Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0001

    2009/1/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li tagħti d-deroga mitluba mir-Repubblika tal-Bulgarija skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2500 - 2690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8302)

    ĠU L 2, 6.1.2009, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/04/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/1(2)/oj

    6.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 2/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Diċembru 2008

    li tagħti d-deroga mitluba mir-Repubblika tal-Bulgarija skont id-Deċiżjoni 2008/477/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8302)

    (It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

    (2009/1/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(5) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE tat-13 ta’ Ġunju 2008 dwar l-armonizzazzjoni tal-medda ta’ frekwenzi bejn 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità (2), u partikolarment l-Artikolu 2(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE l-Istati Membri għandhom jallokaw u sussegwentement iqiegħdu għad-dispożizzjoni, fuq bażi mhux esklussiva, il-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, skont parametri speċifiċi, sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    (2)

    L-Istati Membri huma obbligati li jallokaw u sussegwentament iqiegħdu għad-dispożizzjoni l-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz, skont id-Deċiżjoni Nru 2008/477/KE, sa mhux aktar tard mit-13 ta’ Diċembru 2008.

    (3)

    L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 2008/477/KE jistipula li, permezz ta’ deroga, l-Istati Membri jistgħu jitolbu perjodi ta’ tranżizzjoni li jistgħu jinkludu arranġamenti ta’ qsim tal-ispettri tar-radju, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

    (4)

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija għarrfet lill-Kummissjoni li, peress li bħalissa din il-medda hija okkupata fuq bażi esklussiva minn tagħmir mobbli tal-komunikazzjoni elettronika li jintuża għal bżonnijiet tas-sigurtà nazzjonali, ma tistax timplimenta r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2008/477/KE fil-ħin.

    (5)

    Għalhekk, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2008, ir-Repubblika tal-Bulgarija talbet li hija tingħata deroga temporanja minn dawn ir-rekwiżiti biex tkun tista’ tkompli tuża dan it-tagħmir sakemm tistabbilixxi sistema mobbli ġdida ta’ komunikazzjoni bir-radju għas-sigurtà nazzjonali li tuża medda ta’ frekwenzi differenti.

    (6)

    It-tul taż-żmien tad-deroga għandu jvarja skont ir-reġjun. Għar-reġjuni ta’ Vidin, Montana, Vratsa, Lovech, Pleven, Gabrovo, Veliko Tarnovo, Russe, Turgovishte, Razgrad, Shumen, Silistra, Dobrich u Varna (jiġifieri, għat-Tramuntana tal-Bulgarija), id-deroga għandha tiġi estiża sa tmiem is-sena 2009. Għaż-żoni ta’ madwar il-belt ta’ Triavna u għal Blagoevgrad, Pazardjik, Plovdiv, Smolyan, Kurdzhaly, Haskovo, Stara Zagora, Sliven, Yambol, Burgas, il-Belt ta’ Sofia u r-Reġjun ta’ Sofia (jiġifieri, għan-Nofsinhar tal-Bulgarija), id-deroga għandha tiġi estiża sa tmiem is-sena 2010, filwaqt li l-Bulgarija għandha tipprova twettaq l-obbligi tagħha fil-Belt ta’ Sofia u fir-Reġjun ta’ Sofia sas-sena 2009.

    (7)

    Il-Bulgarija ġġustifikat it-talba tagħha għal deroga b’mod suffiċjenti billi ċċarat, partikolarment, il-ħtieġa li jiġu allokati frekwenzi oħra xierqa għall-utenti attwali tal-medda ta’ frekwenzi 2 500-2 690 MHz, l-importanza li l-frekwenzi ta’ konnessjoni kollha tal-istess reġjun jiġu mibdula fl-istess ħin u l-ħtieġa li jiġu allokati riżorsi finanzjarji biex jinxtara tagħmir mobbli ġdid ta’ komunikazzjoni għas-sigurtà pubblika. Rapport dwar il-progress f’dan il-bdil ta’ frekwenzi u t-twettiq tal-impenji għandu jgħin biex waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni kollox jimxi b’mod xieraq.

    (8)

    Il-membri tal-Kumitat tal-Ispektrum tar-Radju indikaw, fil-laqgħa tal-Kumitat tat-2 ta’ Ottubru 2008, li huma ma joġġezzjonawx għal deroga tranżizzjonali.

    (9)

    Il-limitazzjoni mitluba la għandha tiddiferixxi bla ħtieġa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE u lanqas toħloq differenzi għalxejn f’materji ta’ kompetittività jew ta’ regolamenti bejn l-Istati Membri. It-talba hija ġġustifikata u deroga tranżizzjonali għandha tkun xierqa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Wara li ressqet it-talba tagħha fit-22 ta’ Ottubru 2008, ir-Repubblika tal-Bulgarija hija b’dan awtorizzata li tipposponi l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/477/KE fit-Tramuntana tal-Bulgarija sal-31 ta’ Diċembru 2009 u fin-Nofsinhar tal-Bulgarija sal-31 ta’ Diċembru 2010, suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3.

    Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta’ din id-deċiżjoni,

    It-Tramuntana tal-Bulgarija tfisser ir-reġjuni amministrattivi ta’ Vidin, Montana, Vratsa, Lovech, Pleven, Gabrovo, Veliko Tarnovo, Russe, Turgovishte, Razgrad, Shumen, Silistra, Dobrich u Varna;

    In-Nofsinhar tal-Bulgarija tfisser iż-żoni ta’ madwar il-belt ta’ Triavna, ir-Reġjun ta’ Sofia, il-Belt ta’ Sofia, kif ukoll ir-reġjuni amministrattivi ta’ Blagoevgrad, Pazardjik, Plovdiv, Smolyan, Kurdzhaly, Haskovo, Stara Zagora, Sliven, Yambol u Burgas.

    Artikolu 3

    Sas-16 ta’ Jannar 2010, il-Bulgarija għandha tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 2008/477/KE fit-Tramuntana tal-Bulgarija, l-Belt ta’ Sofia u r-Reġjun ta’ Sofia u sas-16 ta’ Jannar 2011 għandha tissottometti rapport li jkopri t-territorju tagħha kollu.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 163, 24.6.2008, p. 37.


    Top