Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0247

    2009/247/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2003/322/KE dwar l-għalf ta’ ċerti speċi ta’ tjur nekrofaġi fil-Bulgarija b’ċertu materjal ta’ Kategorija 1 (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1670) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 73, 19.3.2009, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/247/oj

    19.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 73/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Marzu 2009

    li temenda d-Deċiżjoni 2003/322/KE dwar l-għalf ta’ ċerti speċi ta’ tjur nekrofaġi fil-Bulgarija b’ċertu materjal ta’ Kategorija 1

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1670)

    (It-testi bil-Bulgaru, bl-Ispanjol, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Portugiż biss huma awtentiċi)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/247/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/322/KE tat-12 ta’ Mejju 2003 li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għalf ta’ ċerti tjur nekrofaġi b’ċerti materjali tal-kategorja 1 (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għalf ta’ ċerti speċi fil-periklu jew protetti tal-għasafar nekrofaġi minn ċerti Stati Membri.

    (2)

    Din id-Deċiżjoni tagħti lista tal-Istati Membri awtorizzati biex jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, l-ispeċi ta’ tjur nekrofaġi li jistgħu jingħataw l-għalf bil-materjal tal-Kategorija 1, u r-regoli li jimplimentaw li taħthom jista’ jingħata l-għalf.

    (3)

    Il-Bulgarija ressqet talba għall-awtorizzazzjoni tal-għalf ta’ ċerti speċi ta’ tjur nekrofaġi b’ċertu materjal tal-Kategorija 1 u ressqet tagħrif sodisfaċenti dwar l-okkorrenza ta’ dawn l-ispeċi fuq it-territorju tagħha u dwar il-miżuri ta’ sigurezza li għandhom jiġu applikati meta jingħata l-għalf ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 1 lil dawn it-tjur.

    (4)

    Għalhekk id-Deċiżjoni 2003/322/KE għandha tiġi emendata skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2003/322/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-għalf ta’ tjur nekrofaġi bil-materjal tal-Kategorija 1

    Skont l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru u l-Portugall jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ iġsma sħaħ ta’ annimali mejta li jista’ jkollhom materjal speċifiku ta’ riskju kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)(ii) ta’ dan ir-Regolament għall-għalf tal-ispeċi fil-periklu jew protetti tat-tjur nekrofaġi kif stipulat fil-Parti A tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”

    (2)

    L-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Konformità mill-Istati Membri kkonċernati

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.”

    (3)

    L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Id-destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika Portugiża.”

    (4)

    Fil-Parti A tal-Anness, qed jiżdied il-punt (g) li ġej:

    “(g)

    Fil-każ tal-Bulgarija: avaltun iswed (Aegypius monachus), avaltun bil-baffi (Gypaetus barbatus), avaltun grifun (Gyps fulvus), avaltun Eġizzjan (Neophron percnopterus), ajkla rjali (Aquila chrysaetos), ajkla imperjali (Aquila heliaca), ajkla tal-baħar (Haliaeetus albicilla), astun iswed (Milvus migrans) u astun aħmar (Milvus milvus).”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika Portugiża.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 117, 13.5.2003, p. 32.


    Top