Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0102

2009/102/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 4 ta' Novembru 2008 li tagħti għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Ungerija għaż-żmien medju

ĠU L 37, 6.2.2009, pp. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/102(1)/oj

6.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 37/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Novembru 2008

li tagħti għajnuna finanzjarja tal-UE lill-Ungerija għaż-żmien medju

(2009/102/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002, li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għaż-żmien medju għall-bilanċi ta' pagament (1) tal-Istati Membri, u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC),

Billi:

(1)

Bid-deċiżjoni 2009/103/KE (2) il-Kunsill iddeċieda li jagħti għajnuna reċiproka lill-Ungerija.

(2)

Minkejja t-titjib mistenni fil-kont kurrenti, il-bżonnijiet ta’ finanzjament estern tal-Ungerija fl-2008 u l-2009 huma stmati għal EUR 20 biljun, billi, minħabba l-iżviluppi esperjenzati dan l-aħħar fis-swieq finanzjarji l-kont kapitali u finanzjarju jista’ jiddeterjorja sostanzjalment bl-aċċellerazzjoni tal-flussi netti ’l barra tal-portafoll.

(3)

Jixraq li tingħata għajnuna Komunitarja lill-Ungerija ta’ massimu ta’ EUR 6,5 biljun mill-Faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għaż-żmien medju għall-bilanċ tal-pagamenti tal-Istati Membri stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 332/2202. L-għajnuna għandha tingħata flimkien ma' self mill-Fond Monetarju Internazzjonali ta’ SDR 10,5 biljun (madwar EUR 12,5 biljun) taħt arranġament Stand-by li mistenni jiġi approvat fis-6 ta’ Novembru 2008. Il-Bank Dinji qabel ukoll li jsellef lill-Ungerija EUR 1 biljun.

(4)

L-għajnuna għandha tkun ġestita mill-Kummissjoni li, wara li tikkonsulta mal-EFC, għandha taqbel mal-awtoritajiet tal-Ungerija dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar is-Self.

(5)

L-għajnuna għandha tingħata bil-ħsieb li tiġi appoġġjata s-sostenibilità tal-bilanċ tal-pagamenti fl-Ungerija u, b’dan il-mod, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tajba tal-programm ta’ politika ekonomika tal-Gvern fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji attwali,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli self għaż-żmien medju lill-Ungerija li jammonta għal massimu ta' EUR 6,5 biljun, b'maturità medja massima ta' ħames snin.

2.   Din l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tkun disponibbli għal sentejn, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni f’mod konsistenti mal-impenji tal-Ungerija u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, partikolarment fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll il-programm ta' konverġenza u l-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

2.   Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-awtoritajiet tal-Ungerija, wara li tikkonsulta l-EFC, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja, kif stipulat fl-Artikolu 3(4). Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-ftehim dwar is-self.

3.   Il-Kummissjoni għandha, b'kollaborazzjoni mal-EFC, tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna, jiġu sodisfatti. L-EFC għandha tinżamm infurmata mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tas-self jew ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 3

1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Ungerija f'mhux iktar minn ħames ħlasijiet li d-daqs tagħhom għandu jiġi stipulat fil-Memorandum ta’ Ftehim.

2.   L-ewwel ħlas għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u l-Memorandum ta’ Ftehim, kif ukoll għandu jkun ibbażat fuq is-sottomissjoni ta’ l-emendi leġiżlattivi għall-abozz tal-proposta tal-baġit tal-2009 lill-Parlament Ungeriż, li għandhom il-mira li jiksbu defiċit ta’ 2,6 % tal-PGD u li jinkludu l-miżuri baġitarji fil-bażi.

3.   Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, l-użu prudenti ta’ skambji tar-rata tal-interess ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta' kreditu, għandu jkun permess.

4.   Il-Kummissjoni, wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-EFC, għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx ta’ iktar ħlasijiet. Ir-rilaxx ta’ kull ħlas sussegwenti għandu jsir fuq il-bażi tal-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku l-ġdid tal-Gvern Ungeriż sostnut mill-arranġament mal-FMI u inkluż ukoll fil-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija li ġej u, partikolarment, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim.

Dawn il-kundizzjonijiet ta' politika għandhom jinkludu, inter alia:

(a)

il-progress fil-konsolidazzjoni fiskali ppjanata mill-Gvern fil-kuntest tal-programm ġdid tiegħu li huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-10 ta' Ottubru 2006, kif ukoll l-Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament tal-programm ta’ konverġenza ta' Novembru 2007, b’mod partikolari fir-rigward tal-mira tad-defiċit tal-2009;

(b)

miżuri speċifiċi biex jiġi kkontrollat l-infiq għall-proċess ta' konsolidazzjoni;

(c)

progress fir-riforma tal-governanza finanjarja permezz tat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali u l-introduzzjoni ta’ regoli fiskali ta’ żmien medju skont il-proposta qafas li qed tiġi diskussa attwalment fil-Parlament Ungeriż;

(d)

regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju u riformi fis-sorveljanza u tkabbir tal-kapaċità tal-awtoritajiet sabiex jindirizzaw b'mod effiċjenti kwistjonijiet ta’ tħassib dwar solvibilità u likwidità; u,

(e)

miżuri ta’ riforma strutturali appoġġjati fil-kuntest tal-istrateġija ta’ Liżbona, bħat-tisħiħ ta’ inċentivi għax-xogħol bil-ħsieb li jiġu sostnuti l-impjiegi u jikkontribwixxu għas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Ungerija. Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)   ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

(2)  Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top