Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0017(01)

    2009/555/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2003/14 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja ta’ tul medju (BĊE/2009/17)

    ĠU L 190, 22.7.2009, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/555/oj

    22.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/11


    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tad-19 ta’ Ġunju 2009

    li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2003/14 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja ta’ tul medju

    (BĊE/2009/17)

    (2009/555/KE)

    IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artikolu 119 u l-Artikolu 123(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u partikolarment l-Artikolu 17, l-Artikolu 21.2 u l-Artikolu 44 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 47.1 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 431/2009 tat-18 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (2) l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-self mogħti taħt il-faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju lill-Istati Membri li ma adottawx l-euro.

    (2)

    L-Artikolu 1(5) tar-Regolament (KE) Nru 431/2009 jintroduċi Artikolu 7(5) ġdid fir-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jeħtieġ li Stati Membri li jirċievu self mogħti taħt il-faċilità tal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju li jittrasferixxu l-ammonti meħtieġa għall-ħlas mill-ġdid tal-kapital u għall-ħlas tal-imgħaxijiet fuq dak is-self f’kont mal-BĊE tat-TARGET 2 sebat ijiem qabel id-dati tal-għeluq rispettivi. Għalhekk, il-BĊE jikkunsidra li huwa xieraq li jiftaħ kontijiet speċifiċi għall-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri għal dak l-iskop.

    (3)

    Id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 tas-7 ta’ Novembru 2003 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet skont il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja ta’ tul medju (3) għandha tiġi emendata biex tirrifletti dan it-tibdil,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni BĊE/2003/14 hija emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

    “Artikolu 2

    Il-ħlasijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operazzjonijiet ta’ self tal-Komunità Ewropea għandhom isiru permezz ta’ kontijiet f’isem il-BĊE u/jew, wara li jitqiesu l-arranġamenti tas-self bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat Membru inkwistjoni, permezz ta’ kontijiet miftuħin mal-BĊE f’isem il-bank ċentrali nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew f’isem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.”

    2.

    L-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’li ġej:

    “2.   Il-fondi li jirċievi l-ECB, għall-kont tal-Komunità Ewropea, fir-rigward tal-ħlas tal-imgħax jew ir-rimborż tal-kapital minn Stat Membru li rċieva s-self, għandhom jigu ttrasferiti fid-data tal-iskadenza u għall-kontijiet speċifikati mill-kredituri skont l-arranġamenti ta’ self li l-Komunità Ewropea kkonkludiet.”

    3.

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’li ġej:

    “Artikolu 4

    Il-BĊE għandu jirreġistra kull operazzjoni ta’ self fil-kotba tiegħu fil-kontijiet Euro li ġejjin:

    (a)

    kont fuq in-naħa tal-passiv għar-reġistrazzjoni ta’ fondi rċevuti għall-kont tal-Komunità Ewropea u t-trasferiment tagħhom lill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li jirċievi s-self korrispondenti;

    (b)

    kont memorandum, intitolat ‘Il-passiv tal-Komunità Ewropea dwar operazzjonijiet ta’ self tal-Komunità Ewropea,’ diviż, fejn applikabbli, f’subkontijiet li jikkorrespondu mal-kredituri individwali fir-rigward tal-arranġamenti ta’ self;

    (c)

    kont memorandum, intitolat ‘Talbiet tal-Komunità Ewropea dwar operazzjonijiet ta’ self tal-Komunità Ewropea’.”

    4.

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’ li ġej:

    “Artikolu 5

    Il-BĊE għandu jirreġistra l-operazzjonijiet finanzjarji deskritti fl-Artikolu 3 billi jnaqqas jew jikkredita l-kontijiet imsemmijin f’din id-Deċiżjoni, fid-data tal-valur tagħhom.”

    5.

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   Il-BĊE għandu jiċċekkja d-dati tat-trasferiment u tal-iskadenzi msemmija fl-arranġamenti ta’ self għall-ħlas tal-imghax u r-rimborż tal-kapital.

    2.   Il-BĊE għandu jinnotifika lill-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li jkun midjun mal-Komunità Ewropea ta’ lanqas ħmistax-il ġurnata kalendarja qabel kull data ta’ trasferiment.”

    Artikolu 2

    Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jimplimenta din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

    Il-President tal-BĊE

    Jean-Claude TRICHET


    (1)  ĠU L 128, 27.5.2009, p. 1

    (2)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 35.


    Top