Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0476

    2009/476/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Jannar 2009 Dwar l-għajnuna fil-forma tal-ħolqien ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku implimentata mil-Lussemburgu (C 43/2002 (ex NN 75/2001)) (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 230) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 159, 20.6.2009, p. 11–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/476/oj

    20.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 159/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta’ Jannar 2009

    Dwar l-għajnuna fil-forma tal-ħolqien ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku implimentata mil-Lussemburgu (C 43/2002 (ex NN 75/2001))

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 230)

    (It-test bl-ilsien Franċiż biss huwa awtentiku.)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/476/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

    wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (1), u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-2 ta’ Lulju 2001, irreġistrata fis-16 ta’ Lulju 2001 bin-numru N 475/01, il-Lussemburgu informa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat dwar il-ħolqien ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku. Il-miżura nnotifikata kienet, madankollu, fil-verità ġiet implimentata mill-1 ta’ Jannar 2001. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-miżura ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala proġett biex tingħata għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, u fit-30 ta’ Lulju 2001 niżżlitha fir-reġistru tal-għajnuniet mhux notifikati, bin-numru NN 75/01.

    (2)

    Wara skambju ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet Lussemburgiżi, il-Kummissjoni infurmat lil-Lussemburgu, b’ittra li ġġib id-data tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward ta’ din il-miżura. Hija stiednet ukoll lil-Lussemburgu biex, fi żmien xahar mid-data ta’ meta jirċievi l-ittra, jippreżenta l-kummenti tiegħu u jressaq it-tagħrif utli kollu għall-evalwazzjoni tal-miżura.

    (3)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ din il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

    (4)

    Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-22 ta’ Lulju 2002, irreġistrata fis-26 ta’ Lulju 2002, il-Lussemburgu talab li jittawwal iż-żmien biex jibgħat il-kummenti tiegħu, u l-Kummissjoni aċċettat u ffissat il-limitu ta’ żmien bħala l-5 ta’ Settembru 2002 permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-30 ta’ Lulju 2002.

    (5)

    Permezz ta’ faks mibgħuta fl-4 ta’ Diċembru 2002, irreġistrata fl-istess jum, il-Pajjiżi l-Baxxi għaddew lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom fuq il-miżura inkwistjoni. B’ittra li ġġib id-data tat-18 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni għaddiet l-ittra tal-Pajjiżi l-Baxxi lil-Lussemburgu u stednitu jgħaddilha l-kummenti tiegħu fi żmien xahar. Wara li bagħtet ittra ta’ tfakkir fis-16 ta’ Mejju 2003, fit-28 ta’ Mejju 2003 l-Kummissjoni rċeviet mingħand il-Lussemburgu, permezz ta’ faks li ġiet irreġistrata fl-istess jum, talba biex jittawwal iż-żmien biex iwieġeb.

    (6)

    B’ittra li ġġib id-data tal-4 ta’ Ġunju 2003, irreġistrata fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Lussemburgu għadda lill-Kummissjoni l-kummenti tiegħu kemm fuq l-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2002 kif ukoll fuq il-kummenti fornuti mill-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Lussemburgu għadda tagħrif addizzjonali permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-3 ta’ Mejju 2004, irreġistrata fit-13 ta’ Mejju 2004.

    (7)

    Fil-25 ta’ Jannar 2005 saret laqgħa ta’ ħidma bejn il-Lussemburgu u l-Kummissjoni.

    (8)

    B’ittra li ġġib id-data tal-31 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni talbet tagħrif mingħand il-Lussemburgu. Il-Kummissjoni rċeviet risposta mingħand il-Lussemburgu permezz tal-ittri datati 20 ta’ April u 20 ta’ Mejju 2005, irreġistrati rispettivament fis-27 ta’ April u fl-1 ta’ Ġunju 2006.

    (9)

    B’ittra li ġġib id-data tal-31 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni talbet tagħrif addizzjonali mingħand il-Lussemburgu. Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-22 ta’ Novembru 2005, irreġistrata fit-23 ta’ Novembru 2005, il-Lussemburgu talab li jittawwal iż-żmien biex jibgħat ir-reazzjoni tiegħu, u l-Kummissjoni ffissat il-limitu ta’ żmien bħala l-31 ta’ Jannar 2006 permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-5 ta’ Diċembru 2005. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba mil-Lussemburgu permezz ta’ ittri datati 31 ta’ Jannar 2006, irreġistrati fit-3 ta’ Frar 2006.

    (10)

    B’ittra li ġġib id-data tas-27 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni talbet tagħrif addizzjonali mingħand il-Lussemburgu. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba mil-Lussemburgu permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-11 ta’ April 2006, irreġistrata fit-18 ta’ April 2006.

    (11)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2006 saret laqgħa ta’ ħidma bejn il-Lussemburgu u l-Kummissjoni.

    (12)

    B’ittra li ġġib id-data tal-21 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni talbet tagħrif addizzjonali mingħand il-Lussemburgu. Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-6 ta’ Diċembru 2007, irreġistrata fl-10 ta’ Diċembru 2007, il-Lussemburgu talab li jittawwal iż-żmien biex jibgħat ir-reazzjoni tiegħu, u l-Kummissjoni aċċettat u ffissat il-limitu ta’ żmien bħala s-17 ta’ Jannar 2008 permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-14 ta’ Diċembru 2007. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba mil-Lussemburgu permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-28 ta’ Jannar 2008, irreġistrata fit-30 ta’ Jannar 2008.

    (13)

    Fis-27 ta’ Frar 2008 saret laqgħa ta’ ħidma bejn il-Lussemburgu u l-Kummissjoni.

    (14)

    Il-Kummissjoni rċeviet tagħrif addizzjonali mingħand il-Lussemburgu b’ittra li ġġib id-data tad-19 ta’ Ġunju 2008, irreġistrata fl-20 ta’ Ġunju 2008, u b’ittra rreġistrata fit-12 ta’ Settembru 2008.

    2.   DESKRIZZJONI

    2.1.   Il-qafas leġiżlattiv tal-mekkaniżmu ta’ kumpens

    2.1.1.   Ir-Regolament Gran Dukali (minn issa ‘l quddiem “RGD”) tat-30 ta’ Mejju 1994 u l-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku

    (15)

    Ir-RGD tat-30 ta’ Mejju 1994 (3) dwar il-produzzjoni tal-enerġija elettrika msejsa fuq enerġiji li jiġġeddu jew il-koġenerazzjoni (minn issa ‘l quddiem “elettriku nadif”) jimponi obbligu ta’ xiri ta’ dan l-elettriku nadif fuq Cegedel, li f’dak iż-żmien kienet il-konċessjonarju ġenerali waħdieni tan-netwerk elettriku fil-Lussemburgu. Is-sistema tirrigwarda l-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-enerġija mill-ilma, mir-riħ, fotovoltajka, mill-bijogass u mill-bijomassa, u l-produzzjoni tal-elettriku bil-koġenerazzjoni.

    (16)

    L-ewwel artikolu tar-RGD tal-1994 jipprevedi li l-“kwantitajiet ta’ elettriku disponibbli li jkunu ġejjin mill-awtoproduzzjoni msejsa fuq l-enerġiji li jiġġeddu jew fuq il-koġenerazzjoni jiġu, fuq talba tal-awtoġeneratur, jeħodhom l-Istat Gran Dukali f’isem in-netwerk pubbliku”. Ir-RGD tal-1994 jiffissa wkoll il-prezzijiet ta’ dan l-elettriku nadif f’livell ogħla minn dak tal-elettriku prodott bil-mod konvenzjonali. Il-prezzijiet tax-xiri tal-elettriku nadif ġew aġġustati mill-ġdid matul iż-żmien, b’mod partikulari permezz tar-RGD tal-14 ta’ Ottubru 2005 (4). Il-prezzijiet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008 ġew iffissati mir-RGD tat-8 ta’ Frar 2008 (5) dwar il-produzzjoni tal-elettriku msejsa fuq is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

    (17)

    Il-Lussemburgu kkalkula li fl-2000, l-obbligu tax-xiri li joħroġ mir-RGD tal-1994 kien jinvolvi produzzjoni ta’ 112GWh (6), u li dawn il-volumi kienu nxtraw bi prezz medju li kien madwar it-triplu tal-prezz li jirriżulta mill-kuntratti ta’ forniment fuq medda twila ta’ żmien li kienet ikkonkludiet Cegedel. Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, dan wassal għal spiża addizzjonali ta’ 275 miljun frank Lussemburgiż, jiġifieri EUR 6,8 miljun.

    (18)

    Wara l-ftuħ tas-settur tal-elettriku għall-kompetizzjoni permezz tal-liġi tal-24 ta’ Lulju 2000 (7), l-obbligu tax-xiri infirex għad-distributuri kollha li joperaw fil-Lussemburgu. Dawn kienu jammontaw għal tlettax fl-2001, bl-ewlieni fosthom, Cegedel, u t-tieni l-ikbar, Sotel, li kienu jfornu lis-siti tal-azzar tan-naħa t’isfel tal-pajjiż, u distributuri lokali. Madankollu, fil-verità, Cegedel waħedha kienet tixtri l-biċċa l-kbira tal-elettriku nadif prodott fil-Lussemburgu.

    2.1.2.   Ir-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001

    (19)

    Sabiex l-ispejjeż marbuta mal-obbligu tal-akkwist tal-elettriku nadif jitqassmu b’mod ġust fost id-distributuri, il-Lussemburgu ddeċieda li jdaħħal mekkaniżmu ta’ kumpens permezz tar-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001 (8) dwar l-introduzzjoni ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku. Fil-verità, il-fond ta’ kumpens kien ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2001.

    (20)

    Skont l-Artikolu 21 tar-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001, kull distributur Lussemburgiż tal-elettriku huwa awtorizzat li jiġbor kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens mingħand il-klijenti aħħarin tiegħu. Il-kontribuzzjoni hija proporzjonali għall-konsum ta’ elettriku min-naħa tal-klijent aħħari. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu tal-fond ta’ kumpens jippermetti li l-ispejjeż marbutin mal-obbligu tax-xiri ta’ elettriku nadif jitqassmu fuq il-klijenti kollha kemm huma tad-distributur. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa ffissat kull sena mill-Istat b’mod li l-flus li jidħlu fil-fond ma jaqbżux l-ispiża addizzjonali marbuta max-xiri ta’ elettriku nadif. L-Artikolu 13 tar-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001 jgħid li l-konsumaturi l-kbar tal-elettriku (9) huma eżentati mill-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005 (10). Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, din l-eżenzjoni tikkonċerna madwar ħamsin mill-konsumaturi l-kbar, l-aktar fl-industrija kimika u fil-qasam tal-azzar.

    (21)

    B’hekk, skont l-Artikolu 23 tar-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001, il-kontribuzzjoni għall-klijenti kollha li mhumiex eżentati hija ffissata għal EUR 2.73 kull MWh għas-sena 2001.

    2.1.3.   Ir-RGD tad-9 ta’ Diċembru 2005

    (22)

    Wara t-taħdidiet bilaterali li saru mal-Kummissjoni, ir-RGD tad-9 ta’ Diċembru 2005 (11), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, immodifika r-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001. Huwa jħassar b’mod partikulari l-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni għall-konsumaturi l-kbar tal-elettriku, u minflokha jdaħħal tliet kategoriji ta’ klijenti, li jikkorrispondu ma’ tliet livelli ta’ kontribuzzjonijiet differenti (12):

    il-kategorija A hija magħmula mill-klijenti li l-miters tagħhom juru konsum annwali ta’ elettriku ta’ 25 MWh jew inqas. Għas-sena 2007, il-kontribuzzjonijiet li kellhom iħallsu l-konsumaturi tal-kategorija A ġew iffissati għal EUR 7 kull MWh.

    il-kategorija B hija magħmula mill-klijenti li l-miters tagħhom juru konsum annwali ta’ elettriku ogħla minn 25 MWh, bl-eċezzjoni tal-miters li huma kklassifikati fil-kategorija Ċ. Għas-sena 2007, il-kontribuzzjonijiet li kellhom iħallsu l-konsumaturi tal-kategorija B ġew iffissati għal EUR 2,70 kull MWh.

    il-kategorija Ċ tirrigwarda l-klijenti rilevanti tal-kategorija B li, barra minn hekk, “iridu jikkommettu ruħhom li jtejbu b’ mod sostanzjali l-effiċjenza enerġetika ġenerali tagħhom billi jiġi konkluż ftehim bejn il-Gvern u l-impriża kkonċernata […] Il-ftehim li jrid jiġi konkluż għandu jkun fih klawżola ta’ penali f’ każ li ma jiġux rispettati l-impenji (13). Il-ftehimiet jiġu fi tmiemhom fil-31 ta’ Jannar 2008. Għas-sena 2007, il-kontribuzzjonijiet li kellhom iħallsu l-konsumaturi tal-kategorija Ċ ġew iffissati għal EUR 0.75 kull MWh.

    2.1.4.   Dispożizzjonijet applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2009

    (23)

    L-awtoritajiet Lussemburgiżi impenjaw ruħhom li jissostitwixxu r-RGD tad-9 ta’ Diċembru 2005 b’RGD ġdid, li sal-lum għadu ma ġiex pubblikat, li d-dħul tiegħu fis-seħħ huwa maħsub għall-1 ta’ Jannar 2009. Skont l-awtoritajiet Lussemburgiżi, ir-RGD l-ġdid jipprevedi li d-distributuri jistgħu jiġbru kontribuzzjoni għall-ispejjeż maħluqa mill-elettriku nadif mingħand il-klijenti aħħarin tagħhom. Il-livell ta’ din il-kontribuzzjoni għaldaqstant mhuwiex aktar iffissat mill-poter pubbliku iżda jitħalla f’idejn id-distributuri biex jiddeċiduh huma.

    2.2.   It-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ kumpens

    (24)

    B’mod prattiku, ir-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001 u tad-9 ta’ Diċembru 2005 jipprovdu li d-distributur ewlieni fil-Lussemburgu, Cegedel, li l-biċċa l-kbira tal-kapitali tagħha huma f’idejn il-privat, trid tixtri l-elettriku nadif kollu prodott fil-Lussemburgu bil-prezz iffissat mill-Istat. Dawn ix-xirjiet tagħmilhom f’isimha stess jew f’isem id-distributuri l-oħra li kkonkludew kuntratti ta’ forniment mal-produtturi tal-elettriku nadif. Imbagħad, id-distributur ewlieni jbiegħ l-elettriku nadif lill-kompetituri tiegħu skont is-sehem tas-suq li għandu kull wieħed minnhom fis-suq Lussemburgiż, u bi prezz tal-bejgħ iffissat mill-Istat fuq il-bażi tal-prezz tas-suq tal-elettriku stabbilit is-sena ta’ qabel. L-ispejjeż supplimentari minħabba l-elettriku nadif jikkorrispondu għad-differenza bejn il-prezz tax-xiri għall-produtturi tal-elettriku nadif (tariffa ta’ injezzjoni) u l-prezz tal-bejgħ għad-distributuri l-oħrajn, li huma ffissati mill-Istat. Id-distributuri kollha jagħtu kont kull xahar tax-xirjiet tagħhom ta’ elettriku nadif lir-regolatur Lussemburgiż tal-enerġija, l-Institut Luxembourgeois de Régulation (minn issa ‘l quddiem “ILR”). Fi tmiem is-sena, ir-regolatur iqassam il-kumpens bejn id-distributuri: jekk is-sehem tal-elettriku nadif prodott fil-Lussemburgu li tkun inxtrat minn distributur tkun ikbar mis-sehem tiegħu mis-suq tal-elettriku, jirċievi kumpens mill-fond. bil-maqlub, jekk is-sehem tiegħu ta’ elettriku nadif mixtri tkun inqas minn sehmu mis-suq nazzjonali, irid iħallas lill-fond kontribuzzjoni li tikkorrispondi għad-differenza. Il-fond ta’ kumpens, għalhekk, għandu l-għan li jiżgura li kull distributur li jopera fil-Lussemburgu jixtri sehem mill-elettriku nadif prodott fil-Lussemburgu li tkun identika għal sehmu mis-suq nazzjonali.

    (25)

    It-tabella ta’ hawn fuq tiddeskrivi kif jaħdem il-fond ta’ kumpens, li kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    Image

    3.   RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (26)

    Fid-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qieset li l-mekkaniżmu ta’ kumpens jidher li kien qed jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat (14).

    (27)

    Il-miżura tagħti vantaġġ lill-produtturi ta’ elettriku nadif, li jibbenefikaw in fine mill-ammont tal-fond ta’ kumpens. Barra minn hekk, l-eżonerazzjoni tal-kumpens applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2005 jiffavorixxi l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li għandhom jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens. Min-naħa l-oħra, id-distributuri ma jibbenefikaw minn l-ebda vantaġġ minħabba li għandhom biss rwol ta’ intermedjarji fil-ġbir tal-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-klijenti aħħarin u mħallsa in fine lill-produtturi ta’ elettriku nadif.

    (28)

    Dan il-vantaġġ huwa pprovdut permezz tar-riżorsi tal-Istat, mhux minħabba l-introduzzjoni tal-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku nadif iżda minħabba l-ħolqien tal-fond ta’ kumpens. Fil-fatt, dan ġie mwaqqaf mill-Istat, u huwa alimentat minn sistema ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji u l-ammonti li jitpoġġew fih huma kkontrollati mill-Istat.

    (29)

    Il-miżura hija selettiva minħabba li tiffavorixxi biss ċerti impriżi jew ċerti attivitajiet, b’mod partikolari l-produtturi ta’ elettriku nadif fil-konfront tal-produtturi l-oħra ta’ elettriku u l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku meta mqabbla mal-impriżi l-oħra konsumaturi tal-elettriku.

    (30)

    Fl-aħħarnett, l-għoti ta’ vantaġġ lill-produtturi tal-elettriku nadif huwa tali li li jiddisturba s-suq intern tal-elettriku u tikkostitwixxi distorsjoni fil-kompetizzjoni, l-istess bħall-vantaġġ li jibbenefikaw minnhom l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku, li huma attivi f’diversi setturi tal-ekonomija.

    (31)

    Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat il-kumpatibbiltà tal-mekkaniżmu tal-kumpens mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent tal-2001 (minn hawn ‘il quddiem “il-qafas tal-2001”) (15). Hija esprimiet dawn id-dubji dwar is-suġġett.

    (32)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuniet favur produtturi tal-elettriku nadif ma jidhrux li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-linji gwida tal-2001:

    is-sistema ma tiggarantix li l-għajnuna tkun limitata għall-ispejjeż addizzjonali bejn il-prezz tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq tal-enerġija kkonċernata. Ma tillimitax l-għajnuna skont id-dewmien meħtieġ biex tiġi koperta l-iżvalutazzjoni tal-impjant. U lanqas ma tikkunsidra l-għajnuna eventwali għall-investiment rċevuta mill-produtturi għall-impjanti tagħhom, bħall-primjum ekoloġiku fil-Lussemburgu (16). (punt E.3.3.2 tal-linji gwida 2001);

    is-sistema ma tipprevedix mekkaniżmu tas-suq bħal ċertifikati ekoloġiċi (punt E.3.3.2 tal-linji gwida 2001);

    l-għajnuna għat-tħaddim mhijiex ikkalkolata abbażi tal-ispejjeż esterni evitati (punt E.3.3.3 tal-linji gwida 2001);

    l-għajnuna għat-tħaddim mhijiex limitata għal ħames snin, mhijiex digressiva u l-intensità tagħha mhijiex limitata għal 50 % tal-ispejjeż addizzjonali (punt E.3.3.4 tal-linji gwida 2001).

    (33)

    It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni minn kontibuzzjoni mogħtija lill-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku ma kinetx tidher li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mil-linji gwida 2001: l-impriżi li ngħataw l-eżenzjoni ma impenjawx ruħhom biex jilħqu l-għanijiet ta’ ħarsien tal-ambjent (17); mhumiex obbligati li jħallsu parti sinifikanti tat-taxxa (18); finalment, l-eżenzjonijiet mhumiex digressivi fit-tifsira tal-linji gwida 2001 u l-intensità tagħhom mhijiex limitata għal 50 % (19).

    (34)

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni eżaminat il-kumpatibbiltà tal-miżura mal-Artikoli 25 u 90 tat-Trattat. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ kumpens ma jipprevedix eżonerazzjoni mill-kontribuzzjoni għall-elettriku importat, u mit-taxxa fuq l-esportazzjonijiet. Madankollu din il-miżura tagħti vantaġġ biss in fine lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku nadif. L-elettriku importat huwa għalhekk taxxat mingħajr ma jibbenefika in fine mill-appoġġ li jgawdi l-elettriku nadif prodott fil-Lussemburgu.

    (35)

    Ir-RGD l-ġdid imsemmi fil-punt 23, li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009, jemenda l-mekkaniżmu ta’ kumpens b’tali mod li ma jaqax iktar taħt ir-raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, din id-Deċiżjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u l-kumpatibbiltà eventwali tal-mekkaniżmu ta’ kumpens skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    4.   KUMMENTI TAL-LUSSEMBURGU DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    4.1.   Dwar id-deskrizzjoni tal-miżura

    (36)

    L-ewwelnett, il-Lussemburgu jenfasizza li skont ir-RGD tat-30 ta’ Mejju 1994, Cegedel biss hija obbligata tixtri l-elettriku nadif prodott fil-Lussemburgu. Sussegentement, minħabba l-liberalizzazzjoni, dehru distributuri oħra fil-kompetizzjoni, li kienu 13 f’Ġunju 2003. Kollha kellhom l-obbligu li jixtru elettriku nadif. Madankollu, fil-fatt, l-ispejjeż addizzjonali dejjem kienu jaffettwaw essenzjalment lil operatur wieħed, Cegedel. Għalhekk il-Lussemburgu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fond ta’ kumpens jiffavorixxi fir-realtà kompetizzjoni ekwa bejn id-distributuri, minħabba li jqassam bejniethom l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku nadif.

    (37)

    It-tieni nett, il-Lussemburgu jindika li l-miżura tippreżenta benefiċċju ambjentali sinifikanti u tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet ta’ ħarsien tal-ambjent li għalihom kien impenja ruħu l-Lussemburgu, skont il-politika tal-Komunità ta’ ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: għal-Lussemburgu, l-għan huwa li jnaqqas b’28 % l-emmissjonijiet tas-CO2 meta mqabbla mal-1990. Għalhekk l-awtoritajiet Lussemburgiżi jistiednu lill-Kummissjoni biex tevalwa l-effetti potenzjali tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju fid-dawl tal-benefiċċji ambjentali tal-miżura.

    4.2.   Dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    (38)

    Il-Lussemburgu jqis li l-ħolqien tal-fond ta’ kumpens mhuwiex għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

    (39)

    L-ewwelnett, il-Lussemburgu jinsisti li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (aktar ‘il quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja”) tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (20), il-fond ma kien jinvolvi l-ebda riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, qabel ma ġie introdott il-fond, l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku nadif kienu mħallsa biss mill-klijenti aħħarin ta’ kumpanija privata, Cegedel. Wara l-introduzzjoni tal-fond, l-ispejjeż addizzjonali ġew imqassma bejn il-klijenti kollha tad-distributuri kollha attivi fil-Lussemburgu, iżda ma kinux jinkludu iktar riżorsi mill-Istat. Il-Lussemburgu jikkwota bħala apppoġġ għall-argument il-punt 66 tas-sentenza PreussenElekra: “Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tobbliga l-impriżi privati ta’ provvista tal-elettriku li jixtru l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom mingħand sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għal prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, li tqassam l-ispiża finanzjara li tirriżulta minn dan l-obbligu bejn dawn l-impriżi li jipprovdu l-elettriku u lill-operaturi privati tas-sistemi ta’ elettriku li jinsabu f’ pożizzjoni upstream ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE).”

    (40)

    It-tieni nett, il-Lussemburgu jinnota li l-fond ta’ kumpens ma joħloqx vantaġġ għall-produtturi tal-elettriku nadif safejn m’hemm l-ebda rabta kuntrattwali jew finanzjarja bejn il-fond u l-produtturi. Dawn tal-aħħar huma fil-fatt direttament imħallsa mid-distributuri meta jixtru elettriku nadif, skont it-tariffi stabbiliti dak iż-żmien mir-RGD tat-30 ta’ Mejju 1994. Il-fond ta’ kumpens, min-naħa tiegħu, jaffettwa biss kumpensi bejn id-distributuri.

    (41)

    Il-fond ta’ kumpens għalhekk ma joħloqx vantaġġ għall-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku meta mqabbla ma’ dawk li jikkontribwixxu għall-fond. Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni — l-industrija kimika u siderurġika — m’għandhomx kompetitur fil-Lussemburgu li għandu jikkontribwixxi għall-fond. Barra minn dan, il-Lussemburgu jqis li l-benefiċjarji tal-eżenzjoni mhumiex vantaġġjati meta mqabbla mal-kompetituri li jinsabu barra mill-Lussemburgu.

    (42)

    Fl-aħħarnett, il-Lussemburgu jqis li l-effett tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarja marbutin mal-fond ta’ kumpens huma biss fit-teorija. B’mod partikolari, mhuwiex stabbilit li l-eżenzjonijiet li minnhom tibbenefika l-industrija tal-manifattura fuq skala kbira fil-Lussemburgu jaffetwaw l-iskambji bejn l-Istati Membri.

    4.3.   Dwar il-ksur tal-Artikoli 25 u 90 tat-Trattat

    (43)

    Il-Lussemburgu jqis li l-mekkaniżmu ta’ kumpens ma jiksirx l-Artikoli 25 u 90 tat-Trattat. Fil-fatt, skont il-Lussemburgu, is-sistema ma tittrattax b’mod differenti l-elettriku prodott fil-Lussemburgu u l-elettriku importat. Barra minn hekk, l-elettriku nadif prodott skont ir-RGD tat-30 ta’ Mejju 1994 mhuwiex esportat. B’dan il-mod, produttur li jinsab fi Stat Membru ieħor iżda li għandu klijenti fil-Lussemburgu huwa ttrattat bl-istess mod bħal produttur li jinsab fil-Lussemburgu u li jbiegħ fis-suq nazzjonali. Il-konklużjoni hija l-istess jekk il-klijenti ta’ dawn iż-żewġ produtturi jinsabu fi Stat Membru ieħor.

    4.4.   Dwar il-kumpatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat potenzjali mat-Trattat

    (44)

    Anke jekk huma jikkontestaw li l-eżenzjoni ta’ kontribuzzjoni għall-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Lussemburgiżi jenfasizzaw li din il-miżura tista’ tiġi meqjusa kumpatibbli mal-linji gwida 2001.

    (45)

    L-ewwelnett, il-Lussemburgu josserva li l-eżenzjoni hija fil-fatt mogħtija abbażi ta’ ftehim volontarju li jinkludi għanijiet ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika għall-industrijali firmatarji. Il-ftehim volontarju ġie konkluż bejn il-Lussemburgu u l-Federazzjoni Nazzjonali għall-Industriji (FEDIL) f’Marzu 1996, u ġġedded f’April 2001.

    (46)

    It-tieni nett, il-Lussemburgu jammetti li l-ftehim madankollu ma jipprevedix sanzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-impenji, iżda jieħu l-impenn li jinkludi tali mekkaniżmu bl-għan li jikkonforma mal-punt 51(1a) tal-linji gwida 2001.

    5.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    (47)

    Il-Pajjiżi l-Baxxi biss ippreżentaw kummenti wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-mekkaniżmu ta’ kumpens fil-Lussemburgu.

    (48)

    Il-Pajjiżi l-Baxxi jfakkru li l-għajnuna lill-produtturi nazzjonali ta’ elettriku nadif hija awtorizzata bil-kundizzjoni li ma tkunx iktar mill-ispejjeż żejda mhux li ma jwasslux għal profitt tal-produzzjoni ta’ dan l-elettriku. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjaraw li huma favur il-kumpens integrali ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali li ma jwasslux għal profitt kollha, sabiex tiġi żviluppata l-produzzjoni tal-elettriku nadif. Dan l-appoġġ huwa fil-fatt meħtieġ biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-għanijiet ambjentali li għalihom impenjaw ruħhom meta rratifikaw il-protokoll ta’ Kyoto (21).

    (49)

    Il-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizzae ukoll li għandha titħalla marġini għall-manuvri lil kull Stat Membru sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali tal-protokoll ta’ Kyoto. Għalhekk huma jissuġġerixxu lill-Kummissjoni strateġija ta’ każ b’każ fil-kontront tal-miżuri ta’ appoġġ għall-elettriku nadif li ttieħdu minn kull Stat Membru.

    (50)

    Bħala konklużjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi jistiednu lill-Kummissjoni biex teżamina b’mod pożittiv il-miżura prevista fil-Lussemburgu fid-dawl tal-ħtieġa attwali tal-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni tal-elettriku nadif.

    6.   KUMMENTI TAL-LUSSEMBURGU DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    (51)

    Il-Lussemburgu m’għamilx kummenti dwar l-osservazzjonijiet li saru mill-Pajjiżi l-Baxxi.

    7.   L-EVALWAZZJONI

    7.1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    (52)

    Fid-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qieset li l-mekkaniżmu ta’ kumpens deher li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat (22). Iż-żewġ kategoriji ta’ benefiċjarji ta’ din l-għajnuna mill-Istat kienu l-produtturi ta’ elettriku nadif kif ukoll l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku permezz ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens.

    (53)

    F’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li s-sistemi ta’ tariffi ta’ injezzjoni, iffinanzjati b’mod simili għal dan il-każ, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Dan kien il-każ pereżempju tad-Deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-Każ N504/00 (23) (ir-Renju Unit), il-Każijiet konġunti N 707/02 u N 708/02 (24), imġedda permezz tal-miżura N 543/05 (25) imbagħad permezz tal-miżura N 478/07 (26) (il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Każ NN 162/03 u N 317/06 (27) (l-Awstrija) u l-Każ C 7/05 (is-Slovenja) (28).

    (54)

    Se jiġi eżaminat hawn taħt jekk il-mekkaniżmu ta’ kumpens jikkostitwix għajnuna mill-Istat matul il-perjodu kkonċernat, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    7.1.1.   Determinazzjoni tal-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat

    (55)

    Skont il-każistika, biex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid, l-ewwelnett, tkun mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, it-tieni, għandha tkun imputabbli lill-Istat (29).

    (56)

    F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li r-riżorsi finanzjarji ta’ miżura m’għandhomx neċessarjament jikkostitwixxu assi permanenti tas-settur pubbliku biex ikunu riżorsi tal-Istat; fil-fatt, il-fatt li dawn ir-riżorsi jibqgħu konstantement taħt il-kontroll pubbliku u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huwa biżżejjed biex jiġu kkwalifikati bħala riżorsi tal-Istat (30). Bl-istess mod, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (31), mhumiex involuti riżorsi tal-Istat fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jgawdu jew jakkwistaw fl-ebda stadju kontroll fuq il-fondi li jiffinanzjaw il-vantaġġ ekonomiku kkonċernat. Għalhekk għandu jiġi determinat jekk l-Istat jeżerċitax kontroll dirett jew indirett fuq ir-riżorsi kkonċernati, minkejja l-fatt li dawn il-fondi ma joriġinawx direttament mill-baġit tal-Istat. Fil-kawża PreussenElektra, it-tariffi ta’ injezzjoni kienu ffinanzjati direttament minn fornituri privati tal-elettriku, li kellhom jixtru l-elettriku mingħand produtturi tal-elettriku nadif bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq tal-elettriku. F’dan il-każ, minn Jannar 2001 sa Diċembru 2008, l-Istat impona kontribuzzjonijiet obbligatorji fuq il-konsumaturi, li kienu ttrasferiti lill-produtturi tal-elettriku nadif permezz tad-distributuri. Barra minn hekk, il-fond ta’ kumpens, li twaqqaf mill-Istat Lussemburgiż, jamministra l-kumpens bejn id-distributuri. Fis-sentenza Stardust Marine  (32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riżorsi li jgħaddu taħt il-kontroll tal-Istat f’xi stadju huma dejjem riżorsi tal-Istat. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    (57)

    F’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà, l-ILR jikkalkula u jqassam l-għajnuna għal kull benefiċjarju skont formula speċifikata mil-leġiżlazzjoni. B’hekk, l-Istat jeżerċita kontroll permezz tal-leġiżlazzjoni mhux biss fuq l-ammonti mqassma u l-benefiċjarji, iżda wkoll fuq l-għoti tal-għajnuna. Għalhekk il-Kummisjsoni tqis li l-għajnuna hija imputabbli lill-Istat.

    7.1.2.   Is-selettività

    (58)

    Il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa mmirat biss għal ċerti produtturi tal-elettriku, attwalment il-produtturi tal-elettriku nadif fil-Lussemburgu.

    (59)

    Bl-istess mod, il-mekkaniżmu jipprevedi eżenzjoni mill-kontribuzzjoni jew, mill-1 ta’ Jannar 2006, kontribuzzjoni mnaqqsa għal kategorija biss tal-konsumaturi, il-konsumaturi kbar tal-elettriku (33).

    7.1.3.   Eżistenza tal-vantaġġ

    (60)

    Il-kontribuzzjoni obbligatorja imposta mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tagħti b’mod ovvju vantaġġ lill-produtturi tal-elettriku nadif, minħabba li l-għan stess tas-sistema huwa li dawn il-produtturi jkunu jistgħu jbiegħu l-elettriku tagħhom bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq.

    (61)

    L-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku jibbenefikaw b’mod ovvju minn vantaġġ minħabba l-eżenzjoni — jew mill-1 ta’ Jannar 2006 minħabba t-tnaqqis — ta’ kontribuzzjoni għall-mekkaniżmu ta’ kumpens.

    7.1.4.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju

    (62)

    Il-miżura taffettwa l-operaturi ekonomiċi attivi fis-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, sew jekk tirrigwarda l-produzzjoni tal-elettriku jew tas-setturi li fihom joperaw l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku (notevolment l-industrija kimika u s-siderurġija), u li huma involuti f’kummerċ mal-Istati Membri l-oħra.

    (63)

    Għalhekk, l-għajnuna tista’ toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ intrakomunitarju.

    7.1.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    (64)

    Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-verżjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2008 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

    7.2.   Eżami tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat

    (65)

    Għar-raġunijiet spejgati fil-punti 32, 33 u 34, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali f’dan il-każ minħabba li kellha dubju dwar il-kumpatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni, kumpatibbiltà li timplika wkoll il-konformità tagħha mal-Artikoli 25 u 90 tat-Trattat.

    (66)

    Billi l-għajnuna magħmula mill-mekkaniżmu ta’ kumpens għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent, il-kumpatibbiltà tagħha għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent. Bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2008, żewġ linji gwida saru applikabbli suċċessivament minħabba li l-linji gwida 2001 ġie sostitwit mil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (34) (minn hawn ‘il quddiem “il-linji gwida 2008”). Billi l-għajnuna kkonċernata kienet irreġistrata bħala għajnuna mhux notifikata, jaqbel, konformement mal-punt 205 tal-linji gwida 2008, li tiġi eżaminata l-kumpatibbiltà tagħha fid-dawl tar-regoli applikabbli meta saret l-għotja.

    (67)

    Għalhekk jaqbel li tiġi eżaminata l-ewwelnett il-kumpatibbiltà tal-miżura fid-dawl tal-linji gwida 2001 u 2008 u, it-tieni, il-konformità tal-miżura mal-Artikoli 25 u 90 tat-Trattat.

    7.3.   Kumpatibbiltà tal-għajnuna fid-dawl tal-linji gwida 2001 u 2008

    (68)

    Il-Kummissjoni teżamina l-kumpatibbiltà tal-għajnuna għal żewġ tipi ta’ benefiċjarji, matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2008: il-produtturi tal-elettriku nadif, li jibbenefikaw direttament mill-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens, fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra, l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku, li bbenefikaw mill-eżenzjoni imbagħad, mill-1 ta’ Jannar 2006, minn tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens.

    7.3.1.   Kumpatibbiltà tal-għajnuna lill-produtturi tal-elettriku nadif fil-Lussemburgu

    (69)

    L-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku nadif permezz tal-kontribuzzjoni obbligatorja inkluża fil-mekkaniżmu ta’ kumpens tirrigwarda ċerti sorsi ta’ enerġija li tiġġedded (idroenerġija, enerġija solari, enerġija mill-qawwa tar-riħ, bijomassa u bijogass) u l-koġenerazzjoni, koperti mil-linji gwida 2001 u 2008 (35).

    (70)

    L’awtoritajiet Lussemburgiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni żewġ rapporti li saru mill-Istitut ta’ riċerka […] (*)  (36) li janaliżżaw il-livelli ta’ kumpens mogħtija lill-produtturi tal-elettriku nadif fil-Lussemburgu. Dawn ir-rapporti jkopru l-perjodu sal-aħħar tal-2005 (37) għall-ewwel wieħed, u mill-2006 sal-2008 għat-tieni wieħed (38).

    (71)

    Il-kalkoli saru għas-sorsi kollha ta’ enerġija li tiġġedded eliġibbli għall-mekkaniżmu ta’ kumpens (39), u jirrigwardaw ukoll il-koġenerazzjoni. Minbarra t-tariffi ta’ injezzjoni, huma jikkunsidraw is-sistemi l-oħra ta’ appoġġ, l-għajnuna għat-tħaddim (b’mod partikolari l-primjum ekoloġiku (40) jew l-għajnuna għall-investiment. Il-kalkoli jqabblu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku nadif u l-prezz fis-suq ta’ dan l-elettriku. Ir-rapporti jikkonkludu li hemm nuqqas ta’ kumpens żejjed matul il-perjodu, għal sorsi ta’ enerġija li tiġġedded u għall-koġenerazzjoni.

    (72)

    Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija limitata għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku nadif u l-prezz fis-suq tal-elettriku.

    (73)

    Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-1 ta’ April 2008, li matulu l-linji gwida 2001 kienu applikabbli, il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku nadif hija konformi mal-linji gwida 2001, b’mod partikolari l-punti 58-60 dwar l-għajnuna għat-tħaddim, u li hija fil-fatt kumpatibbli skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

    (74)

    Għall-perjodu mit-2 ta’ April 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008, li matulu l-linji gwida 2008 kienu applikabbli, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku nadif hija konformi mal-linji gwida 2008, b’mod partikolari l-punti 109 u 119 dwar l-għajnuna għat-tħaddim għall-enerġiji li jiġġeddu u l-koġenerazzjoni (41), u li fil-fatt din l-għajnuna hija kumpatibbli skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

    7.3.2.   Il-kumpatibbiltà tal-għajnuna lill-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku

    (75)

    Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kumpatibbiltà tal-eżenzjoni ta’ kontribuzzjoni li minnha jibbenefikaw l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku sal-31 ta’ Diċembru 2005. Mill-1 ta’ Jannar 2006, dawn l-impriżi kkontribwew għall-fond ta’ kumpens filwaqt li bbenefikaw minn rata mnaqqsa.

    (76)

    F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-apprezzament tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna, ta’ min jinnota li l-kontribuzzjoni għas-sena 2008 ġiet ikkalkolata abbażi tad-dejta tas-sena 2007, u li d-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna ttieħdet qabel it-2 ta’ April 2008, id-data ta’ applikazzjoni tal-linji gwida 2008. Għalhekk, għall-perjodu kollu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2008, il-kumpatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lill-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-linji gwida 2001.

    (77)

    L-awtoritajiet Lussemburgiżi l-ewwelnett ippreċiżaw li l-impriżi kollha li huma konsumaturi kbar tal-elettriku li jibbenefikaw mill-eżenzjoni kienu impenjaw ruħhom li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom permezz ta’ ftehimiet volontarji konklużi mal-Istat fl-1996, imbagħad fl-2002, biex jiġi kopert il-perjodu mill-2000 sal-2006. Barra minn hekk, il-Lussemburgu emenda l-ftehimiet tiegħu fit-13 ta’ April 2005 fuq talba tal-Kummissjoni.

    (78)

    L-emendi ewlenin, li daħlu fis-seħħ mar-RGD tad-9 ta’ Diċembru 2005, jinkludu l-inklużjoni ta’ għan kwantitattiv ta’ titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għall-impriżi li ffirmaw il-ftehim: it-titjib għandu jkun ta’ 15 % fl-2005 meta mqabbel mal-effiċjenza enerġetika tal-1990. Barra minn hekk, ġew introdotti sanzjonijiet fil-ftehim fil-każ li ma jiġu rispettati l-impenji:

    L-impriżi li ma jkunux issodisfaw l-impenji tagħhom ikollhom jixtru ċertu ammont ta’ elettriku nadif mis-suq jew jipproduċuha għall-konsum tagħhom stess (42).

    L-impriżi li ma jirrispettawx l-impenji tagħhom li jiċċertifikaw it-titjib tagħhom fl-effiċjenza enerġetika minn awdituri fil-bidu u fit-tmiem tal-perjodu għandhom jixtru jew jipproduċu huma stess volumi ta’ elettriku nadif li jirrappreżentaw 1 % tal-konsum tagħhom.

    (79)

    Barra minn hekk, l-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni nħolqot fl-istess ħin li nħolqot il-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens, fl-1 ta’ Jannar 2001.

    (80)

    Abbażi tal-elementi ppreżentati fil-punti 77, 78 u 79, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni imbagħad, mill-1 ta’ Jannar 2006, it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-fond ta’ kumpens għall-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku bi skambju għall-konklużjoni tal-ftehimiet volontarji huma konformi mal-punt 51(1a) tal-linji gwida 2001. B’konsegwenza, il-miżura hija kumpatibbli skont l-Artikolu 87(3)(c) minn Diċembru 2005.

    (81)

    Għall-perjodu minn Jannar 2001 sa Diċembru 2005, il-Kummissjoni tinnota li l-eżenzjoni tal-kontribuzzjoni hija wkoll miksuba bi skambju ma’ impenji ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku. Dawn il-ftehimiet, li saru l-ewwel fl-1996, ġew imġedda fl-2002 għall-perjodu inkluż bejn l-2000 u l-2006. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet li ġew introdotti fl-2005 japplikaw jekk l-impriżi ma tejbux l-effiċjenza enerġetika tagħhom fl-2005 b’15 % meta mqabbla mal-1990. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-oġġettiv kwantitattiv ambjentali u s-sanzjonijiet japplikaw għall-imġiba tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni bejn l-2001 u l-2005. B’konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni ta’ kontribuzzjoni għall-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku bejn Jannar 2001 u Diċembru 2005 hija konformi mal-punt 51(1a) tal-linji gwida 2001, u li hija għalhekk kumpatibbli skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

    7.4.   Konformità tal-għajnuna mal-Artikoli 25 u 90 tat-Trattat

    (82)

    Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2008, l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku nadif huma in fine mġarrba mill-konsumaturi abbażi tal-konsum tagħhom. Skont każistika stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, u kkonfermata reċentement bis-sentenza Essent  (43), kontribuzzjoni obbligatorja bħal din imposta lill-konsumaturi aħħarin tikkostitwixxi taxxa parafiskali u l-konformità tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tagħha mat-Trattat għandha tiġi evalwata mill-Kummissjoni (44). Il-Kummissjoni adottat ukoll strateġija simili fid-Deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 53.

    (83)

    F’dak li jirrigwarda r-riskju ta’ diskriminazzjoni tal-elettriku nadif importat meta mqabbel mal-elettriku nadif prodott fil-Lussemburgu, li huwa l-uniku benefiċjarju tad-dħul mill-kontribuzzjonijiet, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ħadu l-impenn, permezz ta’ ittra ministerjali, li joħolqu proċedura ta’ rimbors tal-kontribuzzjonoijiet tal-fond għall-elettriku nadif importat sal-31 ta’ Diċembru 2008. Biex jibbenefikaw minnu, il-konsumaturi jkollhom jippruvaw li xtraw l-elettriku nadif importat.

    (84)

    […]

    (85)

    […] (45)

    (86)

    […]

    (87)

    Barra minn hekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, is-sistema fis-seħħ fil-Lussemburgu tidher simili ħafna għall-proċeduri ta’ rimbors implimentati fl-Awstrija, u ddikjarati kumpatibbli mill-Kummissjoni (46).

    8.   KONKLUŻJONI

    (88)

    Il-Kummissjoni tqis li l-Lussemburgu implimenta b’mod illegali l-miżura ta’ ħolqien ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, fi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

    (89)

    Madankollu, fid-dawl tal-elementi kollha spjegati hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li għall-perjodu minn Jannar 2001 sa Diċembru 2008, l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku nadif fil-Lussemburgu kif ukoll l-eżenzjoni u wkoll, mill-1 ta’ Jannar 2006, it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni għall-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku, jikkostitwixxu għajnuna kumpatibbli skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat hekk kif stipulat fil-linji gwida 2001 u 2008,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-ħolqien u l-ġestjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2008 mil-Lussemburgu ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat favur produtturi tal-elettriku nadif fil-Lussemburgu, fuq naħa, u l-impriżi li huma konsumaturi kbar tal-elettriku, fuq in-naħa l-oħra.

    Din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tapplika suġġetta għall-emenda tal-mekkaniżmu ta’ kumpens li l-Lussemburgu ħa l-impenn li jipprevedi fil-leġiżlazzjoni tiegħu.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 255, 23.10.2002, p. 15.

    (2)  Ara n-nota nru 1 ta’ qiegħ il-paġna.

    (3)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Lussemburgu A Nru 62,12.7.1994, p. 1140.

    (4)  RGD tal-14 ta’ Ottubru 2005 1) dwar il-forniment ta’ enerġija elettrika msejsa fuq l-enerġiji li jiġġeddu u 2) li jimmodifika r-RGD tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-produzzjoni tal-enerġija elettrika msejsa fuq l-enerġiji li jiġġeddu jew fuq il-koġenerazzjoni kif ukoll ir-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-introduzzjoni ta’ fond ta’ kumpens fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Lussemburgu A, nru 181, 14.11.2005, p. 2948).

    (5)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Lussemburgu A Nru 16, 12.2.2008, p. 260

    (6)  Skont il-Lussemburgu, il-konsum totali tal-elettriku fil-Lussemburgu kien ta’ 5 650 GWh fl-2000.

    (7)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Lussemburgu A Nru 79, 21.8.2000, p, 1896.

    (8)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Lussemburgu A Nru 70, 19.6.2001, p. 1407.

    (9)  Il-konsumaturi l-kbar tal-elettriku huma l-impriżi konnessi man-netwerk elettriku b’tensjoni ogħla minn 65 kV.

    (10)  Skont l-Artikolu 14 tar-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001, l-għadd ta’ benefiċjarji tal-eżenzjoni jista’ madankollu jiċċekken qabel l-1 ta’ Jannar 2006 jekk il-kontribuzzjoni tal-klijenti suġġetti għall-fond ta’ kumpens tiżdied b’iktar minn 50 % matul is-snin finanzjarji 2002 u 2003.

    (11)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Lussemburgu A nru 203, 16.12.2005, p. 3256.

    (12)  L-Artikolu 1 tar-RGD tad-9 ta’ Diċembru 2005 li jimmodifika l-Artikolu 21 tar-RGD tat-22 ta’ Mejju 2001.

    (13)  Ir-RGD tad-9 ta’ Diċembru 2005, Artikolu 1.

    (14)  Ara l-punti 14 sa 19 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali ta’ invetigazzjoni, ĠU C 255, 23.10.2002.

    (15)  ĠU L 37, 3.2.2001, p. 3.

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2001 dwar il-każ N 842/2000 (ĠU C 5, 8.1.2002, p. 5).

    (17)  Ara l-punt 51, taħt 1a).

    (18)  Ara l-punt 51, taħt 1b), it-tieni inċiż.

    (19)  Ara l-punt 46.

    (20)  C-379/98, Ġabra 2001, p.I-02099

    (21)  Il-Protokoll ta’ Kyoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Bidla fil-Klima, adottat fil-11 ta’ Diċembru 1997.

    (22)  Ara l-punti 14 sa 19 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (23)  ĠU C 30, 2.2.2002, p. 15.

    (24)  ĠU C 148, 25.6.2003, p. 12.

    (25)  ĠU C 221, 14.9.2006, p. 8.

    (26)  ĠU C 39, 13.2.2008, p. 3.

    (27)  Il-Każijiet inqasmu f’parti A (enerġija li tiġġedded) u parti B (koġenerazzjoni), ĠU C 221, 14.9.2006, p. 8

    (28)  ĠU L 219, 24.8.2007, p. 9.

    (29)  Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs il-Kummissjoni (C-482/99, Ġabra 2002 p. 1-4397), punt 24.

    (30)  Ara s-sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni, (C-83/98, Ġabra 2000 p. I-3271), punt 50 u s-sentenza tat-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs il-Kummissjoni (T-358/94, Ġabra 1996 p.II-2109), punt 67.

    (31)  Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2002 p.I-4397, punti 38-42 u s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 20, punti 59-61.

    (32)  Ara s-sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, Ġabra 2002 p. 1-4397), punt 37.

    (33)  Ara l-punt (22).

    (34)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

    (35)  Ara l-punti 70(5) u 70(10) tal-linji gwida 2008.

    (*)  Informazzjoni kunfidenzjali

    (36)  […].

    (37)  […].

    (38)  […].

    (39)  Is-sorsi ta’ enerġija kkonċernati huma l-idroenerġija, l-enerġija solari, l-enerġija mill-qawwa tar-riħ, il-bijomassa u l-bijogass.

    (40)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2001 dwar il-każ N 842/2000.

    (41)  L-awtoritajiet Lussemburgiżi speċifikaw ukoll li l-sistemi ta’ koġenerazzjoni għandhom jivvalidaw il-kriterji ta’ effiċjenza għolja ppreżentati fil-punt 70(11) tal-linji gwida 2008.

    (42)  Din il-kwantità għandha tirrefletti d-diversità tal-enerġiji nodfa appoġġjati mill-fond ta’ kumpens u għandha tkun iddeterminata abbażi ta’ dawn it-tliet fatturi, skont it-termini tal-emenda tat-13 ta’ April 2005: “1. il-konsum tal-elettriku tal-impriża matul il-perjodu li fiha ħadet vantaġġ mill-eżenzjoni, 2. ir-rata ta’ kopertura tal-konsum nazzjonali tal-elettriku mill-produzzjoni tal-elettriku appoġġjat mill-fond ta’ kumpens 3. il-perċentwali ta’ differenza bejn ir-rata ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-impriża u r-rata ġenerali [ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika]”. Il-perċentwali ta’ differenza ma tistax tkun iktar minn 100 %. L-għan ta’ 15 % ta’ titjib fl-effiċjenza tal-enerġija hija adattata pro rata fil-każ tal-impriżi li bdew l-attivitajiet tagħhom wara l-1990.

    (43)  Sentenza tal-Qorti tat-17 ta’ Lulju 2008, Essent (C-206/06), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

    (44)  Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Ottubru 2003, il-Belġju vs Eugene van Calster, Felix Cleeren u Openbaar Slachthuis NV, (C-261/01 u C-262/01, Ġabra 2003, p.I-12249)

    (45)  […]

    (46)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar il-Każijiet NN 162/03 u N 317/206 (ara n-nota Nru 27 ta’ qiegħ il-paġna).


    Top