzjoni għall-prodotti.

    (6)

    Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għal kull OMĠ kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (4).

    (7)

    Fuq il-bażi tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA, l-ebda rekwiżiti tat-tikkettjar speċifiċi għajr dawk stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma jidhru meħtieġa għal ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum 59122xNK603. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-użu tal-prodotti fi ħdan il-limiti tal-awtorizzazzjoni stipulata minn din id-Deċiżjoni, l-ittikkettjar tal-għalf li fih jew li jikkonsisti minn OMĠ u prodotti oħrajn li mhumiex ikel jew għalf li jkun fihom jew li jikkonsistu minn OMĠ li ntalbet l-awtorizzazzjoni għalihom, għandhom jindikaw b’mod ċar li l-prodotti kkonċernati m’għandhomx jintużaw għall-kultivazzjoni.

    (8)

    Bl-istess mod, l-opinjoni tal-EFSA ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u/jew kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu u l-ġarr, inklużi r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel jew l-għalf, jew kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjent u/jew żoni ġeografiċi partikolari, kif stipulat fil-punt (e) tal-Artikoli 6(5) u 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    (9)

    L-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    (10)

    L-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (5), jistipula l-ħtiġijiet tal-ittikkettjar għal prodotti li jikkonsistu minn, jew li fihom l-OMĠ.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata permezz tal-Clearing House dwar il-Bijosigurtà lill-Partijiet fil-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skont l-Artikoli 9(1) u 15(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (6).

    (12)

    L-applikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni.

    (13)

    Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu.

    (14)

    Fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill ma setax jilħaq deċiżjoni b’maġġoranza kwalifikata kemm favur kif ukoll kontra l-proposta. Il-Kunsill indika li l-proċedimenti dwar dan il-fajl kienu konklużi. Skont dan hija l-Kummissjoni li trid tadotta l-miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-organiżmu modifikat ġenetikament u l-identifikatur uniku

    Il-qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L.) 59122xNK603, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, hu assenjat l-identifikatur uniku DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

    Artikolu 2

    L-awtorizzazzjoni

    Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-finijiet tal-Artikoli 4(2) u 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni:

    (a)

    ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, li jikkonsistu minn, jew prodotti mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6;

    (b)

    għalf li fih, li jikkonsisti minn, jew prodott mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6;

    (c)

    prodotti għajr ikel u għalf li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6 għall-istess użi bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor ħlief għall-kultivazzjoni.

    Artikolu 3

    L-ittikkettjar

    1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun“qamħirrum”.

    2.   Il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’ u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom jew jikkonsistu mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6 imsemmija fl-Artikolu 2(b) u (c).

    Artikolu 4

    Il-Monitoraġġ tal-effetti ambjentali

    1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif speċifikat fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

    2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet imfassla fil-pjan ta’ monitoraġġ.

    Artikolu 5

    Ir-reġistru Komunitarju

    L-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Artikolu 6

    Id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    Id-dententur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Pioneer Overseas Corporation, il-Belġju, li jirrappreżenta lil Pioneer Hi-Bred International, Inc., l-Istati Uniti tal-Amerika.

    Artikolu 7

    Il-validità

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 8

    Destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Pioneer Overseas Corporation, Avenue des Arts 44, 1040 Brussell – il-Belġju.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

    (3)  http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2005-247

    (4)  ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5.

    (5)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

    (6)  ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1.


    ANNESS

    (a)   L-applikant u d-detentur tal-awtorizzazzjoni:

    Isem

    :

    Pioneer Overseas Corporation

    Indirizz

    :

    Avenue des Arts 44, 1040 Brussell, il-Belġju

    F’isem Pioneer Hi-Bred International, Inc., 7100 NW 62nd Avenue, P.O. Box 1014, Johnston, IA 50131-1014, l-Istati Uniti

    (b)   L-isem u l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti:

    (1)

    Ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6;

    (2)

    Għalf li fih, li jikkonsisti minn, jew li huwa prodott mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6;

    (3)

    Prodotti għajr ikel u għalf li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6 għall-istess użi bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor ħlief għall-kultivazzjoni.

    Il-qamħirrum modifikat ġenetikament DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6, kif deskritt fl-applikazzjoni, hu prodott minn taħlit bejn il-qamħirrum li fih avvenimenti ta’ DAS-59122-7 u MON-ØØ6Ø3-6 u jesprimi l-proteina Cry34Ab1 u Cry35Ab1 li tagħti tolleranza lil ċerti parassiti coleopteran, il-proteina PAT, li tintuża bħala indikatur li jista’ jintgħażel, li tagħti toleranza lill-erbiċida ammonju tal-glufosinat, u l-proteina CP4 EPSPS li tagħti tolleranza lill-erbiċida tal-glyphosate.

    (c)   L-ittikkettjar:

    (1)

    Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, “isem l-organiżmu” għandu jkun “qamħirrum”;

    (2)

    Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’ u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom jew li jikkonsistu mill-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6 li jissemmew fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-Deċiżjoni.

    (d)   Il-metodu ta’ investigazzjoni:

    Metodi kwantitattivi fil-ħin reali relatati mal-avveniment li jissejsu fuq il-PCR għall-qamħirrum modifikat ġenetikament DAS-59122-7 u l-qamħirrum MON-ØØ6Ø3-6 validat fuq il-qamħirrum DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6,

    Ivvalidat fuq żrieragħ mil-laboratorju ta’ referenza Komunitarju stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fuq http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/statusofdoss.htm,

    Il-Materjal ta’ Referenza: ERM®-BF424 (għal DAS-59122-7) u ERM®-BF415 (għal MON-ØØ6Ø3-6) aċċessibbli permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istitut għall-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) fi http://www.irmm.jrc.be/html/reference_materials_catalogue/index.htm

    (e)   L-identifikatur uniku:

    DAS-59122-7xMON-ØØ6Ø3-6

    (f)   L-informazzjoni mitluba skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika:

    Clearing House tal-Bijosigurtà, Rekord ID: ara [għandu jimtela meta notifikat].

    (g)   Il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fir-rigward tat-tqegħid fis-suq, l-użu jew il-ġarr tal-prodotti:

    Mhux meħtieġa.

    (h)   Il-pjan ta’ monitoraġġ:

    Il-pjan ta’ superviżjoni għall-effetti ambjentali li jikkonforma mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE

    [Ħolqa: pjan ippubblikat fuq l-Internet]

    (i)   Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għal konsum mill-bniedem:

    Mhux meħtieġa.

    NB: il-ħoloq għal dokumenti rilevanti jista’ jkollhom bżonn jiġu emendati minn żmien għall-ieħor. Dawk il-modifiki se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament.


    Top