EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1261

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1261/2008 tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 2 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 338, 17.12.2008, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1261/oj

17.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 338/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1261/2008

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 2

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali tal-kontabilità li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fis-17 ta’ Jannar 2008, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika Emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 2 Share-based Payment (“Pagament Ibbażat fuq l-Ishma”) [traduzzjoni mhux uffiċjali], minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “emenda għall-IFRS 2”. L-emenda għall-IFRS 2 tipprovdi kjarifika dwar x'inhuma kondizzjonijiet ta’ intitolament, kif wieħed għandu jqis il-kondizzjonijiet ta’ intitolament, u kif jitqies it-tħassir ta’ arranġament ta’ pagament ibbażat fuq l-ishma mill-entità jew mill-kontropartit.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emenda għall-IFRS 2 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) [il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju] (3), il-Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità qies li l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-approvazzjoni u nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea li din hija bbilanċjata b'mod tajjeb kif ukoll oġġettiva.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 L-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma huwa emendat skond l-Emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “emenda għall-IFRS 2”, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRS 2, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, l-aktar tard, mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IFRS 2

Emendi għall-IFRS 2 Pagament ibbażat fuq l-Ishma

Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta’ kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org

Emendi għal IFRS 2

Pagament Ibbażat fuq l-Ishma

Dan id-dokument jippreżenta l-emendi għall-IFRS 2 Pagament Ibbażat fuq l-Ishma. L-emendi jiffinalizzaw il-proposti li kienu jinsabu fl-abbozz għad-diskussjoni ta’ emendi proposti għall-IFRS 2—Kundizzjonijiet tal-Vestiment u Kanċellamenti ppubblikat fi Frar 2006.

L-entitajiet għandhom japplikaw dawn l-emendi għall-pagamenti kollha bbażati fuq ishma li jaqgħu fl-ambitu ta’ IFRS 2 għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa.

KUNDIZZJONIJIET LI MA JOĦOLQUX VESTIMENT

Fl-Istandard, wara l-paragrafu 21, għandhom jiddaħħlu intestatura u l-paragrafu 21A skond kif ġej:

“Trattament ta’ kundizzjonijiet li ma joħolqux vestiment

21A

Bl-istess mod, entità għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet kollha li ma joħolqux vestiment meta tistma l-valur ġust tal-istrumenti azzjonarji mogħtija. Għalhekk, għal għotjiet ta' strumenti azzjonarji b'kundizzjonijiet li ma joħolqux vestiment, l-entità għandha tirrikonoxxi l-prodotti jew servizzi rċevuti minn kontraparti li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-vestiment li mhumiex kundizzjonijiet tas-suq (eż. servizzi rċevuti minn impjegat li jibqa' fis-servizz ta’ dik l-entità għall-perjodu speċifikat tas-servizz), irrispettivament minn jekk dawk il-kundizzjonijiet li ma joħolqux vestiment ikunux issodisfati.”

KANĊELLAMENTI

Fl-Istandard, il-paragrafu 28 hu emendat kif ġej:

“28

Jekk għotja ta’ strumenti azzjonarji tiġi kkanċellata jew saldata matul il-perjodu tal-vestiment (minbarra għotja kkanċellata minħabba telf ta' dritt meta l-kundizzjonijiet tal-vestiment ma jiġux issodisfati)…”

Fl-Istandard, il-paragrafu 28(b) hu emendat kif ġej:

“28

(b)

… Kwalunkwe eċċess bħal dan għandu jiġi rikonoxxut bħala spiża. Madankollu, jekk l-arranġament ta’ pagament ibbażat fuq ishma kien jinkludi komponenti ta’ obbligazzjoni, l-entità għandha tkejjel mill-ġdid il-valur ġust ta-obbligazzjoni fid-data tal-kanċellament jew saldu. Kull pagament li jsir għas-saldu tal-komponent tal-obbligazzjoni għandu jiġi kontabilizzat bħala tħassir tal-obbligazzjoni.”

Fl-Istandard, wara l-paragrafu 28, għandu jiddaħħal il-paragrafu 28A skond kif ġej:

“28A

Jekk entità jew kontroparti tista’ tagħżel jekk tissodisfax kundizzjoni li ma toħloqx vestiment, l-entità għandha tittratta n-nuqqas tal-entità jew tal-kontroparti li tissodisfa, matul il-perjodu tal-vestiment, dik il-kundizzjoni li ma toħloqx vestiment, bħala kanċellazzjoni.”

DATA EFFETTIVA

Fl-Istandard, il-paragrafu 62 hu miżjud kif ġej:

“62

Entità għandha tapplika l-emendi li ġejjin retrospettivament għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2009 jew wara.

(a)

ir-rekwiżiti fil-paragrafu 21A fir-rigward tat-trattament ta’ kundizzjonijiet li ma joħloqux vestiment;

(b)

id-definizzjonijiet riveduti ta’ “vesta” u “kundizzjonijiet tal-vestiment” fl-Appendiċi A;

(c)

l-emendi fil-paragrafi 28 u 28A fir-rigward tal-kanċellamenti.

Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu li jibda qabel l-1 ta’ Jannar 2009, hija għandha tiżvela dak il-fatt.”

DEFINIZZJONIJIET

Fl-Appendiċi A, id-definizzjoni ta' “vesta” u “kundizzjonijiet tal-vestiment” huma emendati kif ġej:

“kundizzjonijiet tal-vestiment

Il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw jekk l-entità tirċevix is-servizzi li jintitolaw lill-kontroparti biex tirċievi flus, assi oħra jew strumenti azzjonarji tal-entità, taħt arranġament ta' pagament ibbażat fuq l-ishma. Il-kundizzjonijiet tal-vestiment jistgħu jkunu jew kundizzjonijiet ta’ servizz jew kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni. Kundizzjonijiet ta’ servizz jeħtieġu li l-kontroparti ttemm perjodu speċifikat ta’ servizz. Kundizzjonijet ta’ prestazzjoni jeħtieġu li l-kontroparti ttemm perjodu speċifikat ta' servizz u li jintlaħqu miri speċifikati ta’ prestazzjoni (bħal żieda speċifikata fil-profitt ta' l-entità fuq perjodu speċifikat ta' żmien). Kundizzjoni ta’ prestazzjoni tista’ tinkludi kundizzjoni tas-suq.

vesta

Sar dritt. Taħt arranġament ta’ pagament ibbażat fuq l-ishma, id-dritt tal-kontroparti li tirċievi flus, assi oħra, jew strumenti azzjonarji tal-entità jiġi vestit meta l-intitolament tal-kontroparti ma jkunx għadu dipendenti fuq li jiġu ssodisfati xi kundizzjonijiet tal-vestiment.”


Top