Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0536

    2009/536/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2009 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

    ĠU L 180, 11.7.2009, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/536/oj

    11.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-7 ta’ Lulju 2009

    dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

    (2009/536/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

    Billi:

    (1)

    L-Istrateġija ta’ Lisbona, kif ġiet imġedda fl-2005, poġġiet l-enfasi fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u l-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika kienu adottati bħala pakkett integrat, fejn l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi għandha r-rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tas-suq tal-impjiegi u x-xogħol tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

    (2)

    L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Istati Membri li jinsab fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi juri li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin: jiġu attirati u jinżammu aktar nies fl-impjieg, jiżdiedu n-nies li lesti jaħdmu u jiġu modernizzati s-sistemi għall-ħarsien soċjali; titjieb l-addattabbiltà tal-ħaddiema u tal-intrapriżi; u jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar.

    (3)

    Fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali, il-Linji Gwida għandhom iservu wkoll bħala għodda biex jintlaħqu l-isfidi immedjati ta’ żieda fil-qgħad u l-esklużjoni soċjali. Il-linji politiċi fit-terminu immedjat jinkludu linji politiċi integrati ta’ flessigurtà biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għax-xogħol, it-tqabbil tan-nies qiegħda ma’ impjiegi disponibbli, u titjib tal-ħiliet.

    (4)

    Fid-dawl tal-eżami tal-Kummissjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, il-fokus irid ikun fuq l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tagħhom, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-miri u l-livelli ta’ referenza maqbula u l-involviment tal-imsieħba soċjali.

    (5)

    Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi ġew adottati fl-2008 b’validità ta’ tliet snin, li matulhom l-aġġornament tagħhom għandu jkun strettament limitat.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jesploraw l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew meta jiġu biex jimplimentaw il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.

    (7)

    fid-dawl tan-natura integrata tal-pakkett tal-linji gwida, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri kif imniżżla fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/618/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (3) qed jinżammu għall-2009 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-linji politiċi tagħhom dwar l-impjiegi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. BORG


    (1)  Opinjoni tal-11 ta’ Marzu 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 47.


    Top