EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1103

Regolament (KE) Nru 1103/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2008 li jadatta numru ta' strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju – Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju – It-Tielet Parti

ĠU L 304, 14.11.2008, p. 80–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1103/oj

14.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 304/80


REGOLAMENT (KE) Nru 1103/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2008

li jadatta numru ta' strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, fir-rigward tal-proċedura regolatorja bi skrutinju

Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju

It-Tielet Parti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (c) ta' l-Artikolu 61, il-punt 1(a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 63 u l-Artikolu 67 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4) ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE (5), li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitħassru uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi supplimentat b'elementi ġodda mhux essenzjali.

(2)

Konformement mad-Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (6) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex din il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun tapplika għall-istrumenti li huma diġà fis-seħħ u li kienu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(3)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda, li pparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' l-istrumenti emendati b'dan ir-Regolament, konformement ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, qegħdin jipparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(4)

Konformement ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk m'hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

F'dan ir-Regolament, “Stat Membru” tfisser l-Istati Membri kollha ħlief għad-Danimarka.

Artikolu 2

L-istrument elenkati fl-Anness huma b'dan adattati, konformement ma' dak l-Anness, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE.

Artikolu 3

Ir-referenzi magħmula għad-dispożizzjonijiet ta' l-istrumenti elenkati fl-Anness għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dawk id-dispożizzjonijiet kif adattati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri konformement mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 22 ta' Ottubru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 35.

(2)  ĠU C 117, 14.5.2008, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2008

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

(6)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


ANNESS

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali  (1)

Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex taġġorna u tagħmel aġġustamenti tekniċi lill-formoli stabbiliti fl-Annessi ta' dak ir-Regolament. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, huma għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1994/468/KE.

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 huwa b'dan emendat kif ġej:

1.

l-Artikolu 74(2) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“2.   L-aġġornament jew l-aġġustamenti tekniċi għal-formoli, li kampjuni tagħhom jidhru fl-Annessi V u VI, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 75(2).”;

2.

l-Artikolu 75(2) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“Artikolu 75

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.”.

2.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili u kummerċjali  (2)

Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex taġġorna u tagħmel aġġustamenti tekniċi għall-formoli standard stabbiliti fl-Anness ta' dak ir-Regolament. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1994/468/KE.

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 huwa b'dan emendat kif ġej:

1.

l-Artikolu 19(2) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“2.   L-aġġornament jew l-aġġustamenti tekniċi għall-formoli standard għandhom isiru mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 20(2).”;

2.

l-Artikolu 20(2) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“Artikolu 20

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.”.

3.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil depożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz  (3)

Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 343/2003, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' klawżola umanitarja u biex tadotta l-kriterji neċessarji biex twettaq trasferimenti. Billi dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 billi jissupplimentah b'elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 343/2003 huwa b'dan emendat kif ġej:

1.

l-Artikolu 15(5) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“5.   Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi, fejn ikun il-każ, mekkaniżmi ta' konċiljazzjoni għas-soluzzjoni ta' nuqqas ta' qbil bejn Stati Membri dwar il-ħtieġa li jgħaqqdu l-persuni kkonċernati, jew il-post fejn dan għandu jsir, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(3).”;

2.

l-Artikolu 19(5) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli supplimentari dwar l-eżekuzzjoni ta' trasferimenti. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(3).”;

3.

l-Artikolu 20(4) jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli supplimentari dwar l-eżekuzzjoni ta' trasferimenti. Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 27(3).”;

4.

l-Artikolu 27(3) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.”.

4.   Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati  (4)

Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 805/2004, għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-formoli standard stabbiliti fl-Annessi ta' dak ir-Regolament. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Għalhekk, l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 31

Emendi ta' l-Annessi

Il-Kummissjoni għandha temenda l-formoli standard fl-Annessi. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(2).

Artikolu 32

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.”.


(1)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15.


Top