Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0140

    2009/140/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta' Frar 2009 dwar in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tar-referenza għall-istandard EN 3-9:2006 Apparat tat-tifi tan-nar li jista’ jinġarr – Parti 9: Rekwiżiti addizzjonali għal EN 3-7 għar-reżistenza ta’ pressjoni ta’ apparat tat-tifi tan-nar CO 2 , skont id-Direttiva 97/23/KE dwar apparat ta’ pressjoni (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 666) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 48, 19.2.2009, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/140(1)/oj

    19.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 48/13


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-10 ta' Frar 2009

    dwar in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tar-referenza għall-istandard EN 3-9:2006 “Apparat tat-tifi tan-nar li jista’ jinġarr – Parti 9: Rekwiżiti addizzjonali għal EN 3-7 għar-reżistenza ta’ pressjoni ta’ apparat tat-tifi tan-nar CO2”, skont id-Direttiva 97/23/KE dwar apparat ta’ pressjoni

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 666)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/140/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ apparat ta’ pressjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti stabbilit skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli tas-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 97/23/KE tipprovdi li apparat ta’ pressjoni u l-assemblaġġi jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jitħaddmu jekk biss, meta jkunu installati kif suppost u mantnuti u użati għall-użu maħsub għalihom, ma jpoġġux is-saħħa u s-sigurezza ta’ persuni f’periklu u, fejn ikun xieraq, annimali domestiċi jew proprjetà.

    (2)

    Apparat ta’ pressjoni u l-assemblaġġi huma meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE jekk dawn jikkonformaw mal-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards armonizzati li n-numru ta’ referenza tagħhom kienu ġew ippublikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/23/KE, l-Isvezja ressqet oġġezzjoni formali dwar l-istandard EN 3-9:2006 adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fit-2 ta’ Novembru 2006 li s’issa r-referenza tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għadha ma ġietx ippubblikata.

    (4)

    L-Isvezja tikkunsidra t-taqsimiet 4, 5.1, 5.2, 5.4, 6 u 8 tal-istandard EN 3-9:2006 ma jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 97/23/KE.

    (5)

    Fir-rigward tat-taqsima 4 (materjali) ta’ EN 3-9:2006, l-Isvezja tikkunsidra li informazzjoni ġenerali biss hi mogħtija u għalhekk mhux possibbli li jkun hemm provvediment għal soluzzjonijiet tekniċi fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-materjali fil-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE. L-għażla preċiża tal-materja hi, f’dan il-kuntest, element essenzjali biex jintlaħqu diversi rekwiżiti essenzjali dwar is-sigurezza għal apparat ta’ pressjoni b’konformità mar-rekwiżiti relevanti tal-Mandat M/071 għas-CEN.

    (6)

    It-Taqsima 4 tal-istandard EN 3-9:2006 ma tispeċifikax it-tipi ta’ materjali li għandhom jintużaw. L-istandard jipprekludi biss l-użu ta’ materjali mhux tal-metall għall-għamla ta’ apparati li joperaw u jirrikjedi li l-materjali tal-komponenti li jistgħu jkunu f’kuntatt mal-kontenut għandhom ikunu kompatibbli kemm mal-kontenut u anki mal-materjal tal-komponenti oħra. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi konkreti, it-taqsima 4 tal-EN 3-9:2006 ma tistax tagħti l-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

    (7)

    Fir-rigward tat-taqsima 5 (disinn) tal-istandard EN 3-9:2006, u mod partikolari t-taqsimiet 5.1 u 5.2, l-Isvezja hi tal-opinjoni li dawn ma jinkludux rekwiżiti tekniċi fir-rigward tad-disinn ta’ kontenituri tas-CO2 għas-saħħa xierqa fir-rigward taż-żamma tal-pressjoni. L-Isvezja tikkunsidra li dawn il-klawżoli ma jikkonformawx mal-punti 2.3 u 2.9 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

    (8)

    It-Taqsimiet 5.1 u 5.2 tal-istandard EN 3-9:2006 ma jinkludu l-ebda rekwiżiti speċifiċi dwar id-disinn taċ-ċilindru u tal-apparat li jopera, u kif ukoll l-ebda soluzzjoni teknika ddettaljata biex tassigura l-mili u t-tbattil. Għalhekk, dawn mhumiex suffiċjenti biex jagħtu l-preżunzjoni ta’ konformità għar-rekwiżiti ta’ tqandil u operazzjoni siguri fil-punt 2.3 u fil-mili u t-tbattil sigur fil-punt 2.9 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

    (9)

    L-Isvezja tikkunsidra wkoll li t-taqsima 5.4 tal-istandard EN 3-9:2006 ma tikkonformax mal-punt 2.11.2 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

    (10)

    It-Taqsima 5.4 tal-istandard EN 3-9:2006 tgħid li l-apparat ta’ sigurezza ta’ meta tinfaqa’ d-diska tal-apparat tat-tifi tan-nar irid ikun attivat meta l-pressjoni tkun bejn 10 % aktar mill-pressjoni massima permessa PS u t-test tal-pressjoni PT. Id-diska li tinfaqa’ hi kklassifikata fl-istandard bħala aċċessorju ta’ sigurezza. Madankollu, id-diska li tinfaqa’ mhix apparat tipiku li jillimita l-pressjoni iżda hi apparat ta’ protezzjoni, billi l-għan tagħha hu li tnaqqas il-ħsara f’każ ta’ mili żejjed jew sħana żejda. Barra minn hekk, il-punt 2.11.2 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE dwar apparati li jillimitaw il-pressjoni tirrikjedi li dawn l-apparati jkunu ddisinjati biex il-pressjoni ma taqbiżx b’mod permanenti l-pressjoni massima permessa PS u li qabża ta’ żmien qasir biss tista’ taqbeż il-PS u anki f’dak il-każ 10 % biss. Għalhekk, din it-taqsima ma tistax tagħti preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 97/23/KE.

    (11)

    Skont l-Iżvezja, it-taqsima 6 tal-istandard EN 3-9:2006 (il-manifattura tal-apparat tat-tifi tan-nar assemblat) hi intiża, skont l-Anness ZA tiegħu, biex tassigura konformità mar-rekwiżiti tal-punt 2.8 (Assemblaġġi) tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE. Madankollu, il-punt 2.8 tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva tirrelata aktar mad-disinn milli mal-manifattura tal-apparat tat-tifi tan-nar assemblat.

    (12)

    Il-Punt 2.8 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE tinkludi rekwiżiti tad-disinn għall-assemblaġġi, biex tassigura li l-komponenti differenti, l-integrazzjoni proprja u l-assemblaġġ xieraq f’prodott wieħed integrat u funzjonali jkunu adatti. Il-Punt 3 tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva tinkludi rekwiżiti dettaljati dwar il-manifattura.

    (13)

    It-Taqsima 6 tal-istandard EN 3-9:2006 ma tinkludix rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tad-disinn. Minflok fiha informazzjoni ġenerali kemm fuq id-disinn u anki l-manifattura, iżda din mhix suffiċjenti biex tagħti l-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-punt 2.8 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE. Barra minn hekk, billi l-kontenut ta’ din it-taqsima ma jikkorrispondix mar-rekwiżiti relevanti tad-Direttiva, din tista’ toħloq konfużjoni.

    (14)

    Finalment, l-Isvezja tikkunsidra li t-taqsima 8 tal-istandard EN 3-9:2006 ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-punt 3.3 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE, billi tnejn mill-aktar parametri importanti, il-pressjoni massima permessa PS u t-temperatura massima permessa (TSmax) huma nieqsa.

    (15)

    Id-Direttiva 97/23/KE tinkludi fil-punt 3.3 tal-Anness I rekwiżiti dettaljati fuq l-immarkar u l-ittikkettjar tal-apparat ta’ pressjoni. Din tinkludi, għal kull apparat ta’ pressjoni, informazzjoni dwar il-limiti massimi/minimi permessi essenzjali.

    (16)

    It-Taqsima 8 tal-istandard EN 3-9:2006 tinkludi rekwiżiti ta’ immarkar dwar il-pressjoni massima permessa PS, iżda mhux dwar it-temperatura minima u massima permessi (TSmin/TSmax). Għalhekk, din mhix suffiċjenti biex tagħti l-preżunzjoni ta’ konformità mal-punt 3.3 tal-Anness I tad-Direttiva 97/23/KE.

    (17)

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ġenerali tal-istruttura u l-kontenut tal-istandard EN 3-9:2006 mhix ċara biżżejjed dwar il-fatt jekk din tindirizzax ir-rekwiżiti tad-disinn għall-assemblaġġ biss (apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr) jew tkoprix ukoll id-disinn tal-komponenti u l-fażi ta’ manifattura tal-assemblaġġ. Din jaf toħloq konfużjoni fl-iskop u r-relazzjoni bejn il-klawżoli tagħha u r-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 97/23/KE.

    (18)

    Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-EN 3-9:2006, tal-informazzjoni rċevuta fil-qasam tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, is-CEN u l-industrija u wara l-valutazzjoni tal-aspetti kollha kkonċernati, jirriżulta li l-istandard EN 3-9:2006 armonizzat jonqos milli jilħaq ir-rekwiżiti essenzjali li jikkorrispondu tad-Direttiva 97/23/KE.

    (19)

    Ir-referenzi tal-istandard EN 3-9:2006 għalhekk ma għandhiex tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-referenza tal-istandard EN 3-9:2006 “Apparati tat-tifi tan-nar li jistgħu jinġarru – Parti 9: Rekwiżiti addizzjonali għall-EN 3-7 għar-reżistenza tal-pressjoni ta’ apparati tat-tifi tan-nar tas-CO2” ma għandhiex tkun ippubblikata fil-lista ta’ standards ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Frar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Viċi President


    (1)  ĠU L 181, 9.7.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


    Top