EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0558

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/558/PESK tas- 16 ta' Marzu 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael

ĠU L 192, 24.7.2009, p. 63–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/558/oj

Related international agreement

24.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/63


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/558/PESK

tas-16 ta' Marzu 2009

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu fit-18 ta’ Frar 2008, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) u bl-assoċjazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati mal-Istat tal-Iżrael skont l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sabiex tikkonkludi Ftehim ta’ sigurtà tal-informazzjoni.

(2)

Wara din l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna/i mogħtija s-setgħa biex tiffirma/jiffirmaw l-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċizjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


Top

24.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/64


TRADUZZJONI

FTEHIM

dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael

IL-GVERN TAL-ISTAT TAL-IŻRAEL

irrappreżentat mill-Ministeru tad-Difiża tal-Iżrael, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-IMOD”

u

L-UNJONI EWROPEA

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-UE”,

irrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

BILLI l-Partijiet bi ħsiebhom jikkooperaw fuq materji ta’ interess komuni relatati partikolarment ma’ kwistjonijiet ta’ difiża u sigurtà;

BILLI l-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni sħaħ u effettivi bejn il-Partijiet jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni u materjal klassifikati tal-Iżrael u tal-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u materjal relatat bejn l-Iżrael u l-UE;

BILLI l-Partijiet jixtiequ jipproteġu u jissalvagwardjaw l-informazzjoni klassifikata u l-materjal skambjat bejniethom;

BILLI l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata u l-materjal relatat aċċessat u skambjat teħtieġ miżuri ta’ sigurtà adatti;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Sabiex jitwettqu l-objettivi ta’ kooperazzjoni sħiħa u effettiva bejn il-Partijiet dwar materji ta’ interess komuni relatati partikolarment ma’ kwistjonijiet ta’ difiża u sigurtà, dan il-Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni u materjal klassifikati (minn hawn ‘il quddiem il-“Ftehim”) għandu japplika għall-informazzjoni u l-materjal klassifikati f’kull forma u f’kull qasam ipprovduti jew skambjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“informazzjoni klassifikata” għandha tfisser kull informazzjoni ((jiġifieri, tagħrif li jista’ jiġi komunikat f’kull forma, inkluż bil-miktub, bil-fomm jew viżwalment) jew materjal iddeterminat minn xi waħda mill-Partijiet, skont il-liġijiet u r-regolamenti interni tagħha, li jkun fl-interessi ta’ sigurtà rispettivi tagħha u li jkun jeħtieġ protezzjoni kontra żvelar mhux awtorizzat u li jkollu klassifikazzjoni ta’ sigurtà ta’ xi waħda mill-Partijiet għal dan il-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem: “informazzjoni klassifikata”).

(b)

“materjal” għandu jfisser kull dokument, prodott jew sustanza li fuqha jew ġo fiha tista’ tiġi reġistrata jew inkorporata informazzjoni, tkun xi tkun in-natura fiżika tagħha, iżda mhux limitata għal: kitba (ittra, nota, minuta, rapport, memorandum, sinjal/messaġġ), hardware, diski tal-kompjuter, CD ROM, USB flash sticks, tagħmir, makkinarju, apparat, strumenti, mudelli, ritratti/slajds/disinji, reġistrazzjonijiet, tejps, kasetts, films, riproduzzjonijiet, mapep, karti, pjanti, libretti għan-noti, żigarella tal-istensil, tal-karbonju, tat-tajprajter jew tal-printer.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “l-UE” għandha tfisser il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem: “il-Kunsill”), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem “il-Kummissjoni Ewropea”).

Artikolu 4

Kull Parti għandha:

(a)

tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni klassifikata pprovduta minn jew skambjata mal-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim skont il-liġijiet u r-regolamenti interni tagħha;

(b)

tiżgura li l-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim iżżomm il-marka tal-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti provvidenti. Il-Parti riċeventi għandha tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni klassifikata skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni jew materjal li jkollu klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti kif speċifikat fl-Artikolu 6. Meta jagħmlu dan, il-Partijiet għandhom jagħtu l-istess grad ta’ protezzjoni ta’ sigurtà lil tali informazzjoni klassifikata kollha bħalma tingħata lill-informazzjoni klassifikata tagħhom stess bi klassifikazzjoni ekwivalenti;

(c)

ma tużax tali informazzjoni klassifikata għal finijiet jew taħt kondizzjonijiet ta’ sigurtà li mhumiex dawk stabbiliti mill-oriġinatur jew dawk li għalihom tiġi pprovduta jew skambjata l-informazzjoni; dan għandu jinkludi l-post fejn jinstab tagħmir klassifikat;

(d)

ma tiżvela tali informazzjoni klassifikata lil ebda parti terza, jew lil xi istituzzjoni jew xi entità tal-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3 mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvidenti;

(e)

ma tippermettix l-aċċess għal informazzjoni klassifikata lil individwi sakemm dawn ma jkollhomx il-ħtieġa li jkunu jafu (jiġifieri dawk li fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom ikunu jeħtieġu aċċess) u, fejn meħtieġ, ikunu ngħataw l-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adatta u ġew awtorizzati mill-Parti rilevanti.

Artikolu 5

1.   Informazzjoni klassifikata tista’ tiġi żvelata jew rilaxxata minn Parti waħda (il-Parti provvidenti), lill-Parti l-oħra (il-Parti riċeventi).

2.   Sabiex tiġi rilaxxata lil riċevituri li mhumiex il-Partijiet, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Parti riċeventi dwar l-iżvelar jew ir-rilaxx tal-informazzjoni klassifikata, soġġett għall-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvidenti.

3.   Kull Parti għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata lill-Parti l-oħra fuq bażi ta’ każ b’każ. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, ir-rilaxx ġeneriku għandu jkun possibbli biss fejn jiġu stabbiliti u miftiehma proċeduri bejn il-Partijiet dwar ċerti kategoriji ta’ informazzjoni rilevanti għall-ħtiġiet operattivi tagħhom.

4.   Informazzjoni klassifikata li tkun ġiet riċevuta mill-Parti provvidenti tista’ tiġi pprovduta lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv mill-Parti provvidenti bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvidenti. Qabel ir-rilaxx jew l-iżvelar lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv ta’ kwalunkwe informazzjoni klassifikata li tkun irċeviet mill-Parti provvidenti, il-Parti riċeventi, skont ir-regoli u r-regolamenti interni tagħha, għandha tiżgura li kull tali kuntrattur jew kuntrattur prospettiv, u l-faċilità tal-kuntrattur, ikollhom il-kapaċità li jipproteġu l-informazzjoni klassifikata u li jkollhom awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adatta.

5.   Skont ir-regoli u r-regolamenti interni tagħha, kull Parti għandha tiżgura s-sigurtà tal-faċilitajiet u l-istabbilimenti fejn tinżamm informazzjoni klassifikata rilaxxata lilha mill-Parti l-oħra, u għandha tiżgura għal kull tali faċilità jew stabbiliment li jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għall-kontroll u l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata.

Artikolu 6

1.   Informazzjoni klassifikata għandha tkun immarkata kif ġej:

(a)

Għall-Istat tal-Iżrael, informazzjoni klassifikata għandha tkun immarkata

Image

(Top Secret),

Image

(Secret) jew

Image

(Confidential);

(b)

Għall-UE, informazzjoni klassifikata għandha tkun immarkata TRES SECRET UE/EU TOP SECRET, SECRET UE, CONFIDENTIEL UE jew RESTREINT UE.

2.   Il-klassifikazzjonijiet ta’ sigurtà korrispondenti huma:

Klassifikazzjoni Iżraeljana

Klassifikazzjoni tal-UE

Image

(Top Secret)

TRES SECRET UE/EU TOP SECRET

Image

(Secret)

SECRET UE

Image

(Confidential)

CONFIDENTIEL UE

(L-ebda ekwivalenti Iżraeljana)

RESTREINT UE

Il-Parti Iżraeljana timpenja ruħha li tagħti lill-informazzjoni klassifikata RESTREINT UE l-istess protezzjoni bħall-informazzjoni klassifikata Image (Confidential) tagħha.

Artikolu 7

Kull waħda mill-Partijiet għandha tiżgura li jkollha attwati sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà, ibbażati fuq il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet u r-regolamenti interni rispettivi tagħha u riflessi fl-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12, sabiex jiġi żgurat li jkun applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 8

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom ikunu jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess għall-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adatta qabel ma dawn jingħataw aċċess għal tali informazzjoni klassifikata.

2.   Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jitfasslu biex jiddeterminaw, skont ir-regoli u r-regolamenti interni, jekk il-fatturi rilevanti kollha rigward individwu humiex tali li hu jew hi jista’ jkollu/ikollha aċċess għal informazzjoni klassifikata.

Artikolu 9

Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim u materji ta’ interess komuni ta’ sigurtà. Għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet u żjarat reċiproċi ta’ sigurtà mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12 biex, fl-oqsma tar-responsabbilità rispettivi tal-Partijiet, tiġi żgurata l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont dak l-Artikolu. Id-dettalji prattiċi għal tali żjarat u kull żjara oħra għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jitniżżlu fl-arranġamenti li għandhom jitfasslu skont l-Artikolu 12.

Artikolu 10

1.   Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:

(a)

Fir-rigward tal-UE, il-korrispondenza għandha tintbagħat lill-Kunsill fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

Chief Registry Officer

Rue de la Loi/Wetstraat, 175

B 1048 Brussels

BELGIUM;

Il-korrispondenza kollha għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea, soġġett għall-paragrafu 2.

(b)

Fir-rigward tal-Iżrael, il-korrispondenza għandha tintbagħat lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Istabbiliment tad-Difiża D.S.D.E (MALMAB), fl-indirizz li ġej:

Ministry of Defense

Kaplan St.

Hakirya Tel.-Aviv

ISRAEL

2.   Eċċezzjonalment, il-korrispondenza minn Parti waħda li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra magħżula speċifikament bħala riċevituri, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju tal-ħtieġa ta’ għarfien.

Sa fejn jikkonċerna l-UE, din il-korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tal-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, jew l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tad-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea meta tali informazzjoni tkun indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea.

Sa fejn jikkonċerna l-Parti Iżraeljana, tali korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Istabbiliment tad-Difiża D.S.D.E (MALMAB). Fejn l-UE tkun tixtieq tibgħat informazzjoni klassifikata lill-ministeri jew organizzazzjonijiet Iżraeljani li mhumiex l-IMOD, id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Istabbiliment tad-Difiża D.S.D.E (MALMAB) għandu jinnotifika lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill dwar l-awtorità ta’ sigurtà Iżraeljana li tkun responsabbli għal dawn il-ministeri jew organizzazzjonijiet li japplikaw standards ekwivalenti għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata.

Artikolu 11

L-IMOD, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal materji ta’ sigurtà għandhom jissorveljaw l-implmentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 12

1.   Sabiex dan il-Ftehim jiġi implimentat, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ sigurtà bejn it-tliet awtoritajiet indikati fil-paragrafi 2, 3 u 4 sabiex jiġu stabbiliti l-istandards għall-protezzjoni u s-salvagwardja reċiproka ta’ informazzjoni klassifikata taħt dan il-Ftehim.

2.   Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Istabbiliment tad-Difiża D.S.D.E (MALMAB), taħt id-direzzjoni u f’isem il-Ministeru tad-Difiża tal-Iżrael, għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata pprovduta lill-Iżrael taħt dan il-Ftehim.

3.   L-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, taħt it-tmexxija u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun inkarigat mill-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata pprovduta lill-Unjoni Ewropea taħt dan il-Ftehim.

4.   Id-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal materji ta’ sigurtà, għandu jkun inkarigat mill-arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha.

5.   Għall-UE, l-arranġamenti ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

Il-Parti provvidenti għandha tkun informata f’każ ta’ telf jew kompromess ippruvat jew issuspettat tal-informazzjoni klassifikata tagħha mill-Parti riċeventi. Il-Parti riċeventi għandha tagħti bidu għal investigazzjoni biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi. Ir-riżultati tal-investigazzjoni u informazzjoni rigward miżuri li jkunu ttieħdu biex dan ma jerġax iseħħ għandhom jintbagħtu lill-Parti provvidenti. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12 jistgħu jistabbilixxu proċeduri għal dak il-għan.

Artikolu 14

Kull Parti għandha tkun responsabbli għall-ispejjeż tagħha stess li jsiru għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Qabel ma l-informazzjoni klassifikata tiġi pprovduta jew skambjata bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim, l-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli msemmijin fl-Artikolu 12 għandhom jaqblu li l-Partijiet ikunu f’pożizzjoni li jipproteġu u jissalvagwardjaw l-informazzjoni klassifikata b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim u mal-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 12.

Artikolu 16

Dan il-Ftehim m’għandux iżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu strumenti ta’ ftehim oħrajn relatati mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bil-kondizzjoni li dawn ma jkunx f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 17

Kwalunkwe differenza bejn l-Iżrael u l-Unjoni Ewropea li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi indirizzata biss permezz ta’ negozjar bejn il-Partijiet. Matul in-negozjar iż-żewġ Partijiet għandhom ikomplu jwettqu l-obbligi kollha tagħhom taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 18

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ ladarba il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar l-ikkompletar tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-għan.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe tibdil fil-liġijiet u r-regolamenti tagħha li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata msemmija f’dan il-Ftehim.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut sabiex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

4.   Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir bil-miktub biss u bi qbil komuni bejn il-Partijiet. Hija għandha tidħol fis-seħħ meta ssir notifika reċiproka kif previst fil-paragrafu 1.

Artikolu 19

Dan il-Ftehim jista’ jiġi terminat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub tat-terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha tieħu effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda m’għandhiex taffettwa l-obbligi diġà meħuda taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, l-informazzjoni klassifikata kollha pprovduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għandha tkompli tkun protetta skont id-dispożizzjonijiet imniżżlin hawnhekk.

B’xiehda ta’ dan is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fTel Aviv, f’dan il-ħdax-il jum ta’ Ġunju 2009 f’żewġ kopji kull waħda bl-Ingliż.

Għall-Iżrael

Il-Ministru tad-Difiża

Għall-Unjoni Ewropea

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli

Top